Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2105 tal-10 ta' Novembru 2017 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għall-Kummerċ rigward l-emenda tal-Anness XII tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra, li tistabbilixxi l-lista ta' entitajiet tal-akkwist Kolombjani skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu VI (Akkwist Pubbliku)

In forceVersion 2017-11-10
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/2105@2017-11-10/mt

Contents
  1. Preamble
  2. DEĊIŻJONI Nru […]/2017 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ BEJN L-UE, IL-KOLOMBJA U L-PERÙ ta' […] 2017 li jemenda l-Appendiċi 1 tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku) tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra.
  3. Artikolu 1 Noti għal din is-Subtaqsima 1.2.

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra, (il-Ftehim Kummerċjali) ġie applikat proviżorjament mal-Kolombja mill-1 ta' Awwissu 2013.

(2) Skont il-paragrafi 1 u 3 tal-Artikolu 14 tal-Ftehim Kummerċjali, il-Kumitat għall-Kummerċ jista' jadotta deċiżjonijiet b'kunsens meta dawn ikunu jinvolvu biss lill-Parti tal-Unjoni u lill-Pajjiż Andin firmatarju kkonċernat (jiġifieri, il-Kolombja), sakemm dawn id-deċiżjonijiet ma jaffettwawx id-drittijiet u l-obbligi ta' Pajjiż Andin firmatarju ieħor.

(3) Il-Kumitat għall-Kummerċ, waqt ir-raba' laqgħa tiegħu fl-24 ta' Novembru 2017, se jadotta d-deċiżjoni biex japprova l-modifika tas-Subtaqsima 2 tat-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku). Il-modifika tikkonsisti fi kjarifika tal-kopertura tal-entitajiet tal-akkwist tal-gvern fil-livell subċentrali fil-Kolombja. Din il-modifika tinvolvi l-introduzzjoni ta' nota għas-Subtaqsima 2 tal-kopertura tal-akkwist pubbliku tal-Kolombja li tispeċifika li entitajiet tal-akkwist tkopri l-entitajiet subċentrali tal-akkwist pubbliċi kollha, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali. L-Unjoni u l-Kolombja jaqblu li tali modifika ma tirrikjedix aġġustamenti kumpensatorji.

(4) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kunsill għall-Kummerċ, peress li d-deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Novembru 2017. Għall-Kunsill Il-President U. Palo

DEĊIŻJONI Nru […]/2017 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ BEJN L-UE, IL-KOLOMBJA U L-PERÙ ta' […] 2017 li jemenda l-Appendiċi 1 tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku) tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra.

ABBOZZ IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea (l-Unjoni) u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù min-naħa l-oħra (il-Ftehim Kummerċjali), u b'mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 191 tal-Ftehim Kummerċjali jistipula l-proċeduri li bihom Parti tista' timmodifika jew tirrettifika l-kopertura tagħha tal-akkwist taħt it-Titolu VI tal-Ftehim Kummerċjali.

(2) Is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tal-Anness XII (l-Akkwist Pubbliku) tal-Ftehim Kummerċjali tistipula l-entitajiet subċentrali tal-gvern tal-Kolombja li l-akkwist tagħhom huwa kopert mit-Titolu VI.

(3) Wara skambji bejn l-Unjoni u l-Kolombja dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali, il-Kolombja nnotifikat lill-Unjoni bl-intenzjoni tagħha li tintroduċi nota fis-SubTaqsima 2 biex tispeċifika li entitajiet tal-akkwist tkopri l-entitajiet subċentrali tal-akkwist pubbliċi kollha, li ma jkollhomx karattru industrijali jew kummerċjali. L-Unjoni u l-Kolombja jaqblu dwar din il-modifika u wkoll li din il-modifika ma tirrikjedix aġġustamenti kumpensatorji.

(4) Sabiex tiġi inkluża din in-nota, is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tal-Anness XII tal-Ftehim Kummerċjali trid tiġi mmodifikata. Id-deċiżjoni biex jiġi mmodifikat l-Anness tista' tiġi adottata fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bis-saħħa tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni u l-Kolombja (il-Pajjiż Andin firmatarju kkonċernat), skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 14 tal-Ftehim Kummerċjali, peress li tikkonċerna esklużivament ir-relazzjoni bilaterali ta' bejniethom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Noti għal din is-Subtaqsima 1.2.

In-noti għas-Subtaqsima 2 tat-Taqsima A tal-Appendiċi 1 tal-Anness XII (Akkwist Pubbliku) għall-Ftehim Kummerċjali għandhom jiġu ssostitwiti kif ġej: Għall-finijiet ta' din is-Subtaqsima entitajiet tal-akkwist tkopri l-entitajiet subċentrali tal-akkwist pubbliċi kollha, li ma għandhomx karattru industrijali jew kummerċjali. It-Titolu VI ta' dan il-Ftehim ma jkoprix:

(a) l-akkwist ta' ikel, materji prima/fatturi ewlenin tal-agrikoltura u annimali ħajjin marbuta ma' programmi ta' sostenn għall-agrikoltura u ta' assistenza għall-ikel; kif ukoll

(b) l-akkwist ta' prodotti kklassifikati taħt it-Taqsima 2 (prodotti tal-ikel, xorb u tabakk; tessuti, ħwejjeġ u prodotti tal-ġilda) tal-verżjoni 1.0 tas-CPC għall-programmi ta' assistenza soċjali.

Artikolu 2 Il-modifika stipulata fl-Artikolu 1 ma għandhiex tinvolvi aġġustament kumpensatorju peress li ma twassalx għal tnaqqis tal-kopertura.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi […], […] 2017 Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Versions

  1. 2017-11-10