Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta' Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/1768@2017-09-25/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) Skont il-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni taxxabbli li jkollhom dħul annwali ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 35000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
(2) B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2016, il-Kroazja talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE (il-miżura speċjali), li tippermettilha, mill-1 ta' Jannar 2018, li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li jkollhom dħul annwali ta' mhux aktar mill-ekwivalenti ta' EUR 45000 fil-munita nazzjonali.
(3) Limitu ogħla biex tiġi applikata l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huwa miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar.
(4) B'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba li għamlet il-Kroazja, permezz ta' ittra datata t-13 ta' Marzu 2017. B'ittra datata l-14 ta' Marzu 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Kroazja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.
(5) Mill-informazzjoni li pprovdiet il-Kroazja, potenzjalment, madwar 9000 persuna taxxabbli jistgħu jagħmlu użu mill-miżura speċjali biex inaqqsu l-obbligi tal-VAT tagħhom kif stipulat fil-Kapitolu 2 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE. Dan ser inaqqas ukoll il-piż fuq l-awtorità tat-taxxa u jissimplifika l-ġbir tat-taxxa.
(6) Minħabba li l-miżura speċjali ser tirriżulta f'obbligi mnaqqsin tal-VAT għall-intrapriżi ż-żgħar, il-Kroazja għandha tkun awtorizzata li tapplikaha għal perijodu limitat. Il-persuni taxxabbli xorta waħda ser ikunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.
(7) Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar huma soġġetti għal reviżjoni, huwa possibbli li ser tidħol fis-seħħ direttiva li temenda dawk id-dispożizzjonijiet qabel jiskadi l-perijodu ta' validità tad-deroga.
(8) Mill-informazzjoni li pprovdiet il-Kroazja, iż-żieda fil-limitu ser ikollha impatt negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali.
(9) Id-deroga mhu ser ikollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT, billi l-Kroazja ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Permezz ta' deroga mill-punt (19) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kroazja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 45000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2018 sal-31 ta' Diċembru 2020, jew sad-dħul fis-seħħ ta' direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE, skont liema data tiġi l-ewwel.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.
Magħmul fi Brussell, il-25 ta' Settembru 2017. Għall-Kunsill Il-President M. Maasikas