Gelex

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/866 tat-13 ta' Ġunju 2018 li jiffissa r-rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti skont ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018

In forceVersion 2018-06-13from 2018-06-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2018/866@2018-06-13/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b'mod partikulari l-Artikolu 26(3) tiegħu,

Wara li kkonsultat mal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tiġi stabbilita riżerva maħsuba biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għas-settur agrikolu f'każ ta' kriżijiet kbar li jolqtu lill-produzzjoni jew lid-distribuzzjoni agrikola billi, fil-bidu ta' kull sena, jiġi applikat tnaqqis fil-pagamenti diretti permezz tal-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja msemmi fl-Artikolu 26 ta' dak ir-Regolament.

(2) L-Artikolu 26(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprevedi li, sabiex jiġi żgurat li jitħarsu l-limiti massimi annwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 għall-finanzjament tan-nefqa relatata mas-suq u tal-pagamenti diretti, trid tiġi ddeterminata rata ta' aġġustament għall-pagamenti diretti meta l-previżjonijiet għall-finanzjament tal-miżuri ffinanzjati skont dak is-sublimitu massimu għal sena finanzjarja partikulari jindikaw li jkunu se jinqabżu l-limiti massimi annwali applikabbli.

(3) L-ammont tar-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu, inkluż fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2019, jammonta għal EUR 468,7 miljun fi prezzijiet attwali. Biex jiġi kopert dak l-ammont, il-mekkaniżmu tad-dixxiplina finanzjarja jrid japplika għall-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018.

(4) Il-previżjonijiet għall-pagamenti diretti u għan-nefqa relatata mas-suq iddeterminati fl-Abbozz tal-Baġit tal-Kummissjoni għall-2019 jindikaw li ma hemmx bżonn ta' aktar dixxiplina finanzjarja.

(5) Skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament tiġi ffissata sat-30 ta' Ġunju tas-sena kalendarja li għaliha tkun tapplika.

(6) Bħala regola ġenerali, il-bdiewa li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna għall-pagamenti diretti għal sena kalendarja waħda (N) jitħallsu f'perjodu tal-pagamenti fiss li jkun fis-sena finanzjarja (N + 1). Madankollu, l-Istati Membri jistgħu, sa ċertu limitu, iħallsu l-pagamenti lill-bdiewa wara dak il-perjodu tal-pagamenti. Dawn il-pagamenti tard jistgħu jsiru f'sena finanzjarja sussegwenti. Meta d-dixxiplina finanzjarja tiġi applikata għal sena kalendarja partikulari, jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament ma tiġix applikata għal dawk il-pagamenti li l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għalihom ikunu tressqu fi snin kalendarji li ma jkunux is-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja. Għalhekk, biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-bdiewa, huwa xieraq li jiġi previst li r-rata ta' aġġustament tiġi applikata biss għall-pagamenti li għalihom ikunu tressqu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna fis-sena kalendarja li għaliha tapplika d-dixxiplina finanzjarja, irrispettivament minn meta jsir il-pagament lill-bdiewa.

(7) L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li r-rata ta' aġġustament applikata għall-pagamenti diretti ddeterminata skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 għandha tapplika biss għall-pagamenti diretti li jkunu ta' iktar minn EUR 2000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għas-sena kalendarja korrispondenti. Barra minn hekk, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jipprevedi li, minħabba l-introduzzjoni gradwali tal-pagamenti diretti, ir-rata ta' aġġustament għandha tibda tapplika għall-Kroazja mill-1 ta' Jannar 2022 biss. Għalhekk jenħtieġ li r-rata ta' aġġustament li għandha tiġi ddeterminata permezz ta' dan ir-Regolament ma tapplikax għall-pagamenti lill-bdiewa f'dak l-Istat Membru,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Sabiex tiġi ffissata r-rata ta' aġġustament skont l-Artikoli 25 u 26 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 u skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, l-ammonti tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-iskemi ta' appoġġ imniżżlin fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 li jkunu ta' iktar minn EUR 2000 u li għandhom jingħataw lill-bdiewa għal applikazzjoni għall-għajnuna mressqa fir-rigward tas-sena kalendarja tal-2018 għandhom jitnaqqsu b'rata ta' aġġustament ta' 1,422184 %.

2. It-tnaqqis previst fil-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-Kroazja.

Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Ġunju 2018. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2018-06-13