Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1405 tal-31 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 847/2006 fir-rigward tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja

In forceVersion 2017-07-31from 2017-08-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/1405@2017-07-31/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/324/KE tas-27 ta' Frar 2006 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja bis-saħħa tal-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 dwar il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakka matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

(1) Mit-2 ta' Ġunju 2006, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 847/2006 introduċa żewġ kwoti tariffarji annwali għal importazzjonijiet bla dazju għal ċertu ħut ippreparat jew ippreservat.

(2) Skont il-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tat-Tajlandja, mehmuż mad-Deċiżjoni 2006/324/KE, xi volum ta' kull waħda minn dawk il-kwoti tariffarji ġie allokat lir-Renju tat-Tajlandja u l-kumplament infetaħ għall-importazzjonijiet mill-pajjiżi kollha.

(3) Kwota tariffarja speċifika għall-pajjiż hija allokata abbażi tal-oriġini mhux preferenzjali tal-merkanzija. L-indikazzjoni ta' din l-oriġini mhux preferenzjali trid tiġi inkluża fid-dikjarazzjoni għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni. F'xi każijiet, dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi sostnuta bi prova ta' oriġini maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż ta' oriġini.

(4) Skont ir-Regolament (KE) Nru 847/2006, il-benefiċċju tas-sehem tal-kwoti tariffarji allokati fit-Tajlandja, huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' oriġini li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 47 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93.

(5) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/481 ħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 b'effett mill-1 ta' Mejju 2016.

(6) Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2016, ma għadux jinkludi proċedura għall-ħruġ u l-preżentazzjoni ta' ċertifikat ta' oriġini komparabbli mal-proċedura applikata sat-30 ta' April 2016 skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(7) L-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ħut ippreparat jew ippreservat li joriġina mit-Tajlandja, li jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji miftuħa mir-Regolament (KE) Nru 847/2006, huma soġġetti għall-preżentazzjoni ta' Dokument Veterinarju Komuni ta' Dħul (CVED) skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 136/2004. Il-proċedura għall-ħruġ tas-CVED tipprovdi biżżejjed garanziji fir-rigward tal-oriġini tal-ħut ippreparat jew ippreservat.

(8) Barra minn hekk, l-awtoritajiet doganali jistgħu jitolbu lid-dikjarant biex iġib prova tal-oriġini tal-merkanzija skont l-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan jippermetti mezzi oħra ta' prova differenti minn ċertifikat formali u jiżgura li r-regoli rilevanti jiġu applikati kif suppost.

(9) Għaldaqstant, ir-rekwiżit li jiġi ppreżentat ċertifikat ta' oriġini sabiex wieħed jibbenefika mill-kwoti tariffarji għall-oġġetti kkonċernati li joriġinaw mit-Tajlandja, jenħtieġ li jitħassar mir-Regolament (KE) Nru 847/2006.

(10) Ir-regoli dwar il-ġestjoni tal-kwoti tariffarji huma stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447 li mill-1 ta' Mejju 2016 biddlu r-regoli mill-Artikoli 308a sa 308d tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. Jeħtieġ li l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/2006 jiġi emendat biex ikopri r-regoli l-ġodda.

(11) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 847/2006 qed jinbidlu b'dan li ġej:

Artikolu 1

Artikolu 3 L-oriġini għandha tkun determinata skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Unjoni.

Artikolu 4 Il-kwoti tariffarji stipulati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2017. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2017-07-31