Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/943 tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi f'Malta, Ċipru u l-Estonja, u li tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 202014/743/UE u 2014/744/UE

In forceVersion 2017-05-18from 2017-06-03
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/943@2017-05-18/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 2

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali, u b'mod partikolari l-Artikolu 33 tagħha,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) F'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, il-forniment ta' data personali previst skont dik id-Deċiżjoni ma jistax isir sakemm id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data stipulati fl-Kapitolu 6 ta' dik id-Deċiżjoni ma jkunux ġew implimentati fil-liġi nazzjonali tat-territorji tal-Istati Membri involuti f'tali forniment.

(2) L-Artikolu 20 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI jipprevedi li l-verifika li l-kondizzjoni msemmija fil-premessa 1 tkun ġiet sodisfatta fir-rigward tal-iskambju awtomatizzat ta' data f'konformità mal-Kapitolu 2 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI għandha ssir abbażi ta' rapport ta' evalwazzjoni bbażat fuq kwestjonarju, żjara ta' evalwazzjoni u prova pilota.

(3) Ġew ippreżentati lill-Kunsill rapporti ta' evalwazzjoni ġenerali, li jagħtu sintesi tar-riżultati tal-kwestjonarju, taż-żjara ta' evalwazzjoni u tal-prova pilota fir-rigward tal-iskambju tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi f'Malta, Ċipru u l-Estonja.

(4) Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/731/UE, il-Kunsill ikkonkluda li Malta implimentat b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data skont il-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 ta' dik id-Deċiżjoni mid-9 ta' Ottubru 2014, u huwa kkonkluda wkoll li r-rapport ta' evalwazzjoni ġie approvat f'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(5) Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/743/UE, il-Kunsill ikkonkluda li Ċipru implimenta b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data skont il-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u huwa intitolat li jirċievi u jforni data personali skont l-Artikolu 12 ta' dik id-Deċiżjoni mill-21 ta' Ottubru 2014 u huwa kkonkluda wkoll li r-rapport ta' evalwazzjoni ġie approvat f'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(6) Bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/744/UE, il-Kunsill ikkonkluda li l-Estonja implimentat b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data skont il-Kapitolu 6 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u hija intitolata li tirċievi u tforni data personali skont l-Artikolu 12 ta' dik id-Deċiżjoni mill-21 ta' Ottubru 2014 u huwa kkonkluda wkoll li r-rapport ta' evalwazzjoni ġie approvat f'konformità mal-Artikolu 25(2) tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(7) Din id-Deċiżjoni tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE li tħassru mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-Qorti) bis-sentenza tagħha tat-22 ta' Settembru 2016 fil-Kawżi Magħquda C-14/15 u C-116/15. F'dik is-sentenza, il-Qorti żammet l-effetti tad-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE sad-dħul fis-seħħ ta' atti ġodda maħsuba biex jissostitwixxuhom. Għaldaqstant, mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, id-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE ma jibqgħux effettivi.

(8) Bil-ħsieb li tkun żgurata l-kontinwità tar-riċeviment u l-forniment ta' data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI, jenħtieġ li d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni jkun bla ħsara għall-validità tal-iskambju awtomatizzat tad-data li jsir mill-Istati Membri skont id-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE. L-Istati Membri li kisbu data personali skont id-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE għandhom jibqgħu intitolati li jipproċessaw aktar dik id-data fil-livell nazzjonali jew bejn l-Istati Membri għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(9) L-Artikolu 33 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI jagħti lill-Kunsill setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb li jadotta miżuri meħtieġa għall-implementazzjoni ta' dik id-Deċiżjoni, b'mod partikolari fir-rigward tar-riċeviment u l-forniment ta' data personali previsti fil-qafas ta' dik id-Deċiżjoni. Peress li ntlaħqu l-kondizzjonijiet biex jingħata bidu għall-eżerċizzju ta' tali setgħat ta' implimentazzjoni u ġiet osservata l-proċedura f'dak ir-rigward, jenħtieġ li tiġi adottata deċiżjoni ta' implimentazzjoni dwar l-iskambju awtomatizzat ta' data fir-rigward ta' data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi fir-rigward ta' Malta, Ċipru u l-Estonja sabiex id-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE imħassra jiġu sostitwiti u dawk l-Istati Membri jkunu jistgħu jibqgħu jirċievu u jfornu data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(10) Id-Danimarka hi marbuta bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

(11) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bid-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI u għalhekk qegħdin jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li timplimenta d-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Għall-iskop tat-tiftix awtomatizzat tad-data tar-reġistrazzjoni tal-vetturi (VRD), Malta, Ċipru u l-Estonja għandhom jibqgħu intitolati li jirċievu u jfornu data personali skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

Artikolu 2

1. Id-Deċiżjonijiet 2014/731/UE, 2014/743/UE u 2014/744/UE ma jibqgħux effettivi mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, bla ħsara għall-validità tal-iskambju awtomatizzat tad-data li jsir skont dawk id-Deċiżjonijiet mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri li kisbu data personali skont id-Deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jibqgħu intitolati li jipproċessaw aktar dik id-data fil-livell nazzjonali jew bejn l-Istati Membri għar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Mejju 2017. Għall-Kunsill Il-President C. Abela

Versions

  1. 2017-05-18