Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1490 tat-2 ta' Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

In forceVersion 2018-10-02from 2018-10-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/1490@2018-10-02/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 2

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Skont il-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija tista' teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta' EUR 35000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-kambju fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2) B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta' Novembru 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE biex iżżid il-livell limitu għall-eżenzjoni għal EUR 48000. Permezz ta' dik il-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3) Livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE huwa miżura ta' simplifikazzjoni, billi dan jista' jnaqqas b'mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar.

(4) F'konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, permezz ta' ittri datati s-6 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni ttrasmettiet it-talba tal-Ungerija lill-Istati Membri l-oħra. Permezz ta' ittra datata s-7 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

(5) Il-miżura speċjali mitluba hija f'konformità mal-għanijiet ta' politika tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Ġunju 2008 intitolata Aħseb l-ewwel fiż-żgħir — Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa.

(6) B'kunsiderazzjoni li ż-żieda tal-livell limitu tirriżżulta fi tnaqqis fl-obbligi tal-VAT u b'hekk fi tnaqqis fil-piż amministrattiv u fl-ispejjeż ta' konformità għal impriżi żgħar, jenħtieġ li l-Ungerija tkun awtorizzata tapplika l-miżura speċjali għal perjodu limitat. L-iskema speċjali għal impriżi żgħar hija fakultattiva, u għalhekk persuni taxxabbli xorta waħda jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7) Minħabba li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għal impriżi żgħar huma s-suġġett ta' reviżjoni, jista' jkun li tidħol fis-seħħ direttiva, li temenda dawk l-Artikoli, li tistabbilixxi data li minnha l-Istati Membri jkollhom japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta' validità tad-deroga fil-31 ta' Diċembru 2021. Jekk jiġri hekk, din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(8) Abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, il-miżura speċjali ser ikollha biss impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali ta' dħul mit-taxxa li l-Ungerija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

(9) Il-miżura speċjali ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT minħabba li l-Ungerija ser twettaq kalkolu ta' kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE,Euratom ) Nru 1553/89,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 B'deroga mill-punt (12) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li d-dħul annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti ta' EUR 48000 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha. Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2019 sal-aktar data bikrija minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

Artikolu 2

(a) il-31 ta' Diċembru 2021;

(b) id-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li huma meħtieġa jadottaw f'każ li tiġi adottata direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għal impriżi żgħar.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-2 ta' Ottubru 2018. Għall-Kunsill Il-President H. Löger

Versions

  1. 2018-10-02