Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/567 tat-12 ta' April 2018 li jiftaħ u li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta' kwoti tariffarji fuq l-importazzjoni taz-zalzett u tal-laħam tal-majjal li joriġinaw mill-Iżlanda (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/567@2018-04-12/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 187 tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 759/2007 jipprovdi għall-ftuħ mill-Unjoni Ewropea ta' kwota tariffarja annwali ta' 100 tunnellata ta' zalzett li joriġina mill-Iżlanda kif stabbilit fil-Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/138/KE.
(2) Fit-23 ta' Marzu 2017, l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda ffirmaw Ftehim fil-forma ta' Skambju ta' Ittri (minn hawn 'il quddiem il-Ftehim il-ġdid) dwar preferenzi kummerċjali addizzjonali fi prodotti agrikoli. Il-firma tal-Ftehim il-ġdid f'isem l-Unjoni Ewropea ġiet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2087 u l-konklużjoni tiegħu bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1913.
(3) Skont l-Anness V tal-Ftehim il-ġdid l-Unjoni Ewropea trid tiftaħ kwota annwali ġdida ħielsa mid-dazju għall-importazzjoni ta' 500 tunnellata ta' laħam tal-majjal li joriġina fl-Iżlanda.
(4) Peress li ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 759/2007 jenħtieġ li jiġu aġġornati, huwa xieraq li dak ir-Regolament jinbidel b'wieħed ġdid li jenħtieġ li jipprovdi wkoll għall-ftuħ u l-amministrazzjoni tal-kwota l-ġdida ta' 500 tunnellata ta' laħam tal-majjal.
(5) Skont iż-żewġ Ftehimiet, il-kwoti tariffarji jridu jinfetħu kull sena u għalhekk l-importazzjonijiet jenħtieġ li jiġu amministrati abbażi ta' sena kalendarja.
(6) Il-kwoti tariffarji jenħtieġ li jiġu amministrati mill-Kummissjoni abbażi tal-ordni kronoloġika tad-dati tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera skont ir-regoli tal-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447.
(7) Il-Ftehim il-ġdid jistabbilixxi li l-prodotti li jibbenefikaw mill-kwota tariffarja jridu jikkonformaw mutatis mutandis mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni ta' prodotti oriġinarji u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt KE-Iżlanda.
(8) Il-Ftehim il-ġdid jipprovdi għad-dħul fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2018. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-istess data.
(9) Għall-2018, il-kwota l-ġdida għal-laħam tal-majjal, li trid issir disponibbli skont il-Ftehim il-ġdid, jenħtieġ li tiġi kkalkulata fuq bażi prorata filwaqt li titqies id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.
(10) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni hawn jinfetħu għal-laħam tal-majjal li jaqa' taħt il-kodiċi tan-NM 0203 u z-zalzett li jaqa' taħt il-kodiċi ta' NM 1601 li joriġinaw mill-Iżlanda (minn hawn 'il quddiem il-kwoti tariffarji), kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament. Il-kwoti tariffarji għandhom jinfetħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru.
Artikolu 2 Il-kwoti tariffarji stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu amministrati skont l-Artikoli 49 sa 54 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/2447.
Artikolu 3 Il-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Iżlanda, kif emendat bid-Deċiżjoni Nru 2/2005 tal-Kumitat Konġunt tal-KE-Iżlanda dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' prodotti oriġinarji u metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandu japplika mutatis mutandis fuq il-prodotti elenkati fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 4 Ir-Regolament (KE) Nru 759/2007 jitħassar.
Artikolu 5 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Mejju 2018.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-12 ta' April 2018. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS
Numru tal-ordni: Kodiċijiet tan-NM Deskrizzjoni Kwantità annwali (f'tunnellati ta' piż nett) Rata ta' dazju tal-kwota 09.0832 ex16010010 16010091 ex16010099 Zalzett 100 0 09.0831 0203 Laħam tal-majjal, frisk, imkessaħ jew iffriżat Mill-1.5.2018 sal-31.12.2018: 167 Għal kull sena kalendarja mill-1.1.2019: 500 0