Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/59 tal-11 ta' Jannar 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/300/KE rigward il-kontenut, u l-perjodu ta' validità, tal-kriterji ekoloġiċi għall-għoti tal-Ekotikketta tal-UE għat-televiżjonijiet (notifikata bid-dokument C(2018) 6) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/59@2018-01-11/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE, u b'mod partikolari l-Artikoli 8(2) u (3) tiegħu,
Wara li kkonsultat il-Bord tal-Ekotikkettar tal-Unjoni Ewropea,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/300/KE tistabbilixxi l-kriterji ekoloġiċi u r-rekwiżiti speċifiċi ta' valutazzjoni u ta' verifika għall-grupp ta' prodotti televiżjonijiet.
(2) Il-validità tal-kriterji ekoloġiċi attwali u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.
(3) L-ewwel kriterju stabbilit fid-Deċiżjoni 2009/300/KE, li jikkonċerna t-tfaddil tal-enerġija, huwa bbażat fuq ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 642/2009. B'konsegwenza, bħalissa l-Ekotikketta tal-UE qed tingħata għat-televiżjonijiet li jkollhom it-tikketta tal-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B skont l-iskema tat-tikkettar enerġetiku għat-televiżjonijiet stabbilita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 (l-Iskema tat-Tikkettar Enerġetiku). Madankollu, il-Klassi tal-Effiċjenza Enerġetika B mhix l-aktar klassi effiċjenti mibjugħa fis-suq tal-Unjoni. Għalhekk, l-ewwel kriterju fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jeħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun żgurat li l-Ekotikketta tal-UE tingħata lill-prodotti li huma effiċjenti fl-enerġija.
(4) Saret proposta biex ir-rekwiżiti eżistenti tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet jiġu sostitwiti b'sett ġdid ta' rekwiżiti sa mhux aktar tard mill-2019, iżda s'issa l-proposta għadha ma ġietx adottata. Sakemm issir l-adozzjoni ta' dik il-proposta, jenħtieġ li l-kriterju tfaddil tal-enerġija fid-Deċiżjoni 2009/300/KE jiġi emendat biex jirreferi għall-klassijiet tal-enerġija ogħla fil-verżjoni attwali tal-Iskema tat-Tikkettar tal-Enerġija.
(5) Saret valutazzjoni li tikkonferma r-rilevanza u l-adegwatezza tal-emenda proposta għall-kriterju tfaddil tal-enerġija, u li tikkonferma wkoll ir-rilevanza u l-adegwatezza tal-kriterji ekoloġiċi l-oħra kollha eżistenti għat-televiżjonijiet u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni 2009/300/KE. Ladarba r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn għat-televiżjonijiet proposti jiġu adottati huwa previst li ssir reviżjoni tal-kriterji tal-Ekotikketta.
(6) Minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-premessi 4 u 5, u sabiex jitħalla biżżejjed żmien għar-reviżjoni tal-kriterji ekoloġiċi attwali, ladarba jiġu adottati r-rekwiżiti l-ġodda tat-tikkettar enerġetiku u tal-ekodisinn, jenħtieġ li l-perjodu ta' validità tal-kriterji eżistenti u tar-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, kif emendati b'din id-Deċiżjoni, jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2019.
(7) Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/300/KE tiġi emendata skont dan.
(8) Jenħtieġ li jingħata perjodu tranżitorju għal applikazzjonijiet u liċenzji li jaqgħu taħt il-kriterji stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/300/KE biex id-detenturi ta' liċenzji u l-applikanti jingħataw żmien biżżejjed biex jadattaw għall-bidliet magħmula fil-kriterju tfaddil tal-enerġija.
(9) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 66/2010,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jinbidel b'dan li ġej:
Artikolu 1
Artikolu 3 Il-kriterji ekoloġiċi għall-grupp ta' prodotti televiżjonijiet, u r-rekwiżiti ta' valutazzjoni u ta' verifika relatati, jibqgħu validi sal-31 ta' Diċembru 2019..
Artikolu 2 L-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE huwa emendat kif stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 3
1. L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti televiżjonijiet ippreżentati qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jiġu evalwati skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-verżjoni tad-Deċiżjoni 2009/300/KE fis-seħħ fil-jum immedjatament qabel id-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni (il-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE).
2. L-applikazzjonijiet għall-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti li jagħmlu parti mill-grupp ta' prodotti televiżjonijiet ippreżentati fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni jistgħu jkunu bbażati fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jew fuq il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni ta' dik id-Deċiżjoni kif emendata b'din id-Deċiżjoni.
3. Il-liċenzji tal-Ekotikketta tal-UE mogħtija skont il-kriterji stabbiliti fil-verżjoni l-qadima tad-Deċiżjoni 2009/300/KE jistgħu jintużaw għal 6 xhur mid-data tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Jannar 2018. Għall-Kummissjoni Karmenu Vella Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
Fl-Anness tad-Deċiżjoni 2009/300/KE, il-kriterju 1 (Tfaddil tal-enerġija) huwa emendat kif ġej:
(1) fil-punt (b) (Il-konsum massimu tal-enerġija), ≤ 200 W huwa sostitwit b'≤ 100 W;
(2) l-erba' paragrafi fil-punt (c) (L-Effiċjenza fl-Enerġija) huma emendat kif ġej: It-televiżjonijiet għandhom jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-Indiċi tal-Effiċjenza Enerġetika stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2010 għall-klassi tal-effiċjenza enerġetika speċifikata kif ġej jew, inkella, għal klassi tal-effiċjenza enerġetika aktar effiċjenti: F'dan il-punt, UHD tfisser Definizzjoni Għolja Ħafna (Ultra High Definition), li hija standardizzata b'żewġ riżoluzzjonijiet ta' 3840 × 2160 (UHD-4K) pixels jew 7680 × 4320 (UHD-8K) pixels.
(2) i.
il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≤ 90cm (jew 35,4 pulzier);
ii.
il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A+ (A għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali > 90cm (jew 35,4 pulzier) u < 120cm (jew 47,2 pulzier);
iii.
il-klassi tal-effiċjenza enerġetika A++ (A+ għal UHD) għal apparati bi skrin viżibbli dijagonali ≥ 120cm (47,2 pulzier).
(3) fit-taqsima bit-titolu Il-valutazzjoni u l-verifika (il-punti a) sa c)):
(3)
(a) l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b'dan li ġej: L-applikant għandu jippreżenta rapport tat-test għall-mudell(i) tat-televiżjoni li jkopri t-test imwettaq skont l-istandards EN 50564 biex jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt a) u t-testijiet imwettqa bl-użu tal-proċeduri u tal-metodi ta' kejl imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-Anness VII tar-Regolament Delegat (UE) Nru 1062/2010 biex jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti b) u c). Barra minn hekk, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika u l-iskrin viżibbli dijagonali għandhom jiġu indikati fir-rapport.;
(b) it-tielet paragrafu huwa mħassar.