Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/770 tal-25 ta' April 2017 dwar ir-ratifika u l-adeżjoni mill-Istati Membri, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, mal-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għal Dannu Kkawżat mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi, fir-rigward tal-aspetti relatati mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili

In forceVersion 2017-04-25from 2017-05-05
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/770@2017-04-25/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 2
  3. ANNEX

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikolu 81, flimkien mal-punt (a)(v) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) Il-Konvenzjoni Internazzjonali fuq ir-Responsabbiltà u l-Kumpens għal Dannu kkawżat mill-Ġarr bil-Baħar ta' Sustanzi Noċivi u Potenzjalment Perikolużi tal-1996 (il-Konvenzjoni HNS tal-1996) hija maħsuba biex tiżgura kumpens xieraq, immedjat u effettiv għall-persuni li jġarrbu ħsara kkawżata minn tixrid ta' sustanzi perikolużi u noċivi, meta jinġarru bil-baħar. Il-Konvenzjoni HNS tal-1996 imliet lakuna sinifikanti fir-regolamentazzjoni internazzjonali tar-responsabbiltà fil-kuntest tat-trasport marittimu.

(2) Fl-2002, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2002/971/KE. Skont dik id-Deċiżjoni, l-Istati Membri kellhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jirratifikaw jew jaderixxu mal-Konvenzjoni HNS tal-1996, fi żmien raġonevoli u, jekk possibbli, qabel it-30 ta' Ġunju 2006. Erba' Stati Membri sussegwentement irratifikaw dik il-Konvenzjoni. Il-Konvenzjoni HNS tal-1996 ma daħlitx fis-seħħ.

(3) Il-Konvenzjoni HNS tal-1996 ġiet emendata mill-Protokoll tal-2010 għall-Konvenzjoni HNS tal-1996 (il-Protokoll tal-2010). Skont l-Artikolu 2 u l-Artikolu 18(1) tal-Protokoll tal-2010, il-Konvenzjoni HNS tal-1996 u l-Protokoll tal-2010 għandhom jinqraw, jiġu interpretati u applikati flimkien bħala strument waħdani, bejn il-partijiet tal-Protokoll tal-2010.

(4) Ġie mħejji test li jikkonsolida l-Konvenzjoni HNS tal-1996 u l-Protokoll tal-2010 (il-Konvenzjoni HNS tal-2010) mis-Segretarjat tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) u dan ġie approvat mill-Kumitat Legali tal-OMI fit-98 laqgħa tiegħu. Il-Konvenzjoni HNS tal-2010 mhijiex strument miftuħ għall-firma jew għar-ratifika. Il-Konvenzjoni HNS tal-2010 ser issir effettiva malli l-Protokoll tal-2010 jidħol fis-seħħ fl-Istati Membri.

(5) Skont l-Artikolu 20(8) tal-Protokoll tal-2010, l-espressjoni ta' kunsens minn Stat sabiex jintrabat mill-Protokoll tal-2010 tannulla kwalunkwe espressjoni ta' kunsens li tkun saret qabel minn dak l-Istat għall-Konvenzjoni HNS tal-1996. B'riżultat ta' dan, l-Istati li huma Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni HNS tal-1996 ma jibqgħux Partijiet Kontraenti malli jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Protokoll tal-2010 skont l-Artikolu 20, u b'mod partikulari l-paragrafi (2), (3) u (4) tiegħu, ta' dak il-Protokoll.

(6) Kif kien il-każ bil-predeċessur tagħha, il-Konvenzjoni HNS tal-2010 hija partikolarment importanti għall-interessi tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għax tipprevedi ħarsien imtejjeb tal-vittmi tal-ħsara b'rabta mal-ġarr ta' HNS bil-baħar, inkluż fil-kuntest ta' ħsara ambjentali, f'konformità mal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar.

(7) Sabiex Stati jsiru Partijiet Kontraenti għall-Protokoll tal-2010, u b'hekk għall-Konvenzjoni HNS tal-2010, għandhom, flimkien mal-istrument ta' kunsens tagħhom, iressqu quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-OMI, data rilevanti dwar il-kwantitajiet totali ta' tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni skont il-Konvenzjoni HNS tal-2010 (tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni HNS) matul is-sena kalendarja ta' qabel, skont l-Artikolu 20(4) tagħha. Għal dak il-għan, l-Istati huma obbligati li joħolqu sistema għar-rappurtar tat-tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni HNS qabel ma jesprimu l-kunsens tagħhom li jintrabtu mill-Protokoll tal-2010.

