Deċiżjoni (UE) 2017/1565 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/1565@2017-09-13/mt
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 212(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,
Billi:
(1) Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea (l-Unjoni) u r-Repubblika tal-Moldova qegħdin ikomplu jiżviluppaw fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) u s-Sħubija tal-Lvant. Ir-Repubblika tal-Moldova ssieħbet fis-Sħubija tal-Lvant fl-2009, li kienet segwita minn negozjati ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova. Dan il-Ftehim (il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni), li jinkludi l-introduzzjoni gradwali ta' Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), ġie ffirmat fis-27 ta' Ġunju 2014 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016.
(2) L-ekonomija tar-Repubblika tal-Moldova ġiet affettwata b'mod sinifikanti mill-instabilità politika esperjenzata fil-perjodu bejn l-elezzjonijiet ta' Novembru 2014 u Jannar 2016, kif ukoll minn skandlu tal-frodi bankarja, minn attività ekonomika dgħajfa fir-reġjun, u minn projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni imposti mir-Russja. Matul l-aħħar sena, dik is-sitwazzjoni kkontribwiet għall-produzzjoni ta' reċessjoni, żbilanċ fil-kummerċ li qed jiżdied u tnaqqis sinifikanti ta' riżervi ta' muniti barranin.
(3) Wara l-ħatra fil-bidu tal-2016 ta' gvern ġdid u ta' gvernatur ġdid tal-Bank Nazzjonali tal-Moldova, l-awtoritajiet urew impenn imġedded biex jimxu 'l quddiem bir-riformi politiċi meħtieġa u biex jiġu indirizzati sfidi ta' governanza tal-pajjiż fis-settur finanzjarju u fil-qasam tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi.
(4) B'appoġġ għall-perkors il-ġdid ta' riforma, ġie miftiehem Pjan Direzzjonali għal Riformi Prijoritarji bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova wara l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Barranin tal-15 ta' Frar 2016. Kien hemm progress sostanzjali fl-implimentazzjoni ta' dan il-Pjan Direzzjonali mir-Repubblika tal-Moldova.
(5) F'kuntest ta' tranżizzjoni politika u diffikultajiet ekonomiċi, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) ftiehmu, f'Lulju 2016, fuq Arranġament ta' tliet snin ta' Faċilità ta' Kreditu Estiża (ECF) u Faċilità ta' Fond Estiża (EFF) fl-ammont ta' USD 178,7 miljun. Dak l-arranġament ġie approvat mill-Bord tal-FMI fis-7 ta' Novembru 2016. Skont dan il-programm tal-FMI, l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova mistennija li jagħmlu titjib rapidu fil-governanza u superviżjoni fis-settur finanzjarju, biex isaħħu l-politiki li jiżguraw l-istabilità makroekonomika u l-istabilità finanzjarja, u jrawmu tkabbir sostenibbli u inklużiv.
(6) Fid-dawl tad-deterjorazzjoni fis-sitwazzjoni u l-prospetti ekonomiċi, ir-Repubblika tal-Moldova talbet assistenza makrofinanzjarja kumplimentari mill-Unjoni f'Awwissu 2015 u tenniet din it-talba f'Marzu 2016.
(7) L-allokazzjoni indikattiva tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova skont l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (SEV) hija ta' EUR 610–746 miljun, inkluż l-appoġġ baġitarju u l-assistenza teknika. Madankollu, l-iżborżi tal-appoġġ baġitarju mill-Unjoni ġew sospiżi kmieni fl-2015 u t-tkomplija tagħhom ġiet magħmula kondizzjonali fuq l-approvazzjoni ta' programm ġdid tal-FMI u li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha ta' appoġġ baġitarju.
(8) Minħabba li r-Repubblika tal-Moldova hija pajjiż kopert mill-PEV, jenħtieġ li tiġi ikkunsidrata bħala eliġibbli biex tirċievi l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni.
(9) Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja mill-Unjoni tkun strument finanzjarju eċċezzjonali ta' appoġġ mingħajr irbit u mhux speċifikat għall-bilanċ tal-pagamenti, bl-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet finanzjarji esterni immedjati tal-benefiċjarju u jenħtieġ li tirfed l-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri qawwija ta' riforma strutturali u ta' aġġustament immedjat maħsuba biex itejbu l-pożizzjoni tal-bilanċ tal-pagamenti fuq perjodu ta' żmien qasir.
