Gelex

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1128 tal-1 ta' Lulju 2019 dwar id-drittijiet ta' aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u għat-tweġibiet maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/780/UE (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2019-07-01from 2019-07-22
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1128@2019-07-01/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1 Suġġett
  3. Artikolu 2 Stat tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom
  4. Artikolu 3 Protezzjoni tad-data personali
  5. Artikolu 4 Kunfidenzjalità
  6. Artikolu 5 Tħassir
  7. Artikolu 6 Dħul fis-seħħ

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta' okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007, u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 18(5) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom għandhom jiġu rreġistrati fir-repożitorju ċentrali.

(2) Ir-repożitorju ċentrali msemmi fil-premessa 1 huwa stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 376/2014 bħala r-Repożitorju Ċentrali Ewropew.

(3) Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, l-aċċess għar-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew huwa ristrett minħabba n-natura kunfidenzjali tagħhom. Min-naħa l-oħra, hemm interess leġittimu li jingħata aċċess pubbliku għar-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom minħabba l-fini ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 li jitnaqqas in-numru ta' aċċidenti u li tiġi promossa d-disseminazzjoni ta' sejbiet dwar inċidenti relatati mas-sikurezza. L-eżistenza ta' tali interess leġittimu hija kkonfermata wkoll mill-fatt li r-rapporti ta' investigazzjoni dwar is-sikurezza, li ta' spiss jinkludu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza, iridu jsiru pubbliċi skont ir-Regolament (UE) Nru 996/2010.

(4) Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014, il-Kummissjoni trid tadotta arranġamenti għall-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew. Peress li, għal raġunijiet ta' sigurtà, jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda aċċess dirett għar-Repożitorju Ċentrali Ewropew, ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew jenħtieġ li jkunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku separat.

(5) Jenħtieġ li jiġi żgurat f'kull ħin u fil-livelli kollha li, fir-rigward tal-ħżin, l-ipproċessar u l-iskambju tad-data, jiġu rispettati l-obbligi dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

(6) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/780/UE jenħtieġ li titħassar u tiġi sostitwita b'din id-Deċiżjoni, li meta mqabbla mad-Deċiżjoni 2012/780/UE, jenħtieġ li tistabbilixxi aċċess pubbliku mhux biss għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza iżda wkoll għat-tweġibiet għalihom.

(7) Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Suġġett

Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri dwar il-ġestjoni tar-Repożitorju Ċentrali Ewropew stabbilit skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 fir-rigward tal-aċċess għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza skont it-tifsira tal-Artikolu 2(15) tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 u għat-tweġibiet għalihom irreġistrati skont l-Artikolu 18(3) tal-istess Regolament.

Artikolu 2 Stat tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u t-tweġibiet għalihom

Ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza u t-tweġibiet kollha għalihom li jinsabu fir-Repożitorju Ċentrali Ewropew għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali permezz ta' sit web pubbliku li għandu jiġi stabbilit u ġestit mill-Kummissjoni.

Artikolu 3 Protezzjoni tad-data personali

L-ipproċessar tad-data personali fil-qafas ta' din id-Deċiżjoni għandu jitwettaq f'konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725.

Artikolu 4 Kunfidenzjalità

It-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza ippubblikati skont din id-Deċiżjoni ma għandu jkun fihom ebda informazzjoni ta' natura kunfidenzjali. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri xierqa f'dak ir-rigward.

Artikolu 5 Tħassir

Id-Deċiżjoni 2012/780/UE titħassar.

Artikolu 6 Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta' Lulju 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

Versions

  1. 2019-07-01