Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/840 tal-5 ta' Ġunju 2018 li tistabbilixxi lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha fil-qasam tal-politika tal-ilma skont id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/495 (notifikata bid-dokument C(2018) 3362)

In forceVersion 2018-06-05from 2018-06-06
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/840@2018-06-05/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. Lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards ta' kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu Article8b(5) tagħha,

Billi:

(1) L-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE jistipula l-istabbiliment ta' lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għalihom għandha tinġabar dejta tal-monitoraġġ mill-Unjoni kollha bil-għan li jiġu appoġġati l-eżerċizzji ta' prijoritizzazzjoni tal-futur skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-ewwel lista ta' sorveljanza bħal din kienet tinkludi indikazzjoni tal-matriċijiet ta' monitoraġġ, u metodi possibbli tal-analiżi li ma jinvolvux spejjeż żejda, għal kull sustanza.

(2) L-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE jispeċifika, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-monitoraġġ tas-sustanzi inklużi fil-lista ta' sorveljanza u għar-rappurtar tar-riżultati tal-monitoraġġ mill-Istati Membri.

(3) Is-sustanzi fil-lista ta' sorveljanza jridu jintgħażlu minn fost dawk li għalihom l-informazzjoni disponibbli tindika li jistgħu joħolqu riskju sinifikanti, fil-livell tal-Unjoni, għall-ambjent akkwatiku jew permezz tiegħu, iżda li għalihom id-dejta tal-monitoraġġ disponibbli mhix biżżejjed biex issir konklużjoni dwar ir-riskju proprja maħluq. Jenħtieġ li s-sustanzi ta' tossiċità kbira li jużaw ħafna Stati Membri u li jintremew fl-ambjent akkwatiku, iżda li rari jew qatt ma jsirilhom monitoraġġ, jiġu kkunsidrati biex jitniżżlu fil-lista ta' sorveljanza. Dak il-proċess tal-għażla jenħtieġ iqis l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari s-sustanzi niġġiesa emerġenti.

(4) Il-monitoraġġ tas-sustanzi mniżżla fil-lista ta' sorveljanza jenħtieġ jiġġenera dejta ta' kwalità kbira dwar il-konċentrazzjonijiet tagħhom fl-ambjent akkwatiku, li tkun tajba biex, waqt eżerċizzju separat ta' rieżami skont l-Artikolu 16(4) tad-Direttiva 2000/60/KE, tappoġġa l-valutazzjonijiet tar-riskju li fuqhom tistrieħ l-identifikazzjoni tas-sustanzi ta' prijorità. F'dak ir-rieżami, jenħtieġ li s-sustanzi misjuba li joħolqu riskju sinifikanti jiġu kkunsidrati biex jitniżżlu fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità. Imbagħad jiġi stabbilit ukoll standard tal-kwalità ambjentali li l-Istati Membri jridu jilħqu. Biex sustanza tiġi proposta ħalli titniżżel fil-lista ta' sustanzi ta' prijorità trid issirilha valutazzjoni tal-impatt.

(5) L-ewwel lista ta' sorveljanza ta' sustanzi ġiet stabbilita fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Deċiżjoni (UE) 2015/495 u kienet tinkludi għaxar sustanzi jew gruppi ta' sustanzi, flimkien ma' indikazzjoni tal-matriċi ta' monitoraġġ, metodi possibbli tal-analiżi li ma jinvolvux spejjeż żejda, u limiti aċċettabbli massimi tad-detezzjoni tal-metodu.

(6) Skont l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni għandha taġġorna l-lista ta' sorveljanza kull sentejn. Meta tkun qed taġġorna l-lista, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sustanzi li għalihom tista' tiġi konkluża valutazzjoni bbażata fuq ir-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE mingħajr il-bżonn ta' dejta addizzjonali tal-monitoraġġ.

(7) Tul l-2017, il-Kummissjoni analizzat id-dejta mill-ewwel sena tal-monitoraġġ tas-sustanzi fl-ewwel lista ta' sorveljanza. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira disponibbli għas-sustanzi tri-allat, ossadiażon, 2,6-ditert-butil-4-metilfenol u diklofenak, u li għaldaqstant dawn is-sustanzi jenħtieġ jitneħħew mil-lista ta' sorveljanza.

(8) Kif imsemmi fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495, jixraq isir monitoraġġ tas-sustanza 2-etileżil-4-metossiċinnamat fis-sediment. Madankollu ħafna mid-dejta tal-monitoraġġ miġbura hija għall-ilma, filwaqt li l-ammont limitat ta' dejta dwar is-sediment li ġiet irrappurtata mhuwiex biżżejjed biex issir analiżi konklużiva għal dik il-matriċi tal-monitoraġġ. Biex ikun żgurat li d-dejta tal-monitoraġġ miġbura għal dik is-sustanza tirrifletti għalkollox ir-riskju li toħloq, il-Kummissjoni se tkompli tistħarreġ jekk l-Istati Membri jistgħux jimmonitorjawha fis-sediment b'mod affidabbli u komparabbli. Sadattant, dik is-sustanza jenħtieġ titneħħa mil-lista ta' sorveljanza.