(8) L-Artikoli 38, 39 u 40 tal-Konvenzjoni HNS tal-2010 jaffettwaw il-leġislazzjoni sekondarja tal-Unjoni dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(9) L-Unjoni għalhekk għandha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-Artikoli 38, 39 u 40 tal-Konvenzjoni HNS tal-2010 safejn dik il-Konvenzjoni taffettwa r-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1215/2012.

(10) L-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar it-twaqqif tas-sistema għar-rappurtar tat-tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni HNS jista' jiffaċilita l-isforzi tal-Istati Membri biex jiżviluppaw tali sistema ta' rappurtar.

(11) Kif kien il-każ bil-Konvenzjoni HNS tal-1996, fin-nuqqas ta' klawsola dwar organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika (REIO), Stati sovrani biss jistgħu jkunu parti għall-Protokoll tal-2010. Għaldaqstant, mhuwiex possibbli li l-Unjoni tirratifika jew taderixxi mal-Protokoll tal-2010, u għaldaqstant lanqas mal-Konvenzjoni HNS tal-2010.

(12) Ir-ratifika tal-Protokoll tal-2010 mill-Istati Membri kollha fi skeda ta' żmien fissa għandha tiżgura kundizzjonijiet indaqs fl-Unjoni għall-atturi kollha kkonċernati mill-applikazzjoni tal-Konvenzjoni HNS tal-2010.

(13) Filwaqt li titqies in-natura internazzjonali tas-sistema marbuta mal-HNS, il-mira għandha tkun li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs globali għall-atturi kollha kkonċernati bl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni HNS tal-2010. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li l-Protokoll tal-2010 jkollu kopertura globali.

(14) L-Istati Membri għandhom, għaldaqstant, ikunu awtorizzati jirratifikaw jew jaderixxu, skont il-każ, mal-Protokoll tal-2010 fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili li l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva għalihom. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni HNS tal-2010 li jaqgħu fil-kompetenza mogħtija lill-Unjoni barra mid-dispożizzjonijiet marbuta mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili ser ikunu soġġetti għal Deċiżjoni adottata b'mod parallel ma' din id-Deċiżjoni.

(15) Jinħtieġ li meta jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010, l-Istati Membri jagħmlu dikjarazzjoni dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi li jaqgħu fl-ambitu tal-Konvenzjoni HNS 2010.

(16) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 u għalhekk qegħdin jieħdu parti fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

(17) Bi qbil mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-Istati Membri huma b'dan awtorizzati li jirratifikaw jew li jaderixxu, skont il-każ, mal-Protokoll tal-2010 fl-interess tal-Unjoni fir-rigward tal-aspetti marbutin mal-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet ċivili li għalihom l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti ta' ratifika ta', jew ta' adeżjoni ma', il-Protokoll tal-2010 fi żmien raġonevoli u, jekk ikun possibbli, sas-6 ta' Mejju 2021.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lil xulxin u lill-Kunsill u l-Kummissjoni b'mod adegewat meta s-sistema għar-rappurtar tat-tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni HNS ssir operattiva.

3. L-Istati Membri għandhom jaħdmu biex jiskambjaw l-aħjar prattiki, partikolarment dwar is-sistema għar-rappurtar ta' tagħbija soġġetta għal kontribuzzjoni HNS taħt il-Protokoll tal-2010.

Artikolu 3 Meta jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010, l-Istati Membri għandhom ukoll jiddepożitaw id-Dikjarazzjoni stabbilita fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta' April 2017. Għall-Kunsill Il-President I. Borg

ANNEX

ANNESS

Dikjarazzjoni li għandha tiġi depożiata mill-Istati Membri meta jirratifikaw jew jaderixxu mal-Protokoll tal-2010, skont l-Artikolu 3: Is-sentenzi dwar kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll tal-2010, meta jingħataw minn qorti ta' […], għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi […] skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett. Is-sentenzi dwar kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll tal-2010, meta jingħataw minn qorti tar-Renju tad-Danimarka, għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi […] skont il-Ftehim tal-2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali. Is-sentenzi dwar kwistjonijiet koperti mill-Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll tal-2010, meta jingħataw mill-qorti ta' Stat terz marbut bil-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali tat-30 ta' Ottubru 2007, għandhom ikunu rikonoxxuti u eżegwiti fi […] skont dik il-Konvenzjoni.

Versions

  1. 2017-04-25