REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/1693 tal-4 ta’ Ottubru 2019 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjoni ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1693@2019-10-04/mt
Contents
- Preamble
- (150) Tabella 1 ———————————————————————————
- (194) Tabella 2 Il-konsum tal-Unjoni
- (198) Tabella 3 Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq
- (201) Tabella 4 Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/kilo)
- (210) Tabella 5 Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità
- (212) Tabella 6 Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
- (215) Tabella 7 Impjiegi u produttività
- (219) Tabella 8 Prezzijiet tal-bejgħ medji fl-Unjoni (EUR)
- (221) Tabella 9 Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)
- (223) Tabella 10 Inventarji
- (226) Tabella 11 Profitabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti
- (239) Tabella 12 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
- (244) Tabella 13 Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
- (248) Tabella 14 Kost medju ta’ kojls illaminati bis-sħana għall-produzzjoni ta’ rota waħda
- Artikolu 1
- 1.
- Artikolu 2
- ANNEX
- Anness I Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Istati Membri,
Billi: PROĊEDURA Bidu
(1) Fil-15 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) bdiet investigazzjoni antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ roti tat-triq tal-azzar (steel road wheels, SRW) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (People’s Republic of China, PRC, jew il-pajjiż ikkonċernat) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036 (ir-Regolament bażiku). Ippubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-Notifika ta’ Bidu).
(2) Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fit-3 ta’ Jannar 2019 mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tar-Roti Ewropej (Association of European Wheels Manufacturers, EUWA, jew l-ilmentatur) f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tar-roti tat-triq tal-azzar. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u ta’ dannu materjali riżultanti li kienet biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.
(3) Wara n-Notifika ta’ Bidu l-Kummissjoni rċeviet għadd ta’ mistoqsijiet u kummenti dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ċċarat l-ambitu tal-prodott fl-avviż li jemenda n-Notifika ta’ Bidu.
(4) Skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tirreġistra l-importazzjonijiet soġġetti għal investigazzjoni antidumping matul il-perjodu ta’ qabel id-divulgazzjoni sakemm ma jkollhiex evidenza biżżejjed li ċerti rekwiżiti ma ġewx issodisfati. Wieħed minn dawn ir-rekwiżiti, kif imsemmi fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku, huwa li addizzjonalment għal-livell tal-importazzjonijiet li jkunu kkawżaw dannu matul il-perjodu tal-investigazzjoni jkun hemm żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet. Skont id-data tal-Eurostat, l-importazzjonijiet f’kilogrammi ta’ SRW mill-PRC naqsu matul l-ewwel erba’ xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni (jiġifieri minn Marzu 2019 sa Ġunju 2019) b’72 % meta mqabbla mal-istess perjodu fl-2018 u b’74 % fir-rigward tal-medja ta’ erba’ xhur matul il-perjodu tal-investigazzjoni (l-2018 - ara l-premessa (23)). Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-volumi tal-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat skont il-bażi tad-data Surveillance 2 juru tnaqqis qawwi simili fl-importazzjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssoġġettatx l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 14(5a) tar-Regolament bażiku peress li t-tieni kundizzjoni sostantiva tal-Artikolu 10(4), jiġifieri żieda oħra sostanzjali fl-importazzjonijiet, ma kinitx sodisfatta.
Partijiet interessati
(5) Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jagħmlu kuntatt magħha sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għarrfet speċifikament lill-ilmentatur, lill-produtturi l-oħra magħrufa tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa u lill-awtoritajiet tal-PRC, lill-importaturi u lill-utenti magħrufa dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.
(6) Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.
Kampjunar
(7) Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kien hemm il-possibilità li tagħżel kampjun minn fost il-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-kampjunar tal-produtturi tal-Unjoni
(8) Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni ddikjarat li kienet iddeċidiet li tillimita l-investigazzjoni tagħha għal għadd raġonevoli ta’ produtturi tal-Unjoni billi tapplika l-proċedura tal-kampjunar, u li provviżorjament kienet għażlet kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha fl-istadju tal-bidu. Din kienet ibbażata fuq il-volum tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-prodott simili fl-UE matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan il-kampjun kien jikkonsisti minn tliet produtturi tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, li jinsabu fi tliet Stati Membri differenti, ammontaw għal aktar minn 35 % tal-volum totali stmat tal-produzzjoni u tal-bejgħ tal-UE tal-prodott simili. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw dwar il-kampjun provviżorju. L-EUWA biss għamlet kummenti u talbet għall-inklużjoni ta’ kumpanija addizzjonali sabiex tittejjeb ir-rappreżentattività tal-kampjun. Wara dawn il-kummenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li żżid kumpanija waħda. Madankollu, dak il-produttur tal-Unjoni rrifjuta li jikkoopera mal-investigazzjoni. Għalhekk ġie kkonfermat il-kampjun provviżorju li kien jikkonsisti fi tliet produtturi tal-Unjoni. Il-kampjun huwa rappreżentattiv tal-industrija tal-Unjoni.
(9) Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kif ukoll il-produtturi l-oħra tal-Unjoni li pparteċipaw f’din l-investigazzjoni talbu lill-Kummissjoni sabiex l-identità tagħhom tinżamm kunfidenzjali matul il-proċediment, skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku, minħabba l-biża’ ta’ miżuri ta’ ritaljazzjoni minn xi klijenti tagħhom. Il-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ raġuni valida murija fit-talba, aċċettat li l-produtturi tal-Unjoni jibqgħu anonimi.
Kampjunar tal-importaturi
(10) Biex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx meħtieġ u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-importaturi mhux relatati biex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.
(11) Żewġ importaturi mhux relatati pprovdew l-informazzjoni mitluba. Minħabba l-ammont żgħir, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li jittieħdu kampjuni.
Kampjunar tal-produtturi esportaturi fil-PRC
(12) Sabiex tiddeċiedi jekk kienx hemm il-ħtieġa li jittieħed kampjun u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi kollha fil-PRC sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
(13) Sebgħa u għoxrin kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat ipprovdew l-informazzjoni mitluba u qablu li jkunu inklużi fil-kampjun. Il-Kummissjoni sabet għoxrin produttur esportatur/gruppi ta’ produtturi esportaturi ammissibbli għall-kampjun. Seba’ produtturi rrapportaw li ma kinux esportaw il-prodott ikkonċernat lejn l-UE matul il-perjodu tal-investigazzjoni u għalhekk ma kinux meqjusa ammissibbli għall-kampjun. F’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għażlet kampjun ta’ tliet kumpaniji, li raġonevolment setgħu jiġu investigati fiż-żmien disponibbli. Il-bażi għall-għażla tal-kampjun kienet l-ikbar volumi ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni iżda ngħatat kunsiderazzjoni wkoll sabiex il-kampjun ikopri kull tip ta’ SRW (SRW użati għall-finijiet tal-passiġġieri u dawk kummerċjali).
