Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1984 tat-13 ta' Diċembru 2018 dwar ir-rikonoxximent tas-Sistema KZR INiG li turi konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà skont id-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/1984@2018-12-13/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 7c(4) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, u b'mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(4) tagħha,
Billi:
(1) L-Artikoli 7b u 7c u l-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u l-Artikoli 17 u 18 u l-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE jistipulaw kriterji simili ta' sostenibbiltà għall-bijofjuwils u għall-bijolikwidi, u proċeduri simili għall-verifika tal-konformità tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi ma' dawk il-kriterji.
(2) Meta l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu jridu jitqiesu għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1)(a), (b) u (c) tad-Direttiva 2009/28/KE, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikjedu li l-operaturi ekonomiċi juru li l-bijofjuwils u l-bijolikwidi jkunu konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(2) sa (5) ta' dik id-Direttiva.
(3) Il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li l-iskemi volontarji nazzjonali jew internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards għall-produzzjoni tal-prodotti tal-bijomassa fihom data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE, u/jew juru li l-konsenji tal-bijofjuwils jew tal-bijolikwidi huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 17(3), (4) u (5), u/jew li l-ebda materjal ma ġie mmodifikat jew imwarrab intenzjonalment sabiex il-konsenja jew parti minnha tkun tista' taqa' taħt l-Anness IX. Meta operatur ekonomiku jagħti provi jew jipprovdi data miksuba skont skema volontarja rikonoxxuta mill-Kummissjoni, safejn ikun kopert bid-deċiżjoni tar-rikonoxximent, jenħtieġ li Stat Membru ma jirrikjedix li l-fornitur jipprovdi evidenza ulterjuri ta' konformità mal-kriterji ta' sostenibbiltà.
(4) It-talba biex jiġi rikonoxxut li s-Sistema KZR INiG turi li l-konsenji tal-bijofjuwils huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fil-11 ta' Awwissu 2017. L-iskema, li hija bbażata f'ul. Lubicz 25 A, 31-503 Kraków, il-Polonja, tkopri firxa wiesgħa ta' materja prima li tinkludi l-iskart u r-residwi, u l-katina kollha tal-kustodja.
(5) Hija u tivvaluta s-Sistema KZR INiG, il-Kummissjoni sabet li din tkopri b'mod adegwat il-kriterji kollha ta' sostenibbiltà stabbiliti fid-Direttivi 98/70/KE u 2009/28/KE, kif ukoll li din tapplika metodoloġija ta' bilanċ tal-massa skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7c(1) tad-Direttiva 98/70/KE u tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2009/28/KE.
(6) Il-valutazzjoni tas-Sistema KZR INiG sabet li din tilħaq standards xierqa ta' affidabbiltà, trasparenza u awditjar indipendenti u tikkonforma wkoll mar-rekwiżiti metodoloġiċi stabbiliti fl-Anness IV tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Anness V tad-Direttiva 2009/28/KE.
(7) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sostenibbiltà tal-Bijofjuwils u tal-Bijolikwidi,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Is-Sistema KZR INiG (l-iskema), li fil-11 ta' Awwissu 2017 ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, turi li l-konsenji tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi prodotti skont l-istandards għall-produzzjoni tal-bijofjuwils u tal-bijolikwidi stabbiliti fl-iskema huma konformi mal-kriterji ta' sostenibbiltà stipulati fl-Artikolu 7b(3), (4) u (5) tad-Direttiva 98/70/KE u fl-Artikolu 17(3), (4) u (5) tad-Direttiva 2009/28/KE. L-iskema fiha wkoll data preċiża għall-finijiet tal-Artikolu 17(2) tad-Direttiva 2009/28/KE u tal-Artikolu 7b(2) tad-Direttiva 98/70/KE.
Artikolu 2 Fil-każ li l-kontenut tal-iskema, li ġiet ippreżentata fil-11 ta' Awwissu 2017 lill-Kummissjoni għal rikonoxximent, jinbidel b'tali mod li jista' jaffettwa l-bażi ta' din id-Deċiżjoni, dan it-tibdil għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta t-tibdil innotifikat bil-ħsieb li tistabbilixxi jekk l-iskema tkunx għadha tkopri b'mod adegwat il-kriterji ta' sostenibbiltà li għalihom tkun ġiet rikonoxxuta.
Artikolu 3 Il-Kummissjoni tista' tħassar din id-Deċiżjoni, fost affarijiet oħra, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:
Artikolu 3
(a) jekk ikun intwera biċ-ċar li l-iskema ma tkunx implimentat elementi kkunsidrati bħala importanti għal din id-Deċiżjoni jew jekk ikun twettaq ksur gravi u strutturali ta' dawk l-elementi;
(b) jekk l-iskema ma tippreżentax rapporti annwali lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 7c(6) tad-Direttiva 98/70/KE u skont l-Artikolu 18(6) tad-Direttiva 2009/28/KE;
(c) jekk l-iskema ma timplimentax l-istandards tal-awditjar indipendenti speċifikati fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 7c(5) tad-Direttiva 98/70/KE u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(5) tad-Direttiva 2009/28/KE jew it-titjib ta' elementi oħra tal-iskema kkunsidrati bħala importanti għall-issoktar tar-rikonoxximent.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika sat-3 ta' Jannar 2024.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2018. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker