Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/619 tal-20 ta' April 2018 li ma tapprovax il-PHMB (1415; 4.7) bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi 1, 5 u 6 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/619@2018-04-20/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali, u b'mod partikolari l-Artikolu 89(1) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 jistabbilixxi lista ta' sustanzi attivi eżistenti li jridu jiġu evalwati bil-ħsieb li possibbilment jiġu approvati għall-użu fil-prodotti bijoċidali. Dik il-lista tinkludi l-PHMB (1415; 4.7) (Nru tal-KE: n.a., Nru tal-CAS: 32289-58-0 u 1802181-67-4).
(2) Il-PHMB (1415; 4.7) ġie evalwat għall-użu fil-prodotti tat-tip 1, iġjene tal-bniedem, tat-tip 5, ilma tax-xorb, u tat-tip 6, preservattivi għal prodotti matul il-ħżin, kif deskritt fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.
(3) Franza ntgħażlet bħala l-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni u, fit-13 ta' Diċembru 2016, bagħtet ir-rapporti tal-valutazzjoni flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tagħha.
(4) Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014, l-opinjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ġew ifformulati fl-4 ta' Ottubru 2017 mill-Kumitat dwar il-Prodotti Bijoċidali, wara li qies il-konklużjonijiet tal-awtorità kompetenti tal-evalwazzjoni.
(5) Skont dik l-opinjoni, il-prodotti bijoċidali li jintużaw għall-prodotti tat-tipi 1, 5 u 6 li fihom il-PHMB (1415; 4.7) ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Għal dawk it-tipi ta' prodotti, ix-xenarji evalwati fil-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem identifikaw xi riskji inaċċettabbli.
(6) Għalhekk, mhuwiex xieraq li l-PHMB (1415; 4.7) jiġi approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi 1, 5 u 6.
(7) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-PHMB (1415; 4.7) (Nru tal-KE: n.a., Nru tal-CAS: 32289-58-0 u 1802181-67-4) mhuwiex approvat bħala sustanza attiva għall-użu fil-prodotti bijoċidali tat-tipi 1, 5 u 6.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2018. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker