Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1782 tal-15 ta' Novembru 2018 li tippermetti li jiġu rreveduti l-miri għar-Rumanija u għall-Portugall fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għall-2018 u għall-2019 għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 390/2013 (notifikata bid-dokument C(2018) 7486) (it-testi bir-Rumen u bil-Portugiż biss huma awtentiċi) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/1782@2018-11-15/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 390/2013 tat-3 ta' Mejju 2013 li jistabbilixxi skema ta' prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk, u b'mod partikolari l-Artikolu 17(1) tiegħu,
Billi:
(1) Skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri jridu jadottaw pjanijiet għal blokok ta' spazju tal-ajru nazzjonali jew funzjonali (FAB), fosthom miri nazzjonali vinkolanti jew miri fil-livell ta' FABs, li jiżguraw il-konsistenza mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha.
(2) Il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/348 li, fost l-oħrajn, stabbiliet li l-miri lokali għar-Rumanija u għall-Portugall fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza li kienu inklużi fil-pjanijiet ta' prestazzjoni għall-FAB tad-Danubju u tal-Lbiċ rispettivament, kienu konsistenti mal-miri ta' prestazzjoni għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza (mill-2015 sal-2019).
(3) Fl-2017, skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, flimkien mal-Artikolu 19(2) tiegħu, ir-Rumanija u l-Portugall talbu l-permess tal-Kummissjoni biex jirrevedu l-miri lokali tal-kosteffiċjenza fir-rotot u fit-terminals tagħhom għall-2018 u għall-2019.
(4) Il-Korp ta' Analiżi tal-Prestazzjoni (PRB) li, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, jgħin lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-iskema ta' prestazzjoni, ivvaluta d-dokumentazzjoni ppreżentata mir-Rumanija u mill-Portugall. Ir-rapport mill-valutazzjoni għar-Rumanija ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-13 ta' April 2018, u fil-31 ta' Awwissu 2018 ingħata aġġornament ulterjuri. Ir-rapport mill-valutazzjoni għall-Portugall ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fit-2 ta' Awwissu 2018.
(5) Ir-Rumanija u l-Portugall spjegaw li s-servizzi tagħhom ġew affettwati mill-bidliet fil-flussi tat-traffiku kkawżati mill-kriżijiet ġeopolitiċi u minn żvilupp ekonomiku iktar favorevoli milli kien ippjanat, li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġew adottati l-pjanijiet ta' prestazzjoni. Barra minn hekk, ir-Rumanija u l-Portugall ipprovdew evidenza wkoll, li kisbu abbażi tar-rapporti dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni u abbażi ta' dokumenti oħra, li, fil-fehma tagħhom, turi li s-suppożizzjonijiet u l-argumenti oriġinali li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali ma għadhomx validi iktar.
(6) Fir-rigward tar-Rumanija, il-livelli limitu ta' twissija stabbiliti għall-varjazzjonijiet bejn it-traffiku ppjanat u dak reali fir-Rumanija, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni tal-FAB tad-Danubju, intlaħqu għat-traffiku fir-rotot għall-2015 u għall-2017 u għat-traffiku fit-terminals għall-2016 u għall-2017. It-traffiku reali fir-rotot kien 13,9 % ogħla minn dak ippjanat fl-2015 u 12,7 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. It-traffiku reali fit-terminals kien 17,5 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 23,3 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. In-nuqqas ta' disponibbiltà ta' ppjanar tat-titjiriet ta' porzjonijiet kbar tal-parti tal-Lvant tal-ispazju tal-ajru tal-Ukrajna u tal-Baħar l-Iswed wassal għal bidliet sinifikanti fil-flussi tat-traffiku. Minkejja li seħħet fl-2014, din il-kriżi damet għaddejja iktar u kellha iktar konsegwenzi fuq it-traffiku fl-ispazju tal-ajru tar-Rumanija milli kien previst oriġinarjament. Il-flussi tat-traffiku fl-ispazju tal-ajru tar-Rumanija kienu affettwati wkoll mit-tnaqqis fid-domanda tat-traffiku bejn il-Federazzjoni Russa u t-Turkija, kif ukoll mill-projbizzjoni reċiproka tal-Ukrajna u tal-Federazzjoni Russa li inġenji tal-ajru rreġistrati f'wieħed minn dawk il-pajjiżi jtiru minn fuq il-pajjiż l-ieħor rispettivament. Barra minn hekk, l-iżvilupp ekonomiku fir-Rumanija, li kien aħjar milli kien previst, wassal għal żidiet sinifikanti tat-traffiku fit-terminals. Pereżempju, fl-ajruport ta' Bucharest, l-għadd ta' movimenti tal-ikbar tliet operaturi low cost żdied b'216 % mill-2014 sal-2017. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-livelli limitu ta' twissija kienu ntlaħqu minħabba ċirkostanzi li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġie adottat il-pjan ta' prestazzjoni, li ma jistgħux jingħelbu mir-Rumanija, li r-Rumanija ma għandha l-ebda kontroll fuqhom, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(b) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.