(14) Skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament bażiku, il-produtturi esportaturi magħrufa kkonċernati kollha, u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, ġew ikkonsultati dwar l-għażla tal-kampjun. Ma sar l-ebda kumment.
(15) Sussegwentement, waħda mill-kumpaniji fil-kampjun irrifjutat li tikkoopera u ġiet sostitwita bil-produttur esportatur li kien jiġi warajh fid-daqs.
(16) Wara ż-żjara ta’ verifika, minħabba n-nuqqasijiet sinifikanti fl-informazzjoni pprovduta minn wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinjora din l-informazzjoni abbażi tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku.
(17) Barra minn hekk, bħala riżultat tal-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ prodotti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-investigazzjoni kif stabbilit fit-Taqsima 2.3 hawn taħt, wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun li kkoopera ma kienx għadu kkonċernat minn din l-investigazzjoni.
(18) Bħala riżultat ta’ dan ta’ hawn fuq, il-kampjun tnaqqas għal kumpanija waħda biss, li kienet tkopri madwar 20 % tal-esportazzjonijiet Ċiniżi tal-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Meta jitqies il-livell ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kampjun u l-fatt li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex jintgħażel kampjun ġdid, abbażi tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod provviżorju li tapplika d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Eżami individwali
(19) Oriġinarjament, għaxar produtturi esportaturi li bagħtu lura l-formola tal-kampjunar talbu eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet il-kwestjonarju disponibbli online fil-jum tal-bidu. Barra minn hekk, meta ħabbret il-kampjun, il-Kummissjoni infurmat lill-produtturi esportaturi li ma kinux fil-kampjun li kienu meħtieġa jipprovdu tweġiba għall-kwestjonarju jekk kienu jixtiequ li jiġu eżaminati individwalment. Madankollu, l-ebda waħda mill-kumpaniji ma pproċediet billi ppreżentat tweġiba għall-kwestjonarju. Għalhekk, ma ngħatat l-ebda konċessjoni għal eżami individwali.
Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika
(20) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fil-PRC fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (Government of China, GOC). Il-kwestjonarji għall-produtturi, għall-importaturi, għall-utenti, u għall-produtturi esportaturi tal-Unjoni kienu disponibbli online fil-jum tal-bidu.
(21) Waslu tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand it-tliet produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u mingħand it-tliet produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Importatur wieħed mhux relatat ipprovda lill-Kummissjoni bi tweġiba għall-kwestjonarju; madankollu, dik it-tweġiba ma kinitx kompluta u l-parti waqqfet il-kooperazzjoni tagħha fl-investigazzjoni meta ntalbet tkompli tikkompleta t-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Ma waslet l-ebda tweġiba mingħand il-GOC.
(22) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset neċessarja għal determinazzjoni provviżorja ta’ dumping, id-dannu riżultanti u l-interess tal-Unjoni. Iż-żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku saru fil-bini tal-partijiet li ġejjin: Produtturi tal-Unjoni Assoċjazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni Produtturi esportaturi fil-PRC
Il-kumpanija C, l-Unjoni Ewropea;
Il-kumpanija E, l-Unjoni Ewropea;
Il-kumpanija H, l-Unjoni Ewropea;
L-EUWA, Brussell, Il-Belġju;
Il-Grupp Hangtong:
Zhejiang Hangtong Machinery Manufacture Co., Ltd. (produttur), Taizhou, Iċ-Ċina;
Ningbo Hi-Tech Zone Tongcheng Auto Parts Co., Ltd. (negozjant), Ningbo, Iċ-Ċina;
Ningbo Wheelsky Company Limited (negozjant offshore), Ningbo, Iċ-Ċina;
Il-Grupp Xingmin:
Xingmin Intelligent Transportation Systems Co., Ltd. (produttur esportatur), Longkou, Iċ-Ċina;
Tangshan Xingmin Wheels Co., Ltd. (produttur), Tangshan, Iċ-Ċina;
Xianning Xingmin Wheels Co., Ltd. (produttur), Xianning, Iċ-Ċina.
Perjodu tal-investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
(23) L-investigazzjoni tad-dumping u tad-dannu kopriet il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2018 u l-31 ta’ Diċembru 2018 (il-perjodu tal-investigazzjoni). L-eżaminar tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-aħħar tal-perjodu tal-investigazzjoni (il-perjodu kkunsidrat).
Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku
(24) Fid-dawl tal-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni qieset li kien xieraq li tiftaħ investigazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(25) Konsegwentement, sabiex tiġbor id-data meħtieġa għall-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, fin-Notifika ta’ Bidu l-Kummissjoni stiednet lill-produtturi esportaturi kollha tal-pajjiż ikkonċernat sabiex jipprovdu l-informazzjoni mitluba fl-Anness III tan-Notifika ta’ Bidu rigward l-inputs użati għall-produzzjoni tal-SRW. Tlieta u għoxrin produttur esportatur ippreżentaw l-informazzjoni rilevanti.
(26) Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonarju lill-GOC. Ma waslet l-ebda tweġiba mingħand il-GOC. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-GOC li kienet sejra tuża l-fatti disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku għad-determinazzjoni tal-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fil-PRC.
(27) Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni stiednet ukoll lill-partijiet interessati kollha jressqu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Produttur esportatur wieħed għamel kummenti dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.
(28) Fin-Notifika ta’ Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, jista’ jkollha bżonn tagħżel pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni.
(29) Fis-6 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel nota għall-fajl (in-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019) biex tikseb l-opinjonijiet tal-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti li l-Kummissjoni tista’ tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(e) tar-Regolament bażiku. F’din in-nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi tal-produzzjoni kollha, bħall-materjali, l-enerġija u x-xogħol lavorattiv użati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla ta’ prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat pajjiżi rappreżentattivi possibbli (jiġifieri l-Arġentina, il-Brażil, il-Kolombja, il-Malasja, il-Messiku, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel, it-Tajlandja u t-Turkija).
