Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1979 tal-31 ta' Ottubru 2017 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman rigward l-ekinodermi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/1979@2017-10-31/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman, u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman.
(2) Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produzzjoni u l-introduzzjoni fis-suq ta' molluski bivalvi ħajjin, ta' ekinodermi ħajjin, ta' tunikati ħajjin u ta' gastropodi marini ħajjin isirulhom kontrolli uffiċjali kif deskritt fl-Anness II tiegħu. Il-Kapitolu II ta' dak l-Anness jistipula r-regoli li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni taż-żoni ta' produzzjoni u l-monitoraġġ ta' żoni bħal dawn.
(3) Fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, iż-żoni ta' produzzjoni huma kklassifikati skont il-livell ta' kontaminazzjoni fekali. L-organiżmi filtraturi, bħalma huma l-molluski bivalvi, jistgħu jakkumulaw mikroorganiżmi li jirrappreżentaw riskju għas-saħħa pubblika. Din hija r-raġuni għalfejn il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni hija bbażata fuq il-preżenza ta' ċerti mikroorganiżmi relatati mal-kontaminazzjoni fekali.
(4) Ġeneralment l-ekinodermi mhumiex organiżmi filtraturi; għaldaqstant ir-riskju li tali organiżmi jakkumulaw mikroorganiżmi marbuta mal-kontaminazzjoni fekali huwa remot. Barra minn hekk, ma ġiet irrappurtata l-ebda informazzjoni epidemjoloġika li torbot ir-regoli dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni, preskritti fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, mar-riskji għas-saħħa pubblika assoċjati mal-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi.
(5) Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ekinodermi jiġu esklużi mir-regoli dwar il-klassifikazzjoni taż-żoni tal-produzzjoni stipulati fil-Kapitolu II tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004.
(6) Il-Kapitolu III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jistabbilixxi l-kontrolli uffiċjali li jikkonċernaw il-pectinidae u l-gastropodi marini ħajjin li mhumiex organiżmi filtraturi miġbura barra miż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati; jenħtieġ li l-ekinodermi li mhumiex organiżmi filtraturi jiġu inklużi f'dan il-Kapitolu.
(7) Għalhekk, jenħtieġ li l-Kapitolu III tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004 jiġi emendat skont dan.
(8) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 KAPITOLU III:
Fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 854/2004, il-Kapitolu III jiġi sostitwit b'dan li ġej: KONTROLLI UFFIĊJALI LI JIKKONĊERNAW IL-PECTINIDAE, IL-GASTROPODI MARINI U L-EKINODERMI LI MHUMIEX FILTRATURI MIĠBURA BARRA Ż-ŻONI TAL-PRODUZZJONI KKLASSIFIKATI Il-kontrolli uffiċjali fuq il-pectinidae, il-gastropodi marini ħajjin u l-ekinodermi li mhumiex filtraturi, li jinġabru barra ż-żoni tal-produzzjoni kklassifikati għandhom jitwettqu fl-irkantijiet tal-ħut, fiċ-ċentri ta' dispaċċ u fl-istabbilimenti ta' pproċessar. Kontrolli uffiċjali bħal dawn jeħtieġ li jivverifikaw il-konformità mal-istandards tas-saħħa għall-molluski bivalvi ħajjin stipulati fl-Anness III, it-Taqsima VII, il-Kapitolu V, tar-Regolament (KE) Nru 853/2004 kif ukoll il-konformità ma' rekwiżiti oħra tal-Anness III, it-Taqsima VII, il-Kapitolu IX ta' dak ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Ottubru 2017. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker