Gelex

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/707 tat-28 ta' Frar 2018 li jemenda r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 fir-rigward tal-kriterji ta' eliġibbiltà għall-appoġġ tal-qanneb skont l-iskema ta' pagament bażiku u ċerti rekwiżiti fir-rigward tal-appoġġ akkoppjat volontarju

In forceVersion 2018-02-28from 2015-01-01
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/707@2018-02-28/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Emenda tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014
  3. (1)
  4. (4)
  5. (5)
  6. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
  7. ANNEX
  8. ANNESS I Kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1)
  9. (3)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, u b'mod partikolari l-Artikoli 35(3), 52(9) u 67(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jeħtieġ li ż-żrieragħ użati għall-produzzjoni tal-qanneb ikunu ċċertifikati skont id-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE. Madankollu, id-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE tistipula ċertifikazzjoni alternattiva taż-żerriegħa tal-qanneb fil-każ ta' varjetajiet tal-konservazzjoni. Għalhekk jixraq li fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tiġi inkluża referenza għal dik id-Direttiva.

(2) Skont l-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-Istati Membri jistgħu jagħtu appoġġ akkoppjat lill-bdiewa skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-Kapitolu 1 tat-Titolu IV ta' dak ir-Regolament u fir-Regolament ta' Delega (UE) Nru 639/2014.

(3) L-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ġie emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex tingħata aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri fir-rigward tal-karattru li jillimita l-produzzjoni tal-appoġġ akkoppjat volontarju. Għalhekk jenħtieġ li t-terminoloġija użata fit-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5 u fl-Artikolu 67 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 kif ukoll fl-Anness I ta' dak ir-Regolament tiġi allinjata mal-kliem tal-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Abbażi tal-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, jixraq ukoll li jiġi aġġornat il-kontenut tal-informazzjoni li trid tintbagħat mill-Istati Membri lilll-Kummissjoni f'konformita mal-Anness I tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014.

(4) F'konformità mal-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-appoġġ akkoppjat volontarju jista' jingħata biss lil dawk is-setturi jew ir-reġjuni fejn tipi speċifiċi ta' biedja jew setturi agrikoli jesperjenzaw ċerti diffikultajiet. Skont l-Artikolu 52(3) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014, tip ta' biedja jew settur agrikolu speċifiku jistgħu jitqiesu bħala f'diffikultà biss jekk ikun hemm riskju ta' abbandun jew ta' tnaqqis ta' produzzjoni. Minħabba l-kjarifika tar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mal-karattru li jillimita l-produzzjoni tal-appoġġ akkoppjat volontarju, limitazzjoni bħal din mhijiex ġustifikata. Għalhekk jixraq li l-Artikolu 52(3) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jitħassar. Jixraq ukoll li l-projbizzjoni tal-akkumulazzjoni tal-appoġġ kif stabbilita fl-Artikolu 54(3) ta' dak ir-Regolament tiġi aġġornata.

(5) Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jiġi emendat skont dan.

(6) Billi t-tħassir tal-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u r-riformulazzjoni tal-Artikolu 52(6) ta' dak ir-Regolament bir-Regolament (UE) 2017/2393 japplikaw mill-1 ta' Jannar 2015, jixraq li l-emendi korrispondenti tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 japplikaw fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji sussegwenti għas-sena kalendarja 2014, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-kumulazzjoni tal-appoġġ. Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, jenħtieġ li l-kumulazzjoni tal-appoġġ tkompli tiġi determinata abbażi ta' tqabbil bejn l-objettivi rispettivi tal-miżuri tal-appoġġ akkoppjat jew tal-miżuri u l-politiki kkonċernati l-oħra tal-Unjoni. F'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-objettiv tal-appoġġ akkoppjat volontarju jitqies bħala ż-żamma tal-livelli attwali tal-produzzjoni f'konformità mal-Artikolu 52(5) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 qabel ma ġie emendat bir-Regolament (UE) 2017/2393. Għalhekk, jenħtieġ li l-emenda tal-Artikolu 54(3) tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 tapplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena kalendarja 2019 u mas-snin kalendarji ta' wara.

