Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/64 tad-29 ta' Settembru 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li għandu l-għan jispeċifika kif il-kriterji tal-Artikolu 20(1)(c)(iii) għandhom jiġu applikati biex jiġi evalwat jekk ċerti attivitajiet jirriżultawx f'impatti sinifikanti u avversi għall-integrità tas-swieq, għall-istabbiltà finanzjarja, għall-konsumaturi, għall-ekonomija reali, jew għall-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/64@2017-09-29/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti
- Artikolu 2 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-integrità tas-swieq
- (e)
- Artikolu 3 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-istabbiltà finanzjarja
- (a)
- Artikolu 4 Impatt sinifikanti u avvers fuq il-konsumaturi
- (a)
- (b)
- (c)
- Artikolu 5 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-ekonomija reali
- Artikolu 6 Impatt sinifikanti u avvers fuq il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji
- Artikolu 7 Dħul fis-seħħ
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014, u b'mod partikolari l-Artikolu 20(6)(c) tiegħu,
Billi:
(1) Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-kundizzjoni kwalitattiva tal-Artikolu 20(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) 2016/1011 u l-ħtieġa li tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta' din il-kundizzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, huwa xieraq li jiġi stabbilit kif, fil-kuntest ta' parametri referenzjarji ta' importanza kritika, (i) il-waqfien tal-għoti ta' parametru referenzjarju, jew (ii) l-għoti ta' parametru referenzjarju abbażi ta' dejta tal-input li ma tibqax tirrappreżenta b'mod sħiħ is-suq jew ir-realtà ekonomika sottostanti, jew (iii) l-għoti ta' parametru referenzjarju abbażi ta' dejta tal-input inaffidabbli, jista' jkollhom impatt sinifikanti u avvers fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar.
(2) Parametri referenzjarji ta' importanza kritika jintużaw ta' spiss fi Stati Membri li ma humiex l-Istat Membru minn fejn dawn jingħataw u jintużaw b'mod differenti, u dan jiddependi fuq l-Istat Membru li fih jintużaw. Għalhekk hemm potenzjal għal impatt sinifikanti f'wieħed jew f'aktar Stati Membri, jew fil-livell tal-Unjoni. Bl-istess mod, hemm potenzjal għal impatt avvers sinifikanti fir-rigward ta' kriterju wieħed jew aktar imsemmija fl-Artikolu 20(1)(c)(iii). Għaldaqstant huwa importanti li titwettaq valutazzjoni kemm fil-livell nazzjonali u tas-suq kif ukoll fil-livell tal-Unjoni.
(3) Ir-Regolament (UE) 2016/1011 jelenka ħames oqsma fejn jista' jkun hemm impatti avversi sinifikanti. Filwaqt li l-integrità tas-swieq tiffoka fuq is-suq għal prodott finanzjarju speċifiku, l-istabbiltà finanzjarja tirreferi għas-sistema finanzjarja ta' Stat Membru jew tal-Unjoni b'mod ġenerali. Il-konsumaturi huma primarjament affettwati permezz tal-istrumenti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment, inklużi l-fondi tal-pensjonijiet li jkunu investew fihom u l-kuntratti finanzjarji li jkunu ffirmaw marbutin mal-parametru referenzjarju ta' importanza kritika inkwistjoni. L-impatt potenzjali fuq l-ekonomija reali huwa direttament relatat mal-valur tal-istrumenti finanzjarji, mal-kuntratti finanzjarji u mal-fondi ta' investiment li huma marbutin ma' dan il-parametru referenzjarju. L-impatt potenzjali fuq il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji x'aktarx li jiżdied mal-valur tas-self pendenti, skont id-daqs tal-ekonomija. Il-konsumaturi u l-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji huma aktar vulnerabbli għal impatti avversi fejn il-livell totali ta' dejn tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji jkun wieħed għoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Valutazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk ikunx hemm impatt sinifikanti u avvers fuq l-integrità tas-swieq, l-istabbiltà finanzjarja, il-konsumaturi, l-ekonomija reali, jew il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar, kif imsemmi fl-Artikolu 20(1)(c)(iii) tar-Regolament (UE) 2016/1011, skont il-kriterji msemmija fl-Artikoli 2, 3, 4, 5 u 6.
2. Meta l-awtoritajiet kompetenti jaħsbu li għandu jseħħ impatt sinifikanti u avvers bħal dan f'aktar minn Stat Membru wieħed, huma għandhom iwettqu valutazzjoni separata għal kull Stat Membru kkonċernat, kif ukoll valutazzjoni ġenerali għall-Istati Membri kollha.