(10) Minħabba li għad hemm diskrepanza sinifikanti fil-finanzjament estern residwu tal-bilanċ tal-pagamenti tar-Repubblika tal-Moldova lil hinn mir-riżorsi pprovduti mill-FMI u minn istituzzjonijiet multilaterali oħrajn, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni li tingħata lir-Repubblika tal-Moldova, fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali attwali qed titqies bħala tweġiba xierqa għat-talba tar-Repubblika tal-Moldova li tiġi appoġġata l-istabilizzazzjoni ekonomika flimkien mal-programm tal-FMI. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-aġenda tal-istabbilizzazzjoni ekonomika u tar-riforma strutturali tar-Repubblika tal-Moldova, filwaqt li tissupplimenta r-riżorsi magħmula disponibbli taħt l-arranġament finanzjarju tal-FMI.
(11) L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jkollha l-għan li tappoġġa l-ħolqien mill-ġdid ta' sitwazzjoni finanzjarja esterna sostenibbli għar-Repubblika tal-Moldova, billi tikkontribwixxi għall-istabilità politika u makroekonomika akbar tal-pajjiż, għat-tisħiħ tal-governanza ekonomika u finanzjarja, inkluża investigazzjoni komprensiva u orjentata lejn ir-riżultati dwar il-frodi bankarja, il-governanza tajba tal-enerġija u l-indipendenza politika tal-ġudikatura.
(12) L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija mistennija li timxi id f'id mal-implimentazzjoni tal-iżborżi ta' operazzjonijiet ta' appoġġ baġitarju taħt is-SEV.
(13) Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni hija bbażata fuq valutazzjoni kwantitattiva kompleta tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tar-Repubblika tal-Moldova, u tqis il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha. Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tikkomplementa l-programmi u r-riżorsi pprovduti mill-FMI u l-Bank Dinji. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-assistenza tqis ukoll il-kontribuzzjonijiet finanzjarji mistennija mingħand donaturi multilaterali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet bejn l-Unjoni u donaturi oħrajn, kif ukoll l-iskjerament diġà eżistenti tal-istrumenti ta' finanzjament esterni l-oħrajn tal-Unjoni fir-Repubblika tal-Moldova u l-valur miżjud tal-involviment ġenerali tal-Unjoni.
(14) B'kont meħud tal-ħtiġijiet ta' finanzjament estern residwu tar-Repubblika tal-Moldova, il-livell tal-iżvilupp ekonomiku tagħha, kif imkejjel skont id-dħul per capita u l-indiċijiet tal-faqar, il-kapaċità tagħha ta' awtofinanzjament bir-riżorsi proprji, partikolarment ir-riżervi internazzjonali għad-dispożizzjoni tagħha, u l-valutazzjoni tal-kapaċità tagħha li tħallas lura bbażata fuq analiżi tas-sostenibilità tad-dejn, jenħtieġ li parti mill-assistenza tingħata fil-forma ta' għotjiet.
(15) Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun legalment u sostanzjalment konformi mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tal-oqsma differenti tal-azzjoni esterna, mal-miżuri meħuda fir-rigward ta' dawk l-oqsma u ma' linji ta' politika oħrajn rilevanti tal-Unjoni.
(16) Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-politika esterna tal-Unjoni rigward ir-Repubblika tal-Moldova. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jenħtieġ li jaħdmu flimkien mill-qrib matul l-operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja kollha bl-għan li jikkoordinaw il-politika esterna tal-Unjoni u li jiżguraw il-konsistenza tagħha.
(17) Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tappoġġa l-impenn tar-Repubblika tal-Moldova fir-rigward tal-valuri kondiviżi mal-Unjoni, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba, servizz ċivili responsabbli, trasparenti u bbażat fuq il-mertu, ġudikatura indipendenti, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-libertà, l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, l-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll l-impenn tagħha lejn il-prinċipji ta' kummerċ miftuħ, ibbażat fuq regoli, u ġust.
