Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/997 tat-8 ta' Ġunju 2017 li jemenda l-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2017/997@2017-06-08/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi, u b'mod partikolari l-Artikolu 38(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jelenka l-karatteristiċi tal-iskart li jirrenduh perikoluż.
(2) Id-Direttiva 2008/98/KE tiddikjara li l-klassifikazzjoni tal-iskart bħala skart perikoluż għandha tkun ibbażata, fost l-oħrajn, fuq il-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi, b'mod partikolari dik dwar il-klassifikazzjoni ta' taħlitiet bħala perikolużi, inklużi l-valuri limitu ta' konċentrazzjoni li jintużaw għal dak l-iskop. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE stabbiliet lista tat-tipi ta' skart biex tinkoraġġixxi klassifikazzjoni armonizzata tal-iskart u biex tiżgura d-determinazzjoni armonizzata tal-karatteristiċi perikolużi tal-iskart fl-Unjoni.
(3) L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE jipprevedi li l-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku jenħtieġ li tiġi attribwita abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Anness VI għad-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE.
(4) Id-Direttiva 67/548/KEE tħassret b'effett mill-1 ta' Ġunju 2015 u ġiet sostitwita bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, dik id-Direttiva tista' tibqa' tapplika għal xi taħlitiet sal-1 ta' Ġunju 2017, fil-każ li ġew ikklassifikati, ittikkettati u imballati f'konformità mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u jkunu diġà tqiegħdu fis-suq qabel l-1 ta' Ġunju 2015.
(5) L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE ġie sostitwit bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1357/2014 biex fejn ikun hemm bżonn, id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi perikolużi jiġu allinjati mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u biex ir-referenzi għad-Direttiva 67/548/KEE jiġu sostitwiti b'referenzi għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(6) Id-definizzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku ma ġietx emendata mir-Regolament (UE) Nru 1357/2014, billi kien meħtieġ studju ieħor biex jiġu aċċertati l-kompletezza u r-rappreżentattività rigward l-informazzjoni dwar l-impatti possibbli ta' allinjament tal-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008. Peress li dak l-istudju tlesta, jixraq li jiġu riflessi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-valutazzjoni tal-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku għall-iskart stabbiliti fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, u li dik il-valutazzjoni tiġi allinjata kemm jista' jkun mal-kriterji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għall-valutazzjoni tal-ekotossiċità tas-sustanzi kimiċi. Meta tkun qed tiġi ddeterminata l-klassifikazzjoni tal-perikli tal-iskart għall-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku billi jiġu applikati l-formuli tal-kalkolu, jenħtieġ li japplikaw il-valuri ta' limitu ġeneriċi, kif inhuma ddefiniti fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.
(7) L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 fih fatturi ta' multiplikazzjoni armonizzati assenjati lil numru limitat ta' sustanzi klassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija akuta 1 jew perikolużi għall-ambjent akkwatiku, kategorija kronika 1, li huma użati biex titwassal il-klassifikazzjoni ta' taħlita li fiha dawn is-sustanzi huma preżenti. Fid-dawl tal-progress li sar fl-istabbiliment ta' tali fatturi ta' multiplikazzjoni, il-Kummissjoni tista', skont l-Artikolu 38(2) tad-Direttiva 2008/98/KE, tirrieżamina l-metodu ta' kalkolu għall-valutazzjoni tas-sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku fid-dawl tal-inklużjoni possibbli ta' fatturi ta' multiplikazzjoni f'dak il-metodu.
(8) Meta jitwettaq test għall-valutazzjoni talkaratteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku, hu adatt li jiġu applikati l-metodi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 440/2008 jew metodi ta' ttestjar u linji gwida oħrajn li huma rikonoxxuti internazzjonalment. Id-Deċiżjoni 2000/532/KE tipprevedi li, meta karatteristika perikoluża tal-iskart tkun ġiet ivvalutata b'test u bl-użu tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi perikolużi indikati fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE, jirbħu r-riżultati tat-test. Barra minn hekk, jenħtieġ li jitqiesu l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u b'mod partikolari l-Artikolu 12(b) u l-metodoloġiji għall-applikazzjoni tiegħu. Huwa adatt li l-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fir-rigward ta' metodi ta' ttestjar għall-valutazzjoni ta' sustanzi rigward il-karatteristika perikoluża HP 14 Ekotossiku bil-ħsieb tal-armonizzazzjoni possibbli tagħhom.
(9) Jixraq li l-kumpaniji u l-awtoritajiet kompetenti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.
(10) Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament. Għaldaqstant jenħtieġ li il-miżuri jiġu adottati mill-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 5a(4) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat f'konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-5 ta' Lulju 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, it-8 ta' Ġunju 2017. Għall-Kunsill Il-President K. Simson
ANNEX
ANNESS
L-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE huwa emendat kif ġej:
(1) l-entrata dwar HP 14 Ekotossiku tinbidel b'dan li ġej: HP 14 Ekotossiku skart li jippreżenta jew jista' jippreżenta riskji immedjati jew li jimmanifestaw ruħhom maż-żmien għal settur wieħed tal-ambjent jew aktar setturi tal-ambjent. L-iskart li jissodisfa kwalunkwe waħda minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin għandu jiġi kklassifikat bħala perikoluż minn HP 14: Fejn: Σ = it-total u c = il-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi.
L-iskart li jkun fih sustanza li tkun ikklassifikata bħala sustanza qerrieda tal-ożonu bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H420 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-konċentrazzjoni ta' din is-sustanza tkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 0,1 % jew taqbżu. [c(H420) ≥ 0,1 %]
L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika akuta bil-kodiċi tad-dikjarazzjoni tal-periklu H400 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u t-total tal-konċentrazzjonijiet ta' dawk is-sustanzi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għandu japplika valur ta' limitu ta' 0,1 % għal dawn is-sustanzi. [Σ c (H400) ≥ 25 %]
L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda kklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2 jew 3 assenjati għall-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411 jew H412 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 1 (H410) immultiplikat b'100 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha kklassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 2 (H411) immultiplikat b'10 u miżjud mat-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi 3 (H412) ikun ugwali għal-limitu tal-konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 jew H412. [100 × Σc (H410) + 10 × Σc (H411) + Σc (H412) ≥ 25 %]
L-iskart li jkun fih mill-inqas sustanza waħda li tkun ikklassifikata bħala akkwatika kronika 1, 2, 3, jew 4 bil-kodiċi(jiet) tad-dikjarazzjoni tal-periklu H410, H411, H412, jew H413 f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1272/2008, u t-total tal-konċentrazzjonijiet tas-sustanzi kollha li jkunu klassifikati bħala akkwatiċi kroniċi jkun ugwali għal-limitu ta' konċentrazzjoni ta' 25 % jew jaqbżu. Għas-sustanzi klassifikati bħala H410 japplika valur ta' limitu ta' 0,1 %, u japplika valur ta' limitu ta' 1 % għas-sustanzi kklassifikati bħala H411 H412, jew H413. [Σ c H410 + Σ c H411 + Σ c H412 + Σ c H413 ≥ 25 %]
(2) tħassret in-nota taħt l-entrata tal-HP 15.