Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1020 tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-Kroazja
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/1020@2017-06-08/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) F'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fil-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.
(2) L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 1 tkun ġiet sodisfatta fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI trid issir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.
(3) F'konformità mal-punt 1.1 tal-Kapitolu 4 tal-Anness għad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI, il-kwestjonarju mfassal mill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill jikkonċerna kull wieħed mill-iskambji awtomatizzati ta' data u jrid jintwieġeb minn Stat Membru hekk kif huwa jemmen li jissodisfa l-prerekwiżiti għall-kondiviżjoni tad-data fil-kategorija rilevanti ta' data.
(4) Il-Kroazja lestiet il-kwestjonarju dwar il-protezzjoni tad-data u l-kwestjonarju dwar l-iskambju tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD).
(5) Il-Kroazja wettqet b'suċċess prova pilota man-Netherlands.
(6) Saret żjara ta' evalwazzjoni fil-Kroazja u sar rapport dwar iż-żjara ta' evalwazzjoni mill-iskwadra ta' evalwazzjoni Netherlandiża u Rumena li ntbagħat lill-Grupp ta' Ħidma rilevanti tal-Kunsill.
(7) Ġie ppreżentat lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħti sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju ta' VRD.
(8) Fid-19 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill, wara li ħa nota tal-ftehim tal-Istati Membri kollha marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, ikkonkluda li l-Kroazja kienet implimentat għalkollox id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fl-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.
(9) Għalhekk, għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat tal-VRD, jenħtieġ li l-Kroazja tkun intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.
(10) Fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Magħquda C-14/15 u C-116/15, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonkludiet li l-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jistabbilixxi illegalment ir-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni.
(11) Madankollu, l-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb tal-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċeviment u l-forniment ta' data personali previsti skont dik id-Deċiżjoni.
(12) Peress li l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni ġew sodisfatti u l-proċedura f'dan ir-rigward ġiet segwita, jenħtieġ li tiġi adottata Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni dwar it-tnedija ta' skambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' VRD fil-Kroazja sabiex dak l-Istat Membru jkun jista' jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.
(13) Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.
(14) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Għall-finijiet tat-tiftix awtomatizzat ta' data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, il-Kroazja hija intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI mit-18 ta' Ġunju 2017.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017. Għall-Kunsill Il-President U. Reinsalu