(18) Jenħtieġ li prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni u għall-iżborż ta' kull wieħed mit-tliet ħlasijiet parzjali tkun li r-Repubblika tal-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi inklużi sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, l-objettivi speċifiċi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni jenħtieġ li jsaħħu l-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità fis-sistemi tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, jiżguraw ġlieda effettiva kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus, jirrinfurzaw il-governanza u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju u bankarju fir-Repubblika tal-Moldova, itejbu l-governanza fis-settur tal-enerġija u jippromwovu r-riformi strutturali li għandhom l-għan li jappoġġaw it-tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-ħolqien tal-impjiegi, klima tan-negozju tajba u l-konsolidazzjoni fiskali. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova jenħtieġ li tinkludi wkoll miżuri ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA. Biex ikun żgurat li l-objettivi speċifiċi jkunu jistgħu jiġu evalwati b'mod xieraq, dawn jeħtieġ li jiġu stipulati b'mod verifikabbli u li jista' jitkejjel. Kemm it-twettiq tal-prekondizzjoni kif ukoll il-kisba ta' dawk l-objettivi jenħtieġ li jiġu mmonitorjati regolarment mill-Kummissjoni u mis-SEAE. Jekk il-prekondizzjoni u l-objettivi ma jintlaħqux jew jekk l-għanijiet u l-prinċipji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jiġu ġeneralment injorati, jenħtieġ li l-Kummissjoni b'mod temporanju tissospendi jew tikkanċella l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
(19) Sabiex tkun żgurata l-protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni marbuta mal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, jenħtieġ li r-Repubblika tal-Moldova timplimenta l-miżuri xierqa relatati mal-prevenzjoni tal-frodi, il-korruzzjoni u kull irregolarità oħra marbuta ma' din l-assistenza, u l-ġlieda kontrihom. Ir-Repubblika tal-Moldova jenħtieġ li tinforma regolarment lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja abbażi ta' żvelar sħiħ u ta' konformità stretta mar-regoli finanzjarji tal-Unjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi previst li l-Kummissjoni twettaq verifiki u li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri twettaq il-kontrolli kontabilistiċi.
(20) Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (bħala awtorità baġitarja).
(21) Jenħtieġ li l-ammonti ta' assistenza makrofinanzjarja mogħtija fil-forma ta' għotjiet u l-ammonti tal-allokazzjonijiet meħtieġa għal assistenza makrofinanzjarja fil-forma ta' self ikunu konsistenti mal-approprazzjonijiet baġitarji previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali.
(22) Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tiġi ġestita mill-Kummissjoni. Sabiex ikun żgurat li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu jistgħu jsegwu l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tinfurmahom regolarment bl-iżviluppi marbutin mal-assistenza u tipprovdilhom id-dokumenti rilevanti.
(23) Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(24) Jenħtieġ li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni tkun soġġetta għal kondizzjonijiet, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil. Jenħtieġ li tali kondizzjonijiet ikunu marbuta mal-iżborż ta' kull wieħed mit-tliet ħlasjiet parzjali. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni u għal raġunijiet ta' effiċjenza, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tinnegozja dawn il-kondizzjonijiet mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova taħt is-superviżjoni tal-kumitat tar-rappreżentanti tal-Istati Membri skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. Skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li bħala regola ġenerali tapplika l-proċedura konsultattiva fil-każijiet kollha ħlief kif previst f'dan ir-Regolament. Meta jiġi kkunsidrat l-impatt potenzjalment importanti tal-assistenza ta' aktar minn EUR 90 miljun, huwa xieraq li l-proċedura ta' eżami tintuża għal operazzjonijiet li jeċċedu dak il-limitu. Meta jitqies l-ammont ta' assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni lir-Repubblika tal-Moldova, jenħtieġ li l-proċedura ta' eżami tapplika għall-adozzjoni tal-Memorandum ta' Qbil, u għal kwalunkwe tnaqqis, sospensjoni jew tħassir tal-assistenza,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tagħmel assistenza makrofinanzjarja ta' ammont massimu ta' EUR 100 miljun disponibbli għar-Repubblika tal-Moldova (l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni), bil-ħsieb li tappoġġa l-istabbilizzazzjoni ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova u aġenda ta' riforma sostantiva. Minn dak l-ammont massimu, sa EUR 60 miljun għandhom jingħataw bħala self u sa EUR 40 miljun għandhom jingħataw bħala għotjiet. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-baġit tal-Unjoni għas-sena rilevanti mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-assistenza għandha tikkontribwixxi biex tkopri l-ħtiġijiet tar-Repubblika tal-Moldova għall-bilanċ tal-pagamenti kif inhuma identifikati fil-programm tal-FMI.
