Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/908 tal-11 ta' Mejju 2017 li japprova emenda mhux minuri fl-ispeċifikazzjoni ta' denominazzjoni mniżżla fir-reġistru tad-denominazzjonijiet ta' oriġini protetti u tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti [Picodon (DOP)]
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/908@2017-05-11/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel, u b'mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta' Franza għall-approvazzjoni ta' emenda fl-ispeċifikazzjoni tad-denominazzjoni protetta tal-oriġini Picodon, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1143/2009.
(2) Permezz ta' ittra tal-11 ta' Marzu 2016, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni li perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2016, kien ingħata lil żewġ operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi artikolu skont l-Ordni tas-17 ta' Frar 2016 dwar id-denominazzjoni protetta tal-oriġini Picodon ippubblikat fis-26 ta' Frar 2016 fil-Journal Officiel de la République française. Matul il-proċedura nazzjonali ta' oġġezzjoni, żewġ operaturi ppreżentaw oġġezzjoni dwar l-obbligu tal-użu ta' ħalib mhux ipproċessat għall-manifattura tal-Picodon, u indikaw li ma kinux kapaċi jikkonformaw minnufih ma' din id-dispożizzjoni u li kellhom bżonn perjodu ta' żmien biex jadattaw l-għodda tal-produzzjoni tagħhom. Dawn l-operaturi, li kienu ilhom jikkummerċjalizzaw legalment il-Picodon b'mod kontinwu għal mill-anqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 15.4 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012. Għaldaqstant, f'dan il-kuntest, ingħataw perjodu tranżitorju li ntemm fil-31 ta' Diċembru 2016. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: Fromagerie du Vivarais, Les Pélissons, 07570 Désaignes; Eurial, rue Henri Barbusse, 26400 Crest.
(3) Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri fis-sens tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi.
(4) Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta' oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, u għalhekk jenħtieġ li l-emenda tal-ispeċifikazzjoni tiġi approvata,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-emendi fl-ispeċifikazzjoni ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar id-denominazzjoni Picadon (DOP) huma b'dan approvati.
Artikolu 2 Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hi soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza wara l-Ordni tas-17 ta' Frar 2016 dwar id-denominazzjoni protetta tal-oriġini Picodon ippubblikata fis-26 ta' Frar 2016 fil-Journal Officiel de la République française skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-imsemmi artikolu.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Mejju 2017. Għall-Kummissjoni, F'isem il-President, Phil Hogan Membru tal-Kummissjoni