(30) Il-Kummissjoni tat lill-partijiet interessati kollha l-opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand produttur esportatur wieħed u mingħand l-ilmentatur. Il-GOC ma pprovda l-ebda kumment.
(31) Il-Kummissjoni indirizzat il-kummenti li rċeviet dwar in-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019 fit-tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali tas-16 ta’ April 2019 (in-Nota tas-16 ta’ April 2019). Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll il-lista ta’ fatturi tal-produzzjoni u kkonkludiet li, f’dak l-istadju, il-Brażil kien l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. F’dak l-istadju, ma kienx possibbli li tiġi determinata lista definittiva tal-kodiċijiet HS li fihom kien jenħtieġ li jiġu kklassifikati l-fatturi tal-produzzjoni. Minħabba li ma kienx hemm importazzjoni taħt uħud mill-kodiċijiet HS potenzjali lejn il-Brażil, f’dak l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet li t-Turkija u l-Afrika t’Isfel setgħu jitqiesu wkoll bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq jekk ikun meħtieġ. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jikkummentaw. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand l-ilmentatur biss. Dan ir-Regolament jindirizza dawk il-kummenti.
PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI Prodott ikkonċernat
(32) Il-prodott ikkonċernat, kif emendat bl-avviż imsemmi fil-premessa (3) huwa roti tat-triq tal-azzar, kemm jekk bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom u kemm jekk mgħammra bit-tajers jew le, iddisinjati għal li joriġinaw mill-PRC, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet CN ex87087010, ex87087099 u ex87169090 (kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095 u 8716909097) (il-prodott ikkonċernat).
Tratturi tat-triq,
Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ persuni u/jew għat-trasport ta’ merkanzija,
Vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali (pereżempju, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet għall-bexx),
Trejlers, semi-trejlers, karavans u vetturi simili, mhux motorizzati,
(33) Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:
Roti tat-triq tal-azzar għall-assemblaġġ industrijali ta’ trakters ikkontrollati minn persuni bil-mixi li attwalment jaqgħu taħt is-subintestatura 870110,
Roti għal kwads tat-triq,
Ċentri ta’ roti f’forma ta’ stilla, fonduti f’biċċa waħda, tal-azzar,
Roti għal vetturi bil-mutur iddisinjati speċifikament għal użi minbarra fuq toroq pubbliċi (pereżempju, roti għat-tratturi agrikoli jew tal-forestrija, għall-forklifters, għall-pushback tractors, għal dumpers iddisinjati għall-użu barra mit-toroq pubbliċi).
Prodott simili
(34) L-investigazzjoni wriet li dawn il-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:
il-prodott ikkonċernat;
il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-PRC;
il-prodott manifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Brażil, li serva bħala pajjiż rappreżentattiv fis-sens tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku; kif ukoll
il-prodott manifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.
(35) F’dan l-istadju l-Kummissjoni għalhekk iddeċidiet li dawk il-prodotti huma prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.
Dikjarazzjonijiet dwar l-ambitu tal-prodott
(36) Wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun saħaq li r-roti tat-triq tal-azzar iddisinjati speċifikament għat-trejlers tal-karozzi tal-passiġġieri u għall-karavans li huma kklassifikati taħt il-kodiċi NM 87169090 b’dijametru tar-rimm ta’ 16-il pulzier jew inqas, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-ambitu tal-prodott peress li ma jiġux manifatturati fl-Unjoni u ma għandhomx l-istess karatteristiċi tekniċi bażiċi bħall-prodotti l-oħra kollha li huma fl-ambitu tal-prodott.
(37) F’dak li għandu x’jaqsam mal-karatteristiċi tekniċi, il-kumpanija inkwistjoni sostniet li l-ispeċifikazzjonijiet għar-roti għat-trejlers tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-karavans, b’mod partikolari fir-rigward tas-saħħa (u b’hekk anke l-ittestjar), huma inferjuri minn dawk għar-roti tal-karozzi tal-passiġġieri. Barra minn hekk, biex jinbiegħu fl-Unjoni dawn ir-roti jridu jissodisfaw speċifikazzjonijiet partikolari relatati mar-rekwiżiti ta’ tagħbija akbar u ta’ veloċità aktar baxxa. Dan ikun ifisser ukoll li rota tat-triq tal-azzar għal karavan jew għal trejler li tintuża minn karozza tal-passiġġieri ma tistax tinbiegħ u tintuża b’mod legali bħala rota tal-azzar għall-karozzi tal-passiġġieri. Il-kumpanija indikat ukoll li r-roti tat-triq tal-azzar għall-karavans jew għat-trejlers li jintużaw minn karozzi tal-passiġġieri jridu jiġu kklassifikati fil-kodiċi NM 87169090 filwaqt li r-roti tal-azzar għall-karozzi tal-passiġġieri jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt l-intestatura 8708.
(38) Barra minn hekk, matul l-investigazzjoni l-Kummissjoni rċeviet kummenti dwar l-esklużjoni potenzjali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni ta’ roti għal trejlers agrikoli u għal tagħmir agrikolu ieħor irmunkat li jintuża fl-għelieqi, li d-dijametru tar-rimm tagħhom instab li kien ta’ 16-il pulzier jew inqas. In-Notifika ta’ Bidu eskludiet b’mod espliċitu roti għal vetturi bil-mutur iddisinjati speċifikament għal użi minbarra fuq toroq pubbliċi (pereżempju, roti għat-tratturi agrikoli tal-forestrija, għall-forklifters, għall-pushback tractors, għal dumpers iddisinjati għall-użu barra mit-toroq pubbliċi). Madankollu, oriġinarjament ir-roti tal-azzar għal vetturi mhux motorizzati, bħal trejlers agrikoli u tagħmir agrikolu ieħor li jiġi rmunkat li jintuża fl-għelieqi, kienu inklużi fl-ambitu tal-prodott. Ġie ddikjarat li bħar-roti tal-azzar għall-karavans u għat-trejlers li jintużaw mill-karozzi tal-passiġġieri, dawn ir-roti għandhom ukoll karatteristiċi tekniċi differenti u mhumiex interkambjabbli mal-prodotti l-oħra li huma fl-ambitu tal-prodott.