2. Sabiex jiġi ffinanzjat il-komponent tas-self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa, f'isem l-Unjoni, biex tissellef il-fondi neċessarji fuq is-swieq kapitali jew minn istituzzjonijiet finanzjarji, u ssellifhom lir-Repubblika tal-Moldova. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta' 15-il sena.
3. Ir-rilaxx tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandu jiġi ġestit mill-Kummissjoni b'mod konsistenti mal-ftehimiet jew l-arranġamenti milħuqa bejn il-FMI u r-Repubblika tal-Moldova, u mal-prinċipji u l-objettivi ewlenin tar-riformi ekonomiċi stipulati fil-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inkluż id-DCFTA, miftiehma skont il-PEV. Il-Kummissjoni għandha tinforma regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-iżviluppi fir-rigward tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inklużi l-iżborżi tagħha, u għandha tipprovdi lil dawk l-istituzzjonijiet bid-dokumenti rilevanti fi żmien xieraq.
4. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għanda ssir disponibbli, għal perjodu ta' sentejn u nofs, li jibda mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ tal-Memorandum ta' Qbil imsemmi fl-Artikolu 3(1).
5. Jekk il-ħtiġijiet ta' finanzjament tar-Repubblika tal-Moldova jonqsu b'mod fundamentali matul il-perjodu tal-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni meta mqabbla mal-projezzjonijiet inizjali, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tnaqqas l-ammont tal-assistenza jew tissospendiha jew tħassarha.
Artikolu 2
1. Prekondizzjoni għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun li r-Repubblika tal-Moldova tirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt, u tiggarantixxi r-rispett lejn id-drittijiet tal-bniedem.
2. Il-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jimmonitorjaw li din il-prekondizzjoni stipulata fil-paragrafu 1 tiġi sodisfatta matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
3. Il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu applikati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE.
Artikolu 3
1. Il-Kummissjoni, f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 7(2), għandha tiftiehem mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova dwar politika ekonomika u kondizzjonijiet finanzjarji definiti b'mod ċar, ikkonċentrati fuq riformi strutturali u finanzi pubbliċi sodi, li l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun soġġetta għalihom, li għandhom jiġu stabbiliti f'Memorandum ta' Qbil (il-Memorandum ta' Qbil) li għandu jinkludi perjodu taż-żmien għat-twettiq ta' dawk il-kondizzjonijiet. Il-politika ekonomika u l-kondizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fil-Memorandum ta' Qbil għandhom ikunu konsistenti mal-ftehimiet jew qbil imsemmija fl-Artikolu 1(3), inklużi l-programmi ta' aġġustament makroekonomiku u ta' riforma strutturali implimentati mir-Repubblika tal-Moldova bl-appoġġ tal-FMI.
2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jimmiraw, b'mod partikolari, lejn it-titjib tal-effiċjenza, it-trasparenza u r-responsabilità tas-sistemi ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi fir-Repubblika tal-Moldova, inkluż għall-użu tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Il-progress rigward il-ftuħ reċiproku tas-swieq, l-iżvilupp ta' kummerċ ġust u bbażat fuq ir-regoli u prijoritajiet oħrajn fil-kuntest tal-politika esterna tal-Unjoni għandhom ukoll jitqiesu b'mod debitu fit-tfassil tal-miżuri ta' politika. Il-progress fil-ksib ta' dawn l-objettivi għandu jiġi mmonitorjat regolarment mill-Kummissjoni.
3. It-termini finanzjarji ddettaljati tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti fi Ftehim tas-Self u fi Ftehim tal-Għotja li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova.
