Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1603 tat-18 ta' Settembru 2018 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili

In forceVersion 2018-09-18
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/1603@2018-09-18/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172, flimkien mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1) B'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2234, il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi relatati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili (minn hawn 'il quddiem, il-Ftehim) ġie ffirmat fil-5 ta' Diċembru 2016, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

(2) L-istrateġija tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita, li l-għan tagħha huwa, minn naħa waħda, li jiġi żviluppat l-użu ta' din it-teknoloġija u l-provvista ta' servizzi assoċjati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' servizz ta' awmentazzjoni bis-satellita (SBAS) awtonomu għall-benefiċċju tal-ASECNA u, min-naħa l-oħra u b'mod aktar ġenerali, li jiġi promoss l-użu tar-radjunavigazzjoni bis-satellita fil-kontinent Afrikan, hija segwita b'mod attiv fil-qafas tal-Ftehim.

(3) Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Aġenzija għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru fl-Afrika u f'Madagascar (ASECNA) dwar l-iżvilupp tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u l-provvista ta' servizzi assoċjati fiż-żona ta' kompetenza tal-ASECNA għall-benefiċċju tal-avjazzjoni ċivili huwa approvat f'isem l-Unjoni. It-test tal-Ftehim jinsab mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jipproċedu għad-depożitu, f'isem l-Unjoni, tal-istrument ta' approvazzjoni.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018. Għall-Kunsill Il-President G. Blümel

Versions

  1. 2018-09-18