(39) Fl-24 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni ppubblikat nota għall-fajl li fiha stiednet lill-partijiet interessati kollha biex jikkummentaw dwar id-dikjarazzjonijiet ta’ hawn fuq fir-rigward tal-ambitu tal-prodott. L-ilmentatur, tliet produtturi esportaturi u importatur wieħed tal-Unjoni ppreżentaw kummenti dwar in-nota ta’ hawn fuq. Dawk il-partijiet kollha appoġġaw id-dikjarazzjoni dwar l-esklużjoni tal-prodott ippreżentata fil-qosor fil-premessi (36) u (38) hawn fuq.
Konklużjoni dwar il-prodott ikkonċernat
(40) L-investigazzjoni wriet li r-roti msemmija fil-premessi (36) u (38) għandhom dijametru limitat ta’ 16-il pulzier jew inqas u għandhom karatteristiċi tekniċi differenti minn tipi oħrajn ta’ roti fl-ambitu tal-prodott, minħabba li mhumiex maħsuba għal, u ma jistgħux, jiġu installati fuq il-vetturi bil-mutur infushom. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod provviżorju li dawn il-prodotti jenħtieġ li jiġu esklużi.
(41) Wara l-esklużjoni deskritta fil-premessa (40) hawn fuq, wieħed mill-produtturi esportaturi fil-kampjun, li kien jipproduċi u jesporta lejn l-Unjoni t-tipi ta’ prodotti esklużi biss, ma kienx għadu meqjus bħala produttur esportatur tal-prodott ikkonċernat.
(42) Għalhekk, il-prodott ikkonċernat huwa provviżorjament definit bħala roti tat-triq tal-azzar, kemm jekk bl-aċċessorji tagħhom jew mingħajrhom u kemm jekk mgħammra bit-tajers jew le, iddisinjati għal: li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet CN ex87087010, ex87087099 u ex87169090 (kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095 u 8716909097) (il-prodott ikkonċernat). Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:
Tratturi tat-triq,
Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ persuni u/jew għat-trasport ta’ merkanzija,
Vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali (pereżempju, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet għall-bexx),
Trejlers jew semi-trejlers, mhux motorizzati, ta’ tratturi tat-triq
Roti tat-triq tal-azzar għall-assemblaġġ industrijali ta’ trakters ikkontrollati minn persuni bil-mixi li attwalment jaqgħu taħt is-subintestatura 870110,
Roti għal kwads tat-triq,
Ċentri ta’ roti f’forma ta’ stilla, fonduti f’biċċa waħda, tal-azzar,
Roti għal vetturi bil-mutur iddisinjati speċifikament għal użi minbarra fuq toroq pubbliċi (pereżempju, roti għat-tratturi agrikoli jew tal-forestrija, għall-forklifters, għall-pushback tractors, għal dumpers iddisinjati għall-użu barra mit-toroq pubbliċi),
Roti għal trejlers tal-karozzi tal-passiġġieri, karavans, trejlers agrikoli u tagħmir agrikolu rmunkat ieħor li jintuża fl-għelieqi, b’dijametru ta’ mhux aktar minn 16-il pulzier.
DUMPING Rimarki preliminari
(43) Kif spjegat fil-premessa (17) fil-kampjun baqgħu u sussegwentement ġew verifikati biss żewġ produtturi esportaturi.
(44) Fir-rigward ta’ waħda minn dawn il-kumpaniji l-Kummissjoni ddeċidiet li tuża d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u b’mod partikolari l-ewwel sentenza tal-Artikolu 18(1), u tinjora l-informazzjoni pprovduta. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li d-data rrapportata dwar il-bejgħ b’esportazzjoni kienet meqjusa li mhijiex affidabbli, billi ma setgħetx tiġi rikonċiljata mal-kontijiet awditjati tal-kumpanija. Għalhekk, il-Kummissjoni ma rċevietx l-informazzjoni meħtieġa biex tistabbilixxi marġni tad-dumping għall-kumpanija.
(45) Skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament bażiku, il-parti interessata ġiet mgħarrfa bir-raġunijiet għaliex l-informazzjoni pprovduta ġiet imwarrba u ngħatat l-opportunità li tipprovdi spjegazzjonijiet ulterjuri.
(46) Il-kumpanija kkummentat dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tuża l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u kellha seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali fuq talba tagħha. Minħabba n-natura kunfidenzjali u speċifika għall-kumpanija tad-data miċħuda u l-kummenti pprovduti fis-sottomissjoni tal-kumpanija u fis-seduta ta’ smigħ sussegwenti, id-dettalji tas-sejbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward ġew divulgati lill-kumpanija inkwistjoni f’divulgazzjoni provviżorja speċifika separata.
(47) Minħabba li l-kummenti li saru mill-kumpanija fis-sottomissjonijiet tagħha u fis-seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ma biddlux il-fatti u l-konklużjonijiet stabbiliti mill-Kummissjoni matul iż-żjara ta’ verifika fil-bini tal-kumpanija, il-Kummissjoni kkonfermat b’mod provviżorju l-użu tal-fatti disponibbli fir-rigward ta’ dan il-produttur esportatur.
(48) Għalhekk, id-deskrizzjoni tal-kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ hawn taħt tirreferi għall-unika kumpanija li kien għad fadal fil-kampjun.
Valur normali
(49) Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.
(50) Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, f’każ li jiġi stabbilit […] li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’dak il-pajjiż fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jinħadem b’mod esklużiv abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirrifletti prezzijiet jew valuri referenzjarji mhux distorti, u għandu jinkludi ammont mhux distort u raġonevoli ta’ kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għall-profitti. Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, f’din l-investigazzjoni l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-GOC, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.
Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti Introduzzjoni
(51) L-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jiddefinixxi distorsjonijiet sinifikanti bħala dawk id-distorsjonijiet li jseħħu meta l-prezzijiet jew il-kostijiet irrapportati, inklużi l-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija, ma jkunux ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles peress li dawn jiġu affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern. Meta tkun valutata l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti għandha tingħata attenzjoni, fost oħrajn, lill-impatt potenzjali ta’ element wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:
is-suq inkwistjoni li hu servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur;
Il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew tal-kostijiet;
politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles b’mod ieħor;
in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà;
il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni;
l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat.