4. Il-Kummissjoni għandha tivverifika f'intervalli regolari li l-kondizzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 4(3) jibqgħu jiġu sodisfatti, inkluż jekk il-linji ta' politika ekonomika tar-Repubblika tal-Moldova jkunux f'konformità mal-objettivi tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. Hija u tagħmel dan, il-Kummissjoni għandha tikkoordina mill-qrib mal-FMI u mal-Bank Dinji u, fejn ikun meħtieġ, mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.
Artikolu 4
1. Soġġett għall-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3, l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni fi tliet ħlasijiet parzjali, u kull wieħed minnhom għandu jkun jikkonsisti f'element ta' self u element ta' għoti. Id-daqs ta' kull ħlas parzjali għandu jiġi stabbilit fil-Memorandum ta' Qbil.
2. L-ammonti tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni mogħtija f'forma ta' self għandhom jiġu pprovduti, fejn meħtieġ, f'konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009.
3. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar ir-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali soġġetti għat-twettiq tal-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
3.
(a) il-prekondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2;
(b) rekord sodisfaċenti kontinwu fl-implimentazzjoni ta' programm ta' politika li fih miżuri ta' aġġustament u ta' riforma strutturali b'saħħithom appoġġati minn arranġament ta' kreditu mill-FMI mhux prekawzjonarju; kif ukoll
(c) l-implimentazzjoni sodisfaċenti tal-politika ekonomika u tal-kondizzjonijiet finanzjarji miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil.
4. Ir-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tal-ewwel ħlas parzjali. Ir-rilaxx tat-tielet ħlas parzjali m'għandux, fil-prinċipju, isir qabel tliet xhur wara r-rilaxx tat-tieni ħlas parzjali.
5. Meta l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ma jiġux sodisfatti, il-Kummissjoni għandha temporanjament tissospendi jew tħassar l-iżborż tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni. F'tali każijiet, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-raġunijiet għal din is-sospensjoni jew it-tħassir.
6. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi żborżata lill-Bank Nazzjonali tar-Repubblika tal-Moldova. Soġġetti għad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu miftiehma fil-Memorandum ta' Qbil, inkluża konferma tal-ħtiġijiet finanzjarji baġitarji residwi, il-fondi tal-Unjoni jistgħu jiġu ttrasferiti lill-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Moldova bħala l-benefiċjarju aħħari.
Artikolu 5
1. L-operazzjonijiet ta' teħid u għoti ta' self marbutin mal-komponent ta' self tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandhom isiru fil-munita euro bl-użu tal-istess data tal-valur u m'għandhomx jinvolvu lill-Unjoni fit-trasformazzjoni tal-maturitajiet, jew jesponuha għal kwalunkwe riskju marbut mar-rata tal-kambju jew mar-rata tal-imgħax, jew għal kwalunkwe riskju kummerċjali ieħor.
2. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, u jekk ir-Repubblika tal-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista' tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura li tiddaħħal klawżola dwar ir-rimborż bikri fit-termini u l-kondizzjonijiet tas-self, u li din tkun appoġġata minn klawżola korrispondenti fit-termini u l-kondizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta' teħid b'self.
3. Fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu titjib fir-rata tal-imgħax tas-self u jekk ir-Repubblika tal-Moldova titlob dan, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tiffinanzja mill-ġdid it-teħid b'self inizjali kollu jew parti minnu jew tista' tirristruttura l-kondizzjonijiet finanzjarji korrispondenti. L-operazzjonijiet ta' finanzjament mill-ġdid jew ta' ristrutturar għandhom isiru f'konformità mal-paragrafi 1 u 4 u ma għandux ikollhom l-effett li jestendu l-maturità tat-teħid ta' self ikkonċernat jew li jżidu l-ammont ta' kapital pendenti fid-data tal-finanzjament mill-ġdid jew tar-ristrutturar.
4. L-ispejjeż kollha mġarrba mill-Unjoni li huma marbutin mal-operazzjonijiet tal-għoti jew ta' teħid b'self skont din id-Deċiżjoni, għandhom jitħallsu mir-Repubblika tal-Moldova.
