Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/285 tal-15 ta' Frar 2017 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

In forceVersion 2017-02-15from 2017-03-10
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/285@2017-02-15/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, u b'mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

Billi:

(1) Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2) Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid xi sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra marbutin mal-kummerċ tal-oġġetti.

(3) Skont dawn ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta' dik it-tabella.

(4) Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament, tkun tista' tibqa' tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5) I-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2 L-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi li ma tkunx konformi ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal perjodu ta' tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament.

Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Frar 2017. Għall-Kummissjoni, F'isem il-President, Stephen Quest Direttur Ġenerali Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali

ANNEX

ANNESS

Deskrizzjoni tal-oġġetti Klassifikazzjoni (Kodiċi NM) Raġunijiet (1) (2) (3) Ħelikopter multirotor ikkontrollat mill-bogħod (imsemmi dron) b'tul djagonali ta' 35cm u piż ta' 1030 g flimkien ma' unità għall-kontroll mill-bogħod f'pakkett għall-bejgħ bl-imnut. Il-ħelikopter huwa mgħammar b'sistema li tiżgura l-istabbiltà tiegħu, bil-Wi-Fi u b'modulu tas-sistema ta' lokalizzazzjoni bis-satellita (GPS). Il-veloċità massima li jtir biha l-ħelikopter hija madwar 54 km/siegħa u t-tul taż-żmien tat-titjir huwa ta' 25 minuta. L-unità tal-kontroll mill-bogħod taħdem fil-frekwenza ta' 2.4 Ghz u titħaddem permezz ta' 4 batteriji. Il-ħelikopter jista' jiġi kkontrollat mill-unità tal-kontroll mill-bogħod (f'post fil-miftuħ) għal distanza sa 1000m. 88021100 Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u l-kliem tal-kodiċi NM 8802 u 88021100. Billi l-ħelikopter huwa mgħammar b'sistemi avvanzati għat-titjir, u għandu veloċità massima sostanzjali, ma jistax jitqies li huwa ġugarell fit-tifsira tat-titlu 9503. Għaldaqstant, il-ħelikopter għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 88021100 bħala ħelikopter b'piż mingħajr tagħbija li ma jaqbiżx l-2000kg.

Versions

  1. 2017-02-15