(52) Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) għandha tqis, fost l-oħrajn, il-lista mhux eżawrjenti ta’ elementi fid-dispożizzjoni ta’ qabel. Skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, fil-valutazzjoni tal-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti, għandu jitqies l-impatt potenzjali ta’ wieħed jew ta’ aktar minn dawn l-elementi fuq il-prezzijiet u l-kostijiet fil-pajjiż esportatur tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, peress li dik il-lista mhijiex kumulattiva, mhux l-elementi kollha jeħtieġ li jitqiesu għas-sejba ta’ distorsjonijiet sinifikanti. Barra minn hekk, l-istess ċirkostanzi fattwali jistgħu jintużaw biex juru l-eżistenza ta’ element wieħed jew aktar tal-lista. Madankollu, kwalunkwe konklużjoni dwar distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(a) trid issir fuq il-bażi tal-evidenza kollha disponibbli. Il-valutazzjoni globali dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet tista’ tqis ukoll il-kuntest ġenerali u s-sitwazzjoni fil-pajjiż esportatur, b’mod partikolari fejn l-elementi fundamentali tal-istruttura ekonomika u amministrattiva tal-pajjiż esportatur jipprovdu lill-gvern b’setgħat sostanzjali biex jintervjeni fl-ekonomija b’tali mod li l-prezzijiet u l-kostijiet ma jkunux ir-riżultat tal-iżvilupp ħieles tal-forzi tas-suq.
(53) L-Artikolu 2(6a)(c) tar-Regolament bażiku jipprevedi li [f]ejn il-Kummissjoni jkollha indikazzjonijiet fondati sew tal-eżistenza potenzjali ta’ distorsjonijiet sinifikanti kif imsemmija fil-punt (b) f’ċertu pajjiż jew f’ċertu settur f’dak il-pajjiż, u fejn ikun xieraq għall-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tipproduċi, tippubblika u taġġorna regolarment rapport li jiddeskrivi ċ-ċirkostanzi tas-suq imsemmija fil-punt (b) f’dak il-pajjiż jew settur.
(54) Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni ħarġet rapport tal-pajjiż dwar il-PRC (minn hawn’ il quddiem ir-Rapport), li juri l-eżistenza ta’ intervent sostanzjali tal-gvern f’ħafna livelli tal-ekonomija, inklużi distorsjonijiet speċifiċi f’bosta fatturi ewlenin ta’ produzzjoni (bħall-art, l-enerġija, il-kapital, il-materja prima u x-xogħol) kif ukoll f’setturi speċifiċi (bħall-azzar u s-sustanzi kimiċi). Ir-Rapport tqiegħed fil-fajl tal-investigazzjoni fl-istadju tal-bidu. L-ilment kien fih ukoll xi evidenza rilevanti li tikkomplementa r-Rapport. Il-partijiet interessati kienu mistiedna jirribattu, jikkummentaw jew jissupplimentaw l-evidenza li kienet fil-fajl tal-investigazzjoni fil-mument tal-bidu.
(55) L-ilment kien fih informazzjoni aġġornata dwar il-kapaċità żejda fil-produzzjoni tal-azzar, li huwa l-materja prima ewlenija għall-manifattura tal-prodott ikkonċernat li jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-kostijiet tal-manifattura. Huwa rrefera għal rapport mill-Kamra tal-Kummerċ tal-Unjoni Ewropea fiċ-Ċina, li jgħid li l-PRC kienet naqset milli żżomm il-wegħdiet tagħha li tnaqqas il-kapaċità tal-produzzjoni għal livelli aktar realistiċi. Din is-sitwazzjoni kienet speċifikament ikkawżata minn:
ix-xewqa ta’ parti mir-reġjuni li jkunu awtosuffiċjenti, li wasslet għal kapaċità żejda addizzjonali fuq livell nazzjonali;
l-eżistenza ta’ intrapriżi tal-Istat, li ma joperawx skont kunsiderazzjonijiet ta’ qligħ/telf;
il-pakkett ta’ stimolu tal-GOC, li ħeġġeġ fabbriki kbar tal-azzar biex iżidu l-kapaċità u li għen biex fabbriki tal-azzar żgħar u ta’ daqs medju jerġgħu jsiru profitabbli;
il-provvista ta’ enerġija ssussidjata mill-gvernijiet reġjonali.
(56) L-ilmentatur sostna wkoll li d-domanda domestika Ċiniża ma setgħetx issostni livelli għoljin ta’ produzzjoni tal-azzar. Għal dan il-għan, l-ilment irrefera għall-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar, li rrapportat li l-volumi tal-produzzjoni mensili fil-PRC żdiedu b’9,1 % f’Ottubru 2018 meta mqabbla ma’ Ottubru 2017 filwaqt li żdiedu biss b’medja ta’ 5,8 % fl-64 pajjiż li jirrapportaw lill-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Azzar.
(57) L-ilment kien fih informazzjoni li tgħid li ż-żieda fil-produzzjoni tal-azzar fil-PRC, flimkien ma’ tnaqqis fl-esportazzjonijiet bħala riżultat tal-miżuri għad-difiża tal-kummerċ reċentement imposti mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fil-prezzijiet tal-azzar.
(58) Fl-aħħar nett, l-ilment irrefera għal prattiki addizzjonali li jaffettwaw il-prezzijiet tal-materja prima:
il-kostijiet tal-materja prima u tal-enerġija fil-PRC mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali min-naħa tal-gvern;
is-suq tal-azzar Ċiniż għadu sa punt sinifikanti fornut minn impriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u s-superviżjoni tal-politika tal-GOC;
għad hemm nuqqas ta’ infurzar adegwat tal-liġijiet dwar il-falliment, tal-liġijiet korporattivi u tal-proprjetà fil-PRC;
il-kostijiet lavorattivi huma distorti minħabba li mhumiex ir-riżultat ta’ forzi normali tas-suq jew ta’ negozjati bejn il-kumpaniji u l-forza tax-xogħol.
(59) Kif speċifikat fil-premessi (26) u (27) rispettivament, il-GOC la kkummenta u lanqas ma pprovda evidenza li tappoġġa jew li tirribatti l-evidenza eżistenti dwar il-fajl tal-każ, inkluż ir-Rapport u l-evidenza addizzjonali li ġiet ipprovduta mill-ilmentatur, dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u/jew dwar l-adegwatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fil-każ inkwistjoni.
