Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1487 tat-2 ta' Ottubru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

In forceVersion 2018-10-02from 2018-10-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/1487@2018-10-02/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2009/1013/UE, ir-Repubblika tal-Awstrija (Awstrija) ġiet awtorizzata biex tapplika miżura speċjali ta' deroga mid-Direttiva 2006/112/KE (miżura speċjali). L-applikazzjoni tal-miżura speċjali mbagħad ġiet estiża bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE sal-31 ta' Diċembru 2015 u bid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 sal-31 ta' Diċembru 2018.

(2) Il-miżura speċjali tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi fornuti lilhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-miżura speċjali hi maħsuba biex teskludi, mid-dritt tat-tnaqqis, il-VAT fuq il-merkanzija u s-servizzi meta l-persuni taxxabbli jużaw dawn il-merkanzija u s-servizzi, f'iktar minn 90 % tal-każijiet, għal finijiet privati jew għall-finijiet tal-impjegati tagħha, jew b'mod ġenerali għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

(3) L-għan tal-miżura speċjali huwa li tissimplifika l-proċedura tal-intaxxar u tal-ġbir tal-VAT.

(4) Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-23 ta' Marzu 2018, l-Awstrija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali, skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE.

(5) Permezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fl-4 ta' April 2018, l-Awstrija bagħtet rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali li jinklużi analiżi tar-rata ta' tqassim applikata għad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE.

(6) Il-Kummissjoni bagħtet it-talba mressqa mill-Awstrija lill-Istati Membri l-oħra permezz ta' ittra datata l-11 ta' April 2018, b'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz ta' ittra datata t-12 ta' April 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Awstrija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(7) Skont l-informazzjoni li bagħtet l-Awstrija, is-sitwazzjoni legali u fattwali li ġġustifikat l-applikazzjoni attwali tal-miżura speċjali ma nbidlitx u għadha teżisti. Għalhekk, jenħtieġ li l-Awstrija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali għal perijodu ulterjuri ta' żmien, iżda dak il-perijodu jenħtieġ li jkun limitat sal-31 ta' Diċembru 2021 biex ikunu jistgħu jiġu analizzati l-ħtieġa u effettività tal-miżura speċjali u tar-rata ta' tqassim tal-użu kummerċjali u mhux kummerċjali li din tissejjes fuqha.

(8) F'każ li l-Awstrija tqis li jkun hemm bżonn ta' estensjoni oħra tal-awtorizzazzjoni wara l-2021, jenħtieġ li tibgħat rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżura, li jkun jinkludi analiżi tar-rata ta' tqassim applikata, flimkien mat-talba għall-estensjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021, sabiex il-Kummissjoni jkollha biżżejjed żmien biex teżamina t-talba.

(9) Il-miżura speċjali ser ikollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta' taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux ser ikollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

(10) Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE huma sostitwiti b'dan li ġej:

Artikolu 1

Artikolu 1 B'deroga mill-Artikolu 168 u mill-Artikolu 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Awstrija hija awtorizzata teskludi kompletament it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imġarrba fuq il-merkanzija u s-servizzi mid-dritt ta' tnaqqis tal-VAT meta dawk il-merkanzija u s-servizzi jintużaw, f'iktar minn 90 % tal-każijiet, għall-finijiet privati ta' persuna taxxabbli jew tal-impjegati tagħha, jew b'mod iktar ġenerali, għal finijiet li mhumiex tan-negozju jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2021. Kull talba għal estensjoni tal-miżura ta' deroga prevista f'din id-Deċiżjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2021. Flimkien mat-tali talba għandu jintbagħat rapport dwar l-applikazzjoni ta' din il-miżura li jinkludi analiżi tar-rata ta' tqassim applikata għad-dritt ta' tnaqqis tal-VAT abbażi ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Awstrija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018. Għall-Kunsill Il-President H. Löger

Versions

  1. 2018-10-02