Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/434 tat-13 ta' Frar 2017 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/434@2017-02-13/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 207 u 209, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
(1) F'Novembru 2011, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà biex jiftħu negozjati mar-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan dwar Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp (il-Ftehim).
(2) In-negozjati dwar il-Ftehim rnexxew u l-Ftehim ġie inizjalat fit-2 ta' Lulju 2015 f'Kabul.
(3) L-Artikolu 59 tal-Ftehim jipprevedi l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim qabel ma jidħol fis-seħħ.
(4) Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet tal-Ftehim jenħtieġ li jiġu applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew l-proċeduri meħtieġa għall-konklużjoni tiegħu.
(5) L-iffirmar tal-Ftehim f'isem l-Unjoni u l-applikazzjoni provviżorja ta' partijiet mill-Ftehim bejn l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan huma mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha f'konformità mat-Trattati,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar Sħubija u Żvilupp bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, min-naħa l-oħra, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim ċitat.
2. It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
1. Sakemm il-Ftehim jidħol fis-seħħ, f'konformità mal-Artikolu 59 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju bejn l-Unjoni u r-Repubblika Iżlamika tal-Afganistan, iżda biss sal-punt li dawn ikopru materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, inkluż materji li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni li tiddefinixxi u timplimenta politika estera u ta' sigurtà komuni:
1.
(a) Artikolu 2 (Prinċipji ġenerali);
(b) Artikolu 3 (Djalogu politiku);
(c) Artikolu 4 (Drittijiet tal-bniedem);
(d) Artikolu 5 (Ugwaljanza bejn is-sessi);
(e) Titolu III (Kooperazzjoni għall-iżvilupp);
(f) Titolu IV (Kooperazzjoni fuq kwistjonijiet ta' kummerċ u investiment);
(g) Artikolu 28 (Kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni);
(h) Titolu VII (Kooperazzjoni reġjonali);
(i) Titolu VIII (Qafas istituzzjonali) sal-punt li d-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu jkunu limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim;
(j) Titolu IX (Dispożizzjonijiet finali) sal-punt li d-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu jkunu limitati għall-fini li tiġi żgurata l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim;
2. Id-data minn meta l-partijiet tal-Ftehim imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati b'mod provviżorju għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Frar 2017. Għall-Kunsill Il-President L. Grech