(7) Fir-rigward tad-dispożizzjoni l-ġdida dwar iċ-ċertifikazzjoni taż-żerriegħa tal-qanneb, huwa xieraq li din tapplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena kalendarja 2018 u s-snin kalendarji sussegwenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 Emenda tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014

Ir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 639/2014 jiġi emendat kif ġej:

(1) fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 jinbidel b'dan li ġej:

(1)

1. Għall-finijiet tal-Artikolu 32(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-eliġibbiltà ta' żoni użati għall-produzzjoni tal-qanneb għandha tkun soġġetta għall-użu taż-żerriegħa tal-varjetajiet elenkati fil-Katalgu Komuni ta' Varjetajiet ta' Speċijiet ta' Pjanti Agrikoli fil-15 ta' Marzu tas-sena li għaliha jkun qed jingħata l-pagament u jiġi ppubblikat f'konformità mal-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/53/KE. Iż-żerriegħa għandha tiġi ċċertifikata f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2002/57/KE jew f'konformità mal-Artikolu 10 tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2008/62/KE fil-każ tal-varjetajiet tal-konservazzjoni.

(2) fl-Artikolu 52, jitħassar il-paragrafu 3;

(3) fl-Artikolu 53(2), it-tielet subparagrafu jinbidel b'dan li ġej: Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, għall-ammont unitarju tal-appoġġ li hemm referenza għalih fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li japplikaw ammonti unitarji modulati għal ċerti kategoriji ta' bdiewa jew fil-livell tal-azjendi agrikoli sabiex jiġu kkunsidrati l-ekonomiji ta' skala li jirriżultaw mid-daqs tal-istrutturi ta' produzzjoni fit-tip ta' biedja speċifika fil-mira jew fis-settur agrikolu speċifiku, jew, jekk il-miżura timmira lejn reġjun jew settur sħiħ, fir-reġjun jew fis-settur ikkonċernat. L-Artikolu 67(1) ta' dan ir-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għan-notifika ta' deċiżjonijiet bħal dawn.;

(4) fl-Artikolu 53a, il-paragrafi 2 u 3 jinbidlu b'dan li ġej:

(4)

2. Meta l-erja jew l-għadd ta' annimali eliġibbli għall-appoġġ taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju fis-sena tat-talba kkonċernata jkunu ugwali għal jew jaqbżu l-erja jew in-numru ta' annimali msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 kif notifikat skont il-punt (3)(j) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, il-miżura ta' appoġġ ma għandhiex tibbenefika minn trasferiment ta' fondi minn xi miżura(i) oħra ta' appoġġ.

3. Meta l-erja jew in-numru ta' annimali eliġibbli għall-appoġġ taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat volontarju fis-sena tat-talba kkonċernata jkunu inqas meta mqabbla mal-erja jew man-numru ta' annimali msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 kif notifikat skont il-punt (3)(j) tal-Anness I ta' dan ir-Regolament, it-trasferiment ta' fondi ma għandux jirriżulta f'ammont unitarju li jsir anqas mill-proporzjon bejn l-ammont stabbilit għall-finanzjament kif notifikat skont il-punt (3)(i) ta' dak l-Anness u l-erja jew in-numru ta' annimali msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.;

(5) fl-Artikolu 54, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

(5)

3. Meta appoġġ taħt ċertu miżura ta' appoġġ akkoppjat jista' jingħata wkoll taħt miżura ta' appoġġ akkoppjat oħra, jew taħt miżura implimentata skont miżuri u politiki oħra tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bidwi kkonċernat jista' jirċievi appoġġ li għandu fil-mira l-istess diffikultà, kif imsemmija fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u kif iddefinit għal dik il-miżura ta' appoġġ akkoppjat, taħt miżura waħda biss bħal din għal kull settur, reġjun, tip ta' biedja speċifika jew settur agrikolu speċifiku li tkun fil-mira skont dik id-dispożizzjoni.;