(7) Fir-rigward tal-Portugall, il-livelli limitu ta' twissija stabbiliti għall-varjazzjonijiet bejn it-traffiku ppjanat u dak reali fil-Portugall, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni tal-FAB tal-Lbiċ, intlaħqu għat-traffiku fir-rotot u għat-traffiku fit-terminals għall-2016 u għall-2017. It-traffiku reali fir-rotot kien 13 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 21 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. It-traffiku reali fit-terminals kien 16,2 % ogħla minn dak ippjanat fl-2016 u 28,9 % ogħla minn dak ippjanat fl-2017. L-instabbiltà politika fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Afrika wasslet biex it-traffiku jmur lejn destinazzjonijiet differenti, inklużi l-Portugall u l-Gżejjer Kanarji, li rriżulta f'żieda tat-traffiku fir-rotot fl-ispazju tal-ajru Portugiż. Barra minn hekk, it-tkabbir mhux previst fl-operazzjonijiet tat-trasportaturi low cost u charter li laħaq rati ta' tkabbir b'żewġ ċifri bejn l-2014 u l-2017, wassal għal żidiet sinifikanti tat-traffiku fit-terminals. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-livelli limitu ta' twissija kienu ntlaħqu minħabba ċirkostanzi li ma setgħux jiġu previsti fiż-żmien meta ġie adottat il-pjan ta' prestazzjoni, li ma jistgħux jingħelbu mill-Portugall, li l-Portugall ma għandu l-ebda kontroll fuqhom, u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(b) u tal-Artikolu 19(2) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.
(8) Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet tar-Rumanija b'rabta mal-kostijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-persunal, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni għall-FBA tad-Danubju, ma għadhomx validi iktar minħabba ż-żieda fit-traffiku u minħabba ż-żieda fil-kumplessità tat-traffiku li tirriżulta minn konċentrazzjoni ikbar ta' flussi tat-traffiku. Tabilħaqq, fir-rebbiegħa tal-2016, ġie kkunsidrat li jeħtieġ li jkun hemm bidliet fl-istruttura tal-ispazju tal-ajru fl-interfaċċa bejn ir-Rumanija, il-Bulgarija u t-Turkija sabiex tlaħħaq mal-ispostament fil-flussi tat-traffiku, u dan wassal għal kumplessità ikbar tat-traffiku fil-parti tat-Tramuntana tal-ispazju tal-ajru tar-Rumanija. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali b'rabta mal-kostijiet, li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza ma għadhomx validi iktar u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.
(9) Barra minn hekk, is-suppożizzjonijiet tal-Portugall b'rabta mal-kostijiet, b'mod partikolari fir-rigward tal-persunal, stabbiliti fil-pjan ta' prestazzjoni għall-FBA tal-Lbiċ, ma għadhomx validi iktar minħabba ż-żieda tat-traffiku. Tabilħaqq, il-miżuri miftiehma għall-pjan tal-kapaċità tal-fornitur Portugiż tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda tat-traffiku jeħtieġu għadd importanti ta' persunal addizzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali b'rabta mal-kostijiet, li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza ma għadhomx validi iktar u li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013 ġew issodisfati.
(10) Abbażi tal-valutazzjoni tad-dokumentazzjoni li rċeviet, il-Kummissjoni tqis li r-Rumanija u l-Portugall ipprovdew evidenza suffiċjenti biex jappoġġaw it-talba għal reviżjoni tal-miri lokali tal-kosteffiċjenza tagħhom għall-2018 u għall-2019.
(11) Għalhekk, ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu l-miri lokali tagħhom fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza, għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fir-rotot u fit-terminals, għall-2018 u għall-2019, sa fejn ikun meħtieġ sabiex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi li wasslu biex jintlaħqu l-livelli limitu ta' twissija u abbażi tal-evidenza li d-data, is-suppożizzjonijiet u l-argumenti inizjali li abbażi tagħhom kienu ġew stabbiliti l-miri inizjali, ma għadhomx validi.
(12) Skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 390/2013, wara li l-Kummissjoni tkun tathom il-permess jirrevedu l-miri rilevanti, ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu dawk il-miri u jenħtieġ li jippreżentaw il-pjanijiet emendati ta' prestazzjoni, abbażi tal-miri reveduti, lill-Kummissjoni sabiex tivvaluta l-konsistenza tagħhom mal-miri għall-Unjoni kollha għat-tieni perjodu ta' referenza.
(13) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Ir-Rumanija u l-Portugall jistgħu jirrevedu l-miri lokali tagħhom fil-qasam ewlieni tal-prestazzjoni tal-kosteffiċjenza għas-servizzi fir-rotot u fit-terminals għall-2018 u għall-2019. Meta jiddeċiedu li jagħmlu hekk, għandhom jippreżentaw rispettivament il-pjan emendat ta' prestazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali tad-Danubju u l-pjan emendat ta' prestazzjoni tal-blokk tal-ispazju tal-ajru funzjonali tal-Lbiċ, li jistabbilixxu dawk il-miri lokali reveduti.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija u lir-Repubblika tal-Portugall.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Novembru 2018. Għall-Kummissjoni Violeta Bulc Membru tal-Kummissjoni