5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-iżviluppi fl-operazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3.
Artikolu 6
1. L-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tiġi implimentata skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012.
2. L-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni għandha tkun taħt ġestjoni diretta.
3. Il-Ftehim tas-Self u l-Ftehim tal-Għotja li jridu jiġu miftiehma mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova għandu jkun fihom dispożizzjonijiet:
3.
(a) li jiżguraw li r-Repubblika tal-Moldova tivverifika regolarment li l-finanzjament ipprovdut mill-baġit tal-Unjoni jkun intuża kif suppost, li din tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni l-irregolaritajiet u l-frodi u, jekk ikun meħtieġ, tieħu azzjoni legali biex tirkupra kwalunkwe fond ipprovdut skont din id-Deċiżjoni li jkun ġie miżapproprjat;
(b) li jiżguraw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, b'mod partikolari billi jipprovdu miżuri speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni ta', u l-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe irregolarità oħra li taffettwa l-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, f'konformità mar-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 u (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c) li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni, inkluż lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, jew lir-rappreżentanti tiegħu li jwettqu verifiki, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post;
(d) li jawtorizzaw espressament lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri biex jagħmlu awditjar matul u wara l-perjodu ta' disponibilità tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, inkluż awditjar ta' dokumenti u awditjar fuq il-post, bħal pereżempju valutazzjonijiet operazzjonali;
(e) li jiżguraw li l-Unjoni tkun intitolata għal ħlas lura bikri tas-self u/jew għal ħlas lura sħiħ tal-għotja meta jkun stabbilit li, fir-rigward tal-ġestjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, ir-Repubblika tal-Moldova tkun ħadet sehem f'xi att ta' frodi jew ta' korruzzjoni jew f'xi attività illegali oħra li tkun ta' detriment għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni.
4. Qabel l-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, permezz ta' valutazzjoni operazzjonali, is-solidità tal-arranġamenti finanzjarji tar-Repubblika tal-Moldova, il-proċeduri amministrattivi, u l-mekkaniżmi ta' kontroll interni u esterni li huma rilevanti għall-assistenza.
Artikolu 7
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 8
1. Sat-30 ta' Ġunju ta' kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni fis-sena ta' qabel, inkluża evalwazzjoni ta' dik l-implimentazzjoni. Ir-rapport għandu:
1.
(a) jeżamina l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni;
(b) jivvaluta s-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti tar-Repubblika tal-Moldova, kif ukoll il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika msemmija fl-Artikolu 3(1);
(c) jindika r-rabta bejn il-kondizzjonijiet tal-politika ekonomika stipulati fil-Memorandum ta' Qbil, il-prestazzjoni ekonomika u fiskali attwali tar-Repubblika tal-Moldova u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li tirrilaxxa l-ħlasijiet parzjali tal-assistenza makrofinanzjarja tal-Unjoni.
2. Sa mhux aktar tard minn sentejn wara li jiskadi l-perjodu ta' disponibilità msemmi fl-Artikolu 1(4), il-Kummissjoni tibgħat rapport ta' evalwazzjoni ex-post lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li jivvaluta r-riżultati u l-effiċjenza tal-assistenza makrofinanzjarja kompleta tal-Unjoni u sa liema punt din ikkontribwiet għall-għanijiet tal-assistenza.
Artikolu 9 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta' Settembru 2017. Għall-Parlament Ewropew Il-President A. Tajani Għall-Kunsill Il-President M. Maasikas
Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni
Fid-dawl tal-inizjattivi relatati mat-tibdiliet fis-sistema elettorali fir-Repubblika tal-Moldova, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jissottolinjaw li prekundizzjoni għall-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja hi li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi, inklużi s-sistema parlamentari b'diversi partiti u l-istat tad-dritt u tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ser jimmonitorjaw li din il-prekundizzjoni tiġi ssodisfata tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-assistenza makrofinanzjarja u b'hekk ser jagħtu l-akbar attenzjoni għall-kunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova tar-rakkomandazzjonijiet minn sħab internazzjonali rilevanti (b'mod partikolari l-Kummissjoni ta' Venezja u l-OSKE/ODIHR).