(60) Il-kummenti f’dan ir-rigward waslu biss mingħand wieħed mill-produtturi esportaturi, li ddikjara li l-kalkolu tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku mhuwiex kompatibbli mal-Ftehimiet tad-WTO, inkluż il-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mad-WTO (il-Protokoll) u l-Ftehim Antidumping (Anti-Dumping Agreement, ADA).
(61) F’dan ir-rigward, il-produttur esportatur sostna li wara l-iskadenza tat-Taqsima 15 tal-Protokoll, l-UE jenħtieġ li ma tiddevjax mill-metodoloġija standard biex tistabbilixxi l-valur normali, jiġifieri li jintużaw biss il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi tal-pajjiż esportatur, sakemm l-ADA ma jippermettix mod ieħor. Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, l-UE jenħtieġ li ssegwi l-metodoloġija standard skont l-Artikolu 2 tal-ADA. Barra minn hekk, il-parti interessata sostniet ukoll li l-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti lanqas biss jeżisti fl-ADA. Peress li la fl-ADA u lanqas fil-GATT tal-1994 ma hemm ebda bażi ġuridika għal tali azzjoni speċifika, is-sejbiet tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti u, bħala riżultat ta’ dan, il-kostruzzjoni tal-valur normali mhijiex konsistenti mal-Artikoli 1, 2, 6.1 u 18.1 tal-ADA.
(62) Għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa (112) li huwa xieraq li jiġi applikat l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament Bażiku. Il-Kummissjoni ma taqbilx mas-sottomissjoni tal-parti interessata li l-Kummissjoni ma għandhiex tapplika l-Artikolu 2(6a). Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni tqis li l-Artikolu 2(6a) huwa applikabbli u jrid jiġi applikat fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni hija konsistenti mal-obbligi tad-WTO tal-Unjoni Ewropea. Hija l-fehma tal-Kummissjoni li, kif iċċarat f’DS473 EU-Biodiesel (l-Arġentina), id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku li japplikaw b’mod ġenerali fir-rigward tal-Membri kollha tad-WTO, b’mod partikolari l-Artikolu 2(5), it-tieni subparagrafu, jippermettu l-użu ta’ data minn pajjiż terz, aġġustata kif xieraq meta tali aġġustament ikun meħtieġ u sostanzjat. Fl-aħħar nett, fil-proċedimenti antidumping li jikkonċernaw prodotti miċ-Ċina, il-partijiet tat-Taqsima 15 tal-Protokoll tal-Adeżjoni taċ-Ċina li ma skadewx ikomplu japplikaw meta jiġi ddeterminat il-valur normali, kemm fir-rigward tal-istandard tal-ekonomija tas-suq kif ukoll fir-rigward tal-użu ta’ metodoloġija li mhijiex ibbażata fuq tqabbil strett mal-prezzijiet jew il-kostijiet Ċiniżi.
(63) Il-produttur esportatur argumenta wkoll li l-ilmentatur ma pprovda l-ebda evidenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fuq is-suq tar-roti tal-azzar innifsu iżda pjuttost ibbaża l-pretensjonijiet tiegħu dwar id-distorsjonijiet fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-azzar Ċiniż.
(64) Il-Kummissjoni nnotat li kull kumment dwar is-sitwazzjoni tas-suq tal-azzar Ċiniż huwa rilevanti għall-prodott ikkonċernat innifsu peress li, bħala prodott tal-azzar, jista’ jitqies bħala parti mis-settur tal-azzar. Fil-fatt, l-azzar jirrappreżenta aktar minn 60 % tal-kostijiet tal-manifattura tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, il-materja prima ewlenija użata fil-manifattura ta’ SRW hija azzar ċatt b’laminazzjoni termali (HRS) li tammonta għal aktar minn 50 % tal-kostijiet totali tal-produzzjoni, li hija prodotta wkoll fis-suq tal-azzar Ċiniż u li għaliha s-sejbiet dwar id-distorsjonijiet ġew ikkonfermati f’investigazzjonijiet oħra ta’ difiża tal-kummerċ.
(65) Il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-PRC, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni għamlet dan abbażi tal-evidenza disponibbli fil-fajl, inkluża l-evidenza inkluża fir-Rapport, li hija bbażata fuq sorsi pubblikament disponibbli. Dik l-analiżi kopriet l-eżami tal-interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija tal-PRC inġenerali, iżda anke s-sitwazzjoni speċifika tas-suq fis-settur rilevanti, inkluż il-prodott ikkonċernat.
Distorsjonijiet sinifikanti li affettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-PRC
(66) Is-sistema ekonomika Ċiniża hija bbażata fuq il-kunċett ta’ ekonomija tas-suq soċjalista. Dak il-kunċett huwa inkorporat fil-Kostituzzjoni Ċiniża u jiddetermina l-governanza ekonomika tal-PRC. Il-prinċipju ewlieni huwa s-sjieda pubblika soċjalista tal-mezzi tal-produzzjoni, jiġifieri s-sjieda min-nies kollha u s-sjieda kollettiva mill-persuni li jaħdmu. L-ekonomija tal-Istat hija l-forza mexxejja tal-ekonomija nazzjonali u l-Istat għandu l-mandat li jiżgura l-konsolidazzjoni u t-tkabbir tagħha. Konsegwentement, l-istruttura ġenerali tal-ekonomija Ċiniża mhux biss tippermetti interventi sostanzjali tal-gvern fl-ekonomija, iżda titlob b’mod espliċitu tali interventi. Il-kunċett tas-supremazija tas-sjieda pubblika fuq dik privata huwa mifrux fis-sistema ġuridika kollha u huwa enfasizzat bħala prinċipju ġenerali fl-atti leġiżlattivi prinċipali kollha. Il-liġi Ċiniża dwar il-proprjetà hija eżempju ewlieni: tirreferi għall-istadju primarju tas-soċjaliżmu u tafda lill-Istat bil-ħarsien tas-sistema ekonomika bażika li fiha s-sjieda pubblika għandha rwol dominanti. Forom oħra ta’ sjieda huma tollerati, bil-liġi tippermettilhom jiżviluppaw flimkien mas-sjieda tal-Istat.