(6)(c) fl-Artikolu 67(3), il-punt (c) jinbidel b'dan li ġej: għal kull miżura affettwata, ġustifikazzjoni li turi li t-trasferiment huwa konsistenti man-natura tal-iskema li tillimita l-produzzjoni msemmija fl-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 u li d-deċiżjonijiet notifikati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 54 ta' dak ir-Regolament u l-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu ma jsirux nulli.;

(7) L-Anness I jinbidel bit-test stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-punti 2, 3, 4, 6 u 7 tal-Artikolu 1 għandhom japplikaw fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin kalendarji wara s-sena kalendarja 2014. Il-punt 1 tal-Artikolu 1 għandu japplika fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena kalendarja 2018 u s-snin kalendarji ta' wara. Il-punt 5 tal-Artikolu 1 għandu japplika fir-rigward ta' applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-sena kalendarja 2019 u s-snin kalendarji ta' wara.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-28 ta' Frar 2018. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

ANNEX

ANNESS

ANNESS I Kontenut tal-informazzjoni li trid tiġi sottomessa lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 67(1)

L-informazzjoni għandha tinkludi:

(1) il-perċentwali tal-limitu massimu nazzjonali msemmi fl-Artikolu 53 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għal kull sena sal-2020;

(2) it-titolu ta' kull miżura ta' appoġġ;

(3) deskrizzjoni ta' kull miżura ta' appoġġ, li tinkludi mill-anqas:

(3)

(a) ir-reġjun jew is-settur fil-mira;

(b) it-tipi speċifiċi ta' biedja u/jew is-setturi agrikoli speċifiċi magħżula kif ukoll deskrizzjoni tad-diffikultajiet li nstabu u, fejn applikabbli, il-kriterji stabbiliti mill-Istati Membri biex jiddefinixxu r-reġjuni msemmija fl-Artikolu 52(1) ta' dan ir-Regolament;

(c) l-importanza ekonomika, soċjali jew ambjentali relatata;

(d) kwalunkwe implimentazzjoni tad-deroga stabbilita fl-Artikolu 52(4) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(e) it-tul tagħha;

(f) il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà applikabbli;

(g) għal Stati Membri li japplikaw it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) ta' dan ir-Regolament, il-kriterji applikati għall-istabbiliment ta' kull ammont unitarju modulat skont dak is-subparagrafu;

(h) l-ammont(i) unitarju/i stmat(i) ta' appoġġ ikkalkulat(i) skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) ta' dan ir-Regolament;

(i) l-ammont iffissat għall-finanzjament;

(j) l-erjas u r-rendimenti fissi jew in-numru fiss ta' annimali skont l-Artikolu 52(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013;

(k) fejn xieraq, iż-żona massima stabbilita għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-appoġġ għal dawk iż-żrieragħ li minnhom jingħasar iż-żejt imsemmija fl-Artikolu 53(3) ta' dan ir-Regolament;

(l) kwalunkwe miżura eżistenti applikata skont skemi oħra ta' għajnuna mill-Unjoni jew skont miżuri ffinanzjati minn għajnuniet statali fl-istess reġjun jew settur bħala miżura ta' appoġġ akkoppjat u, fejn ikun meħtieġ, il-kriterji u r-regoli amministrattivi biex jiġi żgurat li appoġġ li jimmira li jindirizza l-istess diffikultà kif imsemmija fl-Artikolu 52(3) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma jingħatax ukoll skont skemi oħra ta' appoġġ mill-Unjoni f'konformità mal-Artikolu 52(9) ta' dak ir-Regolament;

(4) fejn xieraq, id-deskrizzjoni ddettaljata tas-sitwazzjoni partikolari fir-reġjun jew fis-settur immirat u l-karatteristiċi tat-tipi ta' biedja jew setturi agrikoli speċifiċi, li minħabba fihom il-perċentwal imsemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ma jkunx biżżejjed biex jindirizza d-diffikultajiet identifikati u li jiġġustifikaw livell ogħla ta' appoġġ skont l-Artikolu 54(2) ta' dak ir-Regolament;

(5) fejn xieraq, il-prova tal-eżistenza ta' waħda mill-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 55(1)(a), (b), (c) jew (d) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

Versions

  1. 2018-02-28