(9) Għall-antibijotiku makrolidu l-ażitromiċina u għal tnejn min-neonikotinojdi, jiġifieri l-imidakloprid u t-tijametossam, għad hemm bżonn dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira addizzjonali biex tappoġġa l-valutazzjoni mmirata bbażata fuq ir-riskju kif imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2000/60/KE. Għaldaqstant dawk is-sustanzi jenħtieġ jinżammu fil-lista ta' sorveljanza. L-antibijotiċi makrolidi u n-neonikotinojdi ġew inklużi bħala gruppi fl-ewwel lista ta' sorveljanza biex jitqies il-fatt li sustanzi bl-istess mod ta' azzjoni jista' jkollhom effetti addittivi. Dan l-argument jiġġustifika li jinżammu żewġ gruppi fil-lista ta' sorveljanza, minkejja l-fatt li hemm biżżejjed dejta tal-monitoraġġ ta' kwalità kbira disponibbli għal uħud mis-sustanzi individwali f'dawn il-gruppi (l-antibijotiċi makrolidi l-klaritromiċina u l-eritromiċina, u n-neonikotinojdi l-aċetamiprid, il-klotijanidin u t-tijakloprid).

(10) Tul l-2017, il-Kummissjoni ġabret ukoll dejta dwar firxa ta' sustanzi oħrajn li jistgħu jitniżżlu fil-lista ta' sorveljanza. Din qieset it-tipi differenti ta' informazzjoni rilevanti msemmija fl-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, u kkonsultat lil esperti mill-Istati Membri u lil gruppi tal-partijiet ikkonċernati. Meta jkun hemm dubju dwar it-tossiċità tas-sustanzi jew meta s-sensittività, l-affidabbiltà jew il-komparabbiltà tal-metodi tal-monitoraġġ disponibbli għas-sustanzi ma jkunux adegwati, jenħtieġ li dawn is-sustanzi ma jitniżżlux fil-lista ta' sorveljanza. L-insettiċida l-metaflumiżon, u l-antibijotiċi l-amoksiċillina u ċ-ċiprofloksaċina, ġew identifikati bħala kandidati xierqa. L-inklużjoni tal-amoksiċillina u taċ-ċiprofloksaċina hi konsistenti mal-Pjan ta' Azzjoni Ewropew Saħħa Waħda kontra r-Reżistenza għall-Antimikrobiċi (AMR), li jappoġġa l-użu tal-lista ta' sorveljanza biex jitjieb l-għarfien dwar l-okkorrenza u t-tixrid tal-antimikrobiċi fl-ambjent.

(11) B'konformità mal-Artikolu 8b(1) tad-Direttiva 2008/105/KE, il-Kummissjoni identifikat xi metodi possibbli tal-analiżi għas-sustanzi proposti. Għal kull sustanza, jenħtieġ li l-limitu tad-detezzjoni tal-metodu jkun baxx mill-inqas daqs il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista u speċifika għas-sustanza fil-matriċi rilevanti.

(12) Waqt ir-rieżami tal-ewwel lista ta' sorveljanza, il-Kummissjoni identifikat informazzjoni ekotossikoloġika ġdida għall-antibijotiċi makrolidi l-klaritromiċina u l-ażitromiċina, għall-metjokarb, għan-neonikotinojdi l-imidakloprid, it-tijakloprid u t-tijametossam, li wasslitha biex tirrevedi l-konċentrazzjonijiet mingħajr effett previsti għal dawk is-sustanzi. Jenħtieġ li l-limiti massimi aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu li huma stabbiliti fil-lista ta' sorveljanza għal dawk is-sustanzi u l-gruppi ta' sustanzi jiġu aġġornati skont dan.

(13) Il-metodi analitiċi indikati fil-lista ta' sorveljanza ma jitqisux li jinvolvu spejjeż żejda. Jekk fil-futur ikun hemm xi informazzjoni ġdida li twassal biex tonqos il-konċentrazzjoni mingħajr effett prevista għal sustanzi speċifiċi, il-limitu massimu aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu jaf ikollu jitnaqqas sakemm dawk is-sustanzi jibqgħu fil-lista.

(14) Għal raġunijiet ta' komparabbiltà, jenħtieġ isir monitoraġġ tas-sustanzi kollha fil-kampjuni sħaħ tal-ilma.

(15) Jenħtieġ li titħassar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495.

(16) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 21(1) tad-Direttiva 2000/60/KE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE hi stabbilita fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2 Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni (UE) 2015/495 hi mħassra.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta' Ġunju 2018. Għall-Kummissjoni Karmenu Vella Membru tal-Kummissjoni

ANNEX

ANNESS

Lista ta' sorveljanza ta' sustanzi li għandhom jiġu mmonitorjati fl-Unjoni kollha kif stabbilit fl-Artikolu 8b tad-Direttiva 2008/105/KE

Isem is-sustanza/isem il-grupp ta' sustanzi Numru tal-CAS Numru tal-UE Metodu analitiku indikattiv Limitu massimu aċċettabbli tad-detezzjoni tal-metodu (ng/l) 17-Alfa-etinilestradjol (EE2) 57-63-6 200-342-2 SPE ta' volum kbir – LC-MS-MS 0,035 17-Beta-estradjol (E2), Estron (E1) 50-28-2, 53-16-7 200-023-8 SPE – LC-MS-MS 0,4 L-antibijotiċi makrolidi SPE – LC-MS-MS 19 Il-metijokarb 2032-65-7 217-991-2 SPE – LC-MS-MS jew GC-MS 2 In-neonikotinojdi SPE – LC-MS-MS 8,3 Il-metaflumiżon 139968-49-3 604-167-6 LLE – LC-MS-MS jew SPE – LC-MS-MS 65 L-amoksiċillina 26787-78-0 248-003-8 SPE – LC-MS-MS 78 Iċ-ċiprofloksaċina 85721-33-1 617-751-0 SPE – LC-MS-MS 89

Versions

  1. 2018-06-05