(67) Barra minn hekk, skont il-liġi Ċiniża, l-ekonomija tas-suq soċjalista hija żviluppata taħt it-tmexxija tal-Partit Komunista Ċiniż (Chinese Communist Party, CCP). L-istruttura tal-Istat Ċiniż u tas-CCP huma marbutin ma’ xulxin f’kull livell (legali, istituzzjonali, personali), u jiffurmaw superstruttura li fiha ma hemmx distinzjoni bejn ir-rwoli tas-CCP u tal-Istat. Wara emenda tal-Kostituzzjoni Ċiniża f’Marzu 2018, ir-rwol ewlieni tas-CCP ingħata prominenza saħansitra akbar billi ġie affermat mill-ġdid fit-test tal-Artikolu 1 tal-Kostituzzjoni. Wara l-ewwel sentenza diġà eżistenti tad-dispożizzjoni: is-sistema soċjalista hija s-sistema bażika tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, iddaħħlet it-tieni sentenza ġdida li tgħid: [il-]karatteristika li tiddefinixxi s-soċjaliżmu b’karatteristiċi Ċiniżi hi t-tmexxija tal-Partit Komunista taċ-Ċina. Dan juri l-kontroll mhux ikkontestat u dejjem akbar tas-CCP fuq is-sistema ekonomika tal-PRC. Din it-tmexxija u dan il-kontroll huma inerenti għas-sistema Ċiniża u jmorru ferm lil hinn mis-sitwazzjoni abitwali ta’ pajjiżi oħra fejn il-gvernijiet jeżerċitaw kontroll makroekonomiku ġenerali li fil-limiti tiegħu joperaw il-forzi tas-suq ħieles.
(68) L-Istat Ċiniż jimplimenta politika ekonomika intervenzjonista fl-insegwiment ta’ objettivi li jikkoinċidu mal-aġenda politika stabbilita mis-CCP minflok ma jirriflettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi prevalenti f’suq ħieles. L-għodod ekonomiċi intervenzjonisti użati mill-awtoritajiet Ċiniżi huma moltepliċi, inkluża s-sistema tal-ippjanar industrijali, is-sistema finanzjarja, kif ukoll fil-livell tal-ambjent regolatorju.
(69) L-ewwel nett, fil-livell tal-kontroll amministrattiv globali, id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniżi hija regolata minn sistema kumplessa ta’ ppjanar industrijali li taffettwa l-attivitajiet ekonomiċi kollha fil-pajjiż. Dawn il-pjanijiet kollha jkopru matriċi komprensiva u kumplessa ta’ setturi u politiki trażversali u huma preżenti fil-livelli kollha tal-gvern. Il-pjanijiet fil-livell provinċjali huma dettaljati filwaqt li l-pjanijiet nazzjonali jistabbilixxu miri usa’. Il-pjanijiet jispeċifikaw ukoll il-mezzi biex jiġu sostnuti l-industriji/is-setturi rilevanti kif ukoll il-perjodi ta’ żmien li fihom iridu jintlaħqu l-objettivi. Xi pjanijiet għadhom jinkludu miri espliċiti fir-rigward tal-produzzjoni filwaqt li din kienet karatteristika regolari fiċ-ċikli tal-ippjanar preċedenti. Skont il-pjanijiet, is-setturi u/jew il-proġetti industrijali individwali qed jiġu identifikati bħala prijoritajiet (pożittivi jew negattivi) skont il-prijoritajiet tal-gvern u l-għanijiet ta’ żvilupp speċifiċi attribwiti lilhom (titjib industrijali, espansjoni industrijali, eċċ.). L-operaturi ekonomiċi, kemm dawk privati kif ukoll dawk tal-Istat, iridu jaġġustaw b’mod effettiv l-attivitajiet kummerċjali tagħhom skont ir-realtajiet imposti mis-sistema tal-ippjanar. Dan mhuwiex biss minħabba n-natura vinkolanti tal-pjanijiet iżda anke minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Ċiniżi rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern jaderixxu mas-sistema ta’ pjanijiet u jużaw is-setgħat mogħtija lilhom skont kif ikun meħtieġ, u b’hekk jisfurzaw lill-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-prijoritajiet stabbiliti fil-pjanijiet (ara wkoll it-Taqsima 3.2.1.5 hawn taħt).
(70) It-tieni nett, fil-livell tal-allokazzjoni tar-riżorsi finanzjarji, is-sistema finanzjarja tal-PRC hija ddominata mill-banek kummerċjali tal-Istat. Dawk il-banek, meta jkunu qed jistabbilixxu u jimplementaw il-politika tas-self tagħhom għandhom jallinjaw lilhom infushom mal-objettivi tal-politika industrijali tal-gvern minflok ma jivvalutaw qabel kollox il-merti ekonomiċi ta’ proġett partikolari (ara wkoll it-taqsima 3.2.1.8 hawn taħt). L-istess japplika għall-komponenti l-oħra tas-sistema finanzjarja Ċiniża, bħas-swieq tal-ishma, is-swieq tal-bonds, is-swieq tal-ekwità privata, eċċ. Barra minn hekk, dawn il-partijiet tas-settur finanzjarju għajr is-settur bankarju huma istituzzjonalment u operazzjonalment stabbiliti b’mod li mhuwiex xprunat biex jittejjeb il-funzjonament effiċjenti tas-swieq finanzjarji iżda biex jiżgura l-kontroll u jippermetti l-intervent mill-Istat u mis-CCP.
(71) It-tielet nett, fil-livell tal-ambjent regolatorju, l-interventi mill-Istat fl-ekonomija jieħdu għadd ta’ forom. Pereżempju, ir-regoli tal-akkwist pubbliku jintużaw regolarment sabiex jintlaħqu għanijiet ta’ politika għajr l-effiċjenza ekonomika, u b’hekk jimminaw il-prinċipji bbażati fuq is-suq fil-qasam. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tipprevedi b’mod speċifiku li l-akkwist pubbliku għandu jsir sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-għanijiet imfassla mill-politiki tal-Istat. Madankollu, in-natura ta’ dawn l-għanijiet għadha mhijiex definita, u b’hekk tħalli marġni wiesa’ ta’ apprezzament għall-korpi responsabbli mit-teħid tad-deċiżjonijiet. Bl-istess mod, fil-qasam tal-investiment, il-GOC iżomm kontroll u influwenza sinifikanti fuq id-destinazzjoni u fuq id-daqs tal-investiment tal-Istat u wkoll dak privat. L-iskrinjar tal-investiment kif ukoll diversi inċentivi, restrizzjonijiet, u projbizzjonijiet relatati mal-investiment jintużaw mill-awtoritajiet bħala għodda importanti biex jiġu appoġġati l-għanijiet tal-politika industrijali, bħaż-żamma tal-kontroll tal-Istat fuq setturi ewlenin jew għat-tisħiħ tal-industrija domestika.
