Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1254 tat-22 ta' Lulju 2019 dwar l-istandards armonizzati tas-sikurezza tal-ġugarelli abbozzati b'appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1254@2019-07-22/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b'mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
(1) F'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-prodotti li jkunu konformi ma' standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 u fl-Anness II ta' dik id-Direttiva.
(2) Bl-ittra M/445 tad-9 ta' Lulju 2009 il-Kummissjoni ressqet talba quddiem il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (is-CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (is-Cenelec) għall-abbozzar ta' standards armonizzati ġodda u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti b'appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE. Fil-punt 11 tal-Parti I tal-Anness II tagħha, id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi rekwiżiti ta' sikurezza speċifiċi għall-ġugarelli ta' attività.
(3) It-trampolini huma ġugarelli għall-użu domestiku, primarjament maħsuba għat-tfal li jipprattikaw l-attività tal-qbiż, li l-istruttura tal-irfid tagħhom tibqa' immobbli waqt li tkun qed issir l-attività. Għalhekk, dawn huma ġugarelli ta' attività fit-tifsira tal-punt (21) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/48/KE.
(4) Fuq il-bażi tat-talba M/445 tad-9 ta' Lulju 2009, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-14:2014+A1:2017 dwar it-trampolini għall-użu domestiku, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex tiġi żgurata wkoll is-sikurezza tat-trampolini fl-art (midfuna) li qegħdin jitqiegħdu dejjem aktar fis-suq. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-14:2018 fuq it-trampolini għall-użu domestiku.
(5) Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard armonizzat EN 71-14:2018 dwar it-trampolini għall-użu domestiku abbozzat mis-CEN huwiex konformi mat-talba M/445 tad-9 ta' Lulju 2009.
(6) L-istandard armonizzat EN 71-14:2018 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk, huwa xieraq li tiġi ppubblikata r-referenza ta' dak l-istandard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(7) L-istandard armonizzat EN 71-14:2018 jissostitwixxi l-istandard armonizzat EN 71-14:2014+A1:2017. Għalhekk, jeħtieġ li r-referenza ta' dak l-istandard jiġi rtirat minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandard armonizzat EN 71-14:2018, jeħtieġ li jiġi ddiferit l-irtirar tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 71-14:2014+A1:2017.
(8) Il-konformità ma' standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta' konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta' tali standard f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Ir-referenza tal-istandard armonizzat dwar is-sikurezza tal-ġugarelli abbozzat b'appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkata fl-Anness I ta' din id-Deċiżjoni, hija b'dan ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2 Ir-referenza tal-istandard armonizzat dwar is-sikurezza tal-ġugarelli abbozzat b'appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkata fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni, hija b'dan irtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mid-data stabbilita f'dak l-Anness.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta' Lulju 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS I
Nru Referenza tal-istandard 1. EN 71-14:2018 Is-sikurezza tal-ġugarelli - Parti 14: Trampolini għall-użu domestiku
ANNESS II
Nru Referenza tal-istandard Data tal-irtirar 1. EN 71-14:2014+A1:2017 Is-sikurezza tal-ġugarelli - Parti 14: Trampolini għall-użu domestiku It-22 ta' Jannar 2020