Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/796 tal-10 ta' Mejju 2017 li japprova d-diklofluwanid bħala sustanza attiva eżistenti għall-użu fil-prodotti bijoċidali għall-prodotti tat-tip 21 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/796@2017-05-10/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b'mod partikolari t-tielet sottoparagrafu tal-Artikolu 89(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati bil-ħsieb li possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi d-diklofluwanid.
(2) Id-diklofluwanid ġie evalwat għall-użu fil-prodotti tat-tip 21, fil-prodotti għall-kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(3) Ir-Renju Unit intgħażel bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni, u fit-22 ta' Ottubru 2015 bagħat ir-rapport tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.
(4) Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Delega (UE) Nru 1062/2014, il-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ta l-opinjoni tiegħu fil-11 ta' Ottubru 2016, filwaqt li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.
(5) Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali li huma fil-kategorija tal-prodotti tat-tip 21 u li fihom id-diklofluwanid, jistgħu jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, diment li jkun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-użu tagħhom.
(6) Madankollu, jenħtieġ li l-aċċettabbiltà tar-riskji marbuta mal-użu ta' prodotti kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), kif ukoll l-idoneità tal-miżuri proposti għall-mitigazzjoni tar-riskji, jiġu kkonfermati iktar. Waqt it-tiġdid tal-approvazzjonijiet tas-sustanzi attivi eżistenti kontra l-iżvilupp tal-ħaxix tal-ilma (antifouling), sabiex jiġu ffaċilitati r-rieżami u l-paragun tar-riskji u tal-benefiċċji ta' dawk is-sustanzi kif ukoll tal-miżuri applikati għall-mitigazzjoni tar-riskji, jenħtieġ li d-data tal-iskadenza tal-approvazzjoni ta' dawk is-sustanzi kollha tkun l-istess.
(7) Għalhekk jixraq li d-diklofluwanid jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali li huma fil-kategorija ta' prodotti tat-tip 21, diment li jkun hemm konformità ma' ċerti speċifikazzjonijiet u kundizzjonijiet.
(8) Ladarba d-diklofluwanid jissodisfa l-kriterji għall-klassifikazzjoni bħala sensitizzatur tal-ġilda tal-kategorija 1 kif definit fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li l-oġġetti ttrattati bid-diklofluwanid jew li jinkorporawh ikunu ttikkettati b'mod xieraq meta jitqiegħdu fis-suq.
(9) Jenħtieġ li jitħalla jgħaddi perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ma tiġi approvata sustanza attiva sabiex il-partijiet interessati jkunu jistgħu jieħdu l-miżuri preparatorji meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda.
(10) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Id-diklofluwanid huwa approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali li huma fil-kategorija ta' prodotti tat-tip 21, diment li jkun hemm konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Mejju 2017. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS
Isem Komuni Isem tal-IUPAC Numri ta' Identifikazzjoni Grad minimu ta' purità tas-sustanza attiva Data tal-approvazzjoni Data tal-iskadenza tal-approvazzjoni Tip ta' prodott Kundizzjonijiet speċifiċi Diklofluwanid Isem tal-IUPAC: N-(Diklorofluworometiltijo)-N′,N′-dimetil-N-fenilsulfammid Nru EC: 214-118-7 Nru CAS: 1085-98-9 96 % w/w fl-1 ta' Novembru 2018. fil-31 ta' Diċembru 2025. 21 Fil-valutazzjoni tal-prodott għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esponimenti, lir-riskji u lill-effikaċja marbuta ma' kull użu kopert b'applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, iżda li ma jkunx indirizzat fil-valutazzjoni tar-riskji tas-sustanza attiva fil-livell tal-Unjoni. F'każ li l-prodotti li fihom id-diklofluwanid ikunu sussegwentement awtorizzati għall-użu minn utenti mhux professjonali, il-persuni li jqiegħdu l-prodotti fis-suq għall-utenti mhux professjonali għandhom jiżguraw li l-prodotti jkunu fornuti b'ingwanti adattati. L-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidali huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin: It-tqegħid fis-suq ta' oġġetti ttrattati huwa soġġett għall-kundizzjoni li ġejja: Il-persuna responsabbli għat-tqegħid fis-suq ta' oġġett ittrattat bid-diklofluwanid jew li jkun jinkorporah għandha tiżgura li t-tikketta ta' dak l-oġġett ittrattat ikun fiha l-informazzjoni mniżżla fit-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 58(3) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
1. Il-prodotti li fihom id-diklofluwanid ma għandhomx jiġu awtorizzati jew jintużaw biex jiġu kkontrollati t-tkabbir u l-kolonizzazzjoni ta' organiżmi li jniġġsu fuq bastimenti tal-ilma ħelu.
2. Għandhom jiġu stabbiliti proċeduri operazzjonali sikuri u miżuri organizzattivi xierqa għall-utenti industrijali jew professjonali. Meta l-esponiment ma jkunx jista' jitnaqqas għal livell aċċettabbli b'mezzi oħra, il-prodotti għandhom jintużaw b'tagħmir protettiv personali adattat.
3. It-tikketti u meta jkunu disponibbli l-istruzzjonijiet għall-użu, għandhom jindikaw li t-tfal għandhom jinżammu 'l bogħod sakemm is-superfiċi ttrattati jinxfu.
4. It-tikketti u meta jkunu disponibbli l-iskedi tad-dejta dwar is-sikurezza tal-prodotti awtorizzati għandhom jindikaw li l-attivitajiet tal-applikazzjoni, tal-manutenzjoni u tat-tiswija għandhom isiru f'żona iżolata, fuq bażi iebsa u impermeabbli mdawra b'ħitan ta' protezzjoni jew fuq ħamrija mgħottija b'materjal impermeabbli biex ma jkunx hemm rilaxxi u biex jiġu minimizzati l-emissjonijiet fl-ambjent, u li kwalunkwe rilaxx jew skart li jkun fih id-diklofluwanid għandu jinġabar biex jerġa' jintuża jew biex jintrema.
5. Għall-prodotti li jistgħu jwasslu għal residwi fl-ikel jew fl-għalf, għandha tiġi vverifikata l-ħtieġa li jiġu ddefiniti livelli massimi ta' residwi (MRLs) ġodda jew li jiġu emendati l-livelli massimi ta' dawk eżistenti skont ir-Regolament (KE) Nru 470/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u għandha tittieħed kull miżura xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji biex jiġi żgurat li l-MRLs applikabbli ma jinqabżux.