(72) Fil-qosor, il-mudell ekonomiku Ċiniż huwa bbażat fuq ċerti assjomi bażiċi, li jipprevedu u jħeġġu diversi interventi tal-gvern. Tali interventi sostanzjali tal-gvern huma f’kunflitt mal-azzjoni libera tal-forzi tas-suq, u dan iwassal għad-distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi skont il-prinċipji tas-suq.
Distorsjonijiet sinifikanti skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: is-suq inkwistjoni huwa servut f’miżura sinifikanti minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, kontroll jew superviżjoni politika jew gwida tal-awtoritajiet tal-pajjiż esportatur
(73) Fil-PRC, l-intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll u/jew is-superviżjoni politika jew il-gwida tal-Istat jirrappreżentaw parti essenzjali mill-ekonomija.
(74) Il-GOC u s-CCP iżommu strutturi li jiżguraw il-kontinwazzjoni tal-influwenza tagħhom fuq l-intrapriżi, u b’mod partikolari fuq l-intrapriżi tal-Istat (State-owned enterprises, SOEs). L-Istat (u f’ħafna aspetti anke s-CCP) mhux biss jifformula u jissorvelja b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-politiki ekonomiċi ġenerali minn SOEs individwali, iżda jeżerċita wkoll id-drittijiet tiegħu li jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet operazzjonali fl-SOEs. Tipikament dan isir permezz tar-rotazzjoni ta’ uffiċjali tal-partit (cadres) bejn l-awtoritajiet tal-gvern u l-SOEs, permezz tal-preżenza ta’ membri tal-partit fuq il-korpi eżekuttivi tal-SOEs u ta’ ċelloli tal-partit fil-kumpaniji (ara wkoll it-taqsima 3.2.1.4 hawn taħt), kif ukoll permezz tat-tfassil tal-istruttura korporattiva tas-settur tal-SOEs. Inkambju, l-SOEs igawdu status partikolari fl-ekonomija Ċiniża, li jinkludi għadd ta’ benefiċċji ekonomiċi, b’mod partikolari protezzjoni kontra l-kompetizzjoni u aċċess preferenzjali għal inputs rilevanti, inklużi l-finanzi.
(75) Speċifikament fis-settur tal-azzar, għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GOC. Filwaqt li l-qasma nominali bejn l-għadd ta’ SOEs u kumpaniji privati hija stmata li hija kważi ugwali, erbgħa mill-ħames produtturi tal-azzar Ċiniżi kklassifikati mal-aqwa għaxra tal-akbar produtturi tal-azzar fid-dinja huma SOEs. Fl-istess ħin, filwaqt li fl-2016 l-aqwa għaxar produtturi kienu jirrappreżentaw biss madwar 36 % tal-produzzjoni totali tal-industrija, il-GOC stabbilixxa l-mira fl-istess sena li jikkonsolida bejn 60 % u 70 % tal-produzzjoni tal-ħadid u tal-azzar f’madwar għaxar intrapriżi fuq skala kbira sal-2025. Din l-intenzjoni ġiet ripetuta mill-GOC f’April 2019, fejn dan ħabbar il-ħruġ ta’ linji gwida dwar il-konsolidazzjoni tal-industrija tal-azzar. Tali konsolidazzjoni tista’ tinvolvi fużjonijiet furzati ta’ kumpaniji privati profitabbli ma’ SOEs bi prestazzjoni baxxa.
(76) Minħabba l-livell għoli ta’ intervent tal-gvern fl-industrija tal-azzar u sehem kbir ta’ SOEs fis-settur, anki l-produtturi privati tal-azzar ma jitħallewx joperaw skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, kemm l-intrapriżi pubbliċi kif ukoll dawk privati fis-settur tal-azzar huma soġġetti wkoll għal superviżjoni u gwida politika kif stabbilit fit-taqsima 3.2.1.5 hawn taħt.
(77) Għalkemm il-produtturi tal-SRW fiċ-Ċina huma fil-biċċa l-kbira kumpaniji privati, il-kontroll u l-interventi tal-Istat fis-suq ewlieni tal-materja prima tagħhom tal-HRS mhuwiex eskluż mill-qafas ġenerali deskritt aktar ‘il fuq.
(78) Ġie stabbilit li l-produtturi verifikati tal-SRW xtraw l-HRS tagħhom kemm minn SOEs kif ukoll mingħand fornituri privati. Madankollu, fid-dawl tas-sejbiet ta’ diversi investigazzjonijiet antisussidji dwar il-prodotti tal-azzar Ċiniżi b’laminazzjoni termali jew dwar prodotti oħra tal-azzar Ċiniżi fejn l-HRS intuża bħala materja prima, bl-aktar waħda reċenti tkun investigazzjoni dwar l-azzar miksi b’materjal organiku (organic coated steel, OCS), il-forma tas-sjieda tal-produttur tal-HRS mhijiex rilevanti għas-sejbiet dwar id-distorsjonijiet.
(79) Fl-investigazzjoni dwar l-OCS imsemmija hawn fuq, il-Kummissjoni stabbiliet li l-SOEs li jipprovdu azzar b’laminazzjoni termali lill-produtturi tal-OCS kienu korpi pubbliċi skont it-test stabbilit mill-Korp tal-Appell tad-WTO, peress li dawn kienu jwettqu funzjonijiet governattivi u, minħabba dan, kienu jeżerċitaw awtorità tal-gvern. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-GOC inkariga u ordna lill-produtturi privati tal-HRS fil-PRC biex jipprovdu prodotti skont l-Artikoli 3(1)(a)(iii) u 3(1)(a)(iv) tar-Regolament Antisussidji bażiku u aġixxew bl-istess mod bħall-SOEs tal-azzar. Fl-aħħar