Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/887 tat-22 ta' Mejju 2017 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mit-Tuneżija u li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/675 (notifikata bid-dokument C(2017) 3221) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2017-05-22from 2017-05-23
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/887@2017-05-22/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni ta' kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE, u b'mod partikolari l-Artikolu 18(6) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi, u b'mod partikolari l-Artikolu 22(5) tagħha,

Billi:

(1) Id-Direttiva 91/496/KEE tistabbilixxi l-prinċipji tal-verifiki veterinarji fuq l-annimali li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Din tistabbilixxi l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk marda li tista' tkun ta' theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika timmanifesta ruħha jew tinfirex fit-territorju ta' pajjiż terz.

(2) Id-Direttiva 97/78/KE tistabbilixxi l-prinċipji tal-verifiki veterinarji fuq il-prodotti li jidħlu fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Din tistabbilixxi l-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk marda li tista' tkun ta' theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika timmanifesta ruħha jew tinfirex fit-territorju ta' pajjiż terz.

(3) Il-marda tal-ilsien u d-dwiefer hija waħda mill-aktar mard li jittieħed malajr fl-annimali tal-ifrat, fin-nagħaġ, fil-mogħoż u fil-ħnieżer. Il-vajrus li jikkawża din il-marda għandu l-potenzjal li jinfirex malajr, l-iktar permezz ta' prodotti li jinkisbu minn annimali infettati u oġġetti mhux ħajjin kontaminati, inklużi l-mezzi tat-trasport bħall-vetturi għall-ġarr tal-bhejjem. Skont it-temperatura li tkun, il-vajrus jista' jippersisti wkoll għal diversi ġimgħat f'ambjent kontaminat 'il barra minn ġisem l-annimal li jkollu l-marda.

(4) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/675 ġiet adottata wara tifqigħat tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-Alġerija u stabbiliet miżuri ta' protezzjoni fil-livell tal-Unjoni li jqisu s-sopravivenza tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fl-ambjent u r-rotot ta' trażmissjoni potenzjali ta' dak il-vajrus.

(5) Dawk il-miżuri jipprevedu t-tindif u d-diżinfezzjoni xierqa tal-vetturi u tal-bastimenti għall-ġarr tal-bhejjem mill-Alġerija li jidħlu fit-territorju tal-Unjoni kemm b'mod dirett kif ukoll bi tranżitu mill-Marokk jew mit-Tuneżija, peress li dan huwa l-aħjar mod biex jitnaqqas ir-riskju ta' trażmissjoni rapida tal-vajrus fuq distanzi kbar.

(6) Fit-28 ta' April 2017, it-Tuneżija nnotifikat il-konferma ta' tifqigħa tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer tas-serotip A fit-territorju tagħha. Għalhekk għat-Tuneżija jenħtieġ li jiġu applikati l-istess miżuri ta' protezzjoni bħal dawk li ġew applikati għall-Alġerija.

(7) Kwalunkwe vettura għall-ġarr tal-bhejjem mill-Alġerija u mit-Tuneżija jenħtieġ li tkun koperta bil-mizuri anke jekk din tasal fit-territorju tal-Unjoni bi tranżitu minn pajjiż terz.

(8) Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/675 tiġi emendata skont dan.

(9) Jenħtieġ li l-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni japplikaw għal perjodu ta' żmien li jippermetti li ssir evalwazzjoni sħiħa tal-evoluzzjoni tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fiż-żoni affettwati.

(10) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/675 għandha tiġi emendata kif ġej:

Artikolu 1

1. it-titolu jinbidel b'dan li ġej: dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni fl-Unjoni tal-vajrus tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer mill-Alġerija u mit-Tuneżija;

2. fl-Artikolu 2(1) u fl-Artikolu 3(1), il-kliem: mill-Alġerija, jew direttament jew inkella wara tranżitu mill-Marokk jew mit-Tuneżija; jinbidel bil-kliem: mill-Alġerija u mit-Tuneżija kemm b'mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor;

3. fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 4, il-kelma Alġerija tinbidel bil-kliem Alġerija u t-Tuneżija;

4. fit-titolu tal-Anness I u t-titolu tal-Anness II, il-kliem: mill-Alġerija u dawk ġejjin mill-Alġerija bi tranżitu mill-Marokk jew mit-Tuneżija jinbidel bil-kliem: mill-Alġerija u mit-Tuneżija kemm b'mod dirett kif ukoll bi tranżitu minn kwalunkwe pajjiż terz ieħor

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Mejju 2017. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2017-05-22