Artikolu 2 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-integrità tas-swieq
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk ikunx hemm impatt sinifikanti u avvers fuq l-integrità tas-swieq skont il-kriterji li ġejjin:
(a) il-valur tal-istrumenti finanzjarji li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji, u li huma nnegozjati fiċ-ċentri ta' negozjar fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji li huma nnegozjati f'ċentri tan-negozjar f'dawn l-Istati Membri;
(b) il-valur tal-kuntratti finanzjarji li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-kuntratti finanzjarji pendenti fl-Istat Membru kkunsidrat;
(c) il-valur tal-fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju għall-kejl tal-prestazzjoni tagħhom, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji, fl-Istati Membri kkunsidrati, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-fondi ta' investiment awtorizzati jew innotifikati għall-kummerċjalizzazzjoni f'dawn l-Istati Membri;
(d) jekk il-parametru referenzjarju kienx innominat, skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (UE) 2016/1011, bħala sostitut potenzjali għal parametri referenzjarji oħra, jew jekk kienx diġà ntuża bħala suċċessur għal parametri referenzjarji oħra li huma inklużi fil-lista tal-parametri referenzjarji ta' importanza kritika msemmija fl-Artikolu 20(1) tar-Regolament (UE) 2016/1011;
(e) b'referenza għall-istandards għall-finijiet tal-kontabilità jew għal finijiet regolatorji oħra:
(e)
(i) jekk il-parametru referenzjarju jintużax bħala referenza għal regolamentazzjoni prudenti, bħalma huma r-rekwiżiti ta' kapital, ta' likwidità u ta' ingranaġġ;
(ii) jekk il-parametru referenzjarju jintużax fl-istandards internazzjonali tal-kontabilità.
Artikolu 3 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-istabbiltà finanzjarja
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk ikunx hemm impatt sinifikanti u avvers fuq l-istabbiltà finanzjarja skont il-kriterji li ġejjin:
(a) il-valur tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun:
(a)
(i) tal-assi totali tas-settur finanzjarju f'dawn l-Istati Membri;
(ii) tal-assi totali tas-settur bankarju f'dawn l-Istati Membri;
(b) il-vulnerabbiltà tal-istituzzjonijiet finanzjarji li jkunu ffirmaw jew investew fl-istrumenti finanzjarji, fil-kuntratti finanzjarji u fil-fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju.
Artikolu 4 Impatt sinifikanti u avvers fuq il-konsumaturi
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jevalwaw jekk ikunx hemm impatt sinifikanti u avvers fuq il-konsumaturi skont il-kriterji li ġejjin:
(a) b'referenza għall-istrumenti finanzjarji u għall-fondi ta' investiment offruti lill-konsumaturi:
(a)
(i) il-valur tal-istrumenti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji, mibjugħa lill-konsumaturi fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-istrumenti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment mibjugħa lill-investituri individwali f'dawn l-Istati Membri;
(ii) stima tal-għadd ta' konsumaturi li xtraw strumenti finanzjarji u fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-popolazzjoni totali f'dawn l-Istati Membri;
(b) b'referenza għall-istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali:
(b)
(i) il-valur tal-iskemi tal-pensjoni li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, li huma mħaddmin minn istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-iskemi tal-pensjoni mħaddmin minn istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali f'dawn l-Istati Membri;
(ii) stima tal-għadd ta' konsumaturi li jipparteċipaw f'istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali li jħaddmu skemi tal-pensjoni li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-popolazzjoni totali f'dawn l-Istati Membri;
(iii) valutazzjoni tal-importanza tal-istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali li jħaddmu skemi ta' pensjoni li huma marbutin mal-parametru referenzjarju tal-introjtu tal-irtirar taċ-ċittadini tal-Istati Membri;
(c) b'referenza għall-ftehimiet ta' kreditu għall-konsumatur:
(c)
(i) il-valur tal-ftehimiet ta' kreditu għall-konsumaturi li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tal-ftehimiet ta' kreditu għall-konsumaturi f'dawn l-Istati Membri;
(ii) stima tal-għadd ta' konsumaturi li għandhom ftehimiet ta' kreditu sottoskritti li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-popolazzjoni totali f'dawn l-Istati Membri;
(iii) il-livell ta' dejn tal-konsumaturi fl-Istati Membri inkwistjoni
Artikolu 5 Impatt sinifikanti u avvers fuq l-ekonomija reali
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk hemmx impatt sinifikanti u avvers fuq l-ekonomija reali billi jqisu l-valur tal-istrumenti finanzjarji, tal-kuntratti finanzjarji u tal-fondi ta' investiment li huma marbutin mal-parametru referenzjarju, kemm direttament kif ukoll indirettament f'taħlita ta' parametri referenzjarji fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-prodott nazzjonali gross ta' dawn l-Istati Membri.
Artikolu 6 Impatt sinifikanti u avvers fuq il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk ikunx hemm impatt sinifikanti u avvers fuq il-finanzjament tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji fi Stat Membru wieħed jew aktar skont il-kriterji li ġejjin:
(a) il-valur ta' self lill-unitajiet domestiċi u lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-valur totali tas-self lill-unitajiet domestiċi jew lil korporazzjonijiet mhux finanzjarji f'dawn l-Istati Membri;
(b) stima tal-għadd ta' unitajiet domestiċi li għandhom self sottoskritt li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-għadd totali ta' unitajiet domestiċi f'dawn l-Istati Membri;
(c) stima tal-għadd ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom self sottoskritt li huma marbutin mal-parametru referenzjarju fl-Istati Membri inkwistjoni, kemm f'termini assoluti kif ukoll apparagun tal-għadd totali ta' korporazzjonijiet mhux finanzjarji f'dawn l-Istati Membri;
(d) il-livell ta' dejn tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji fl-Istati Membri inkwistjoni
Artikolu 7 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmula fi Brussell, id-29 ta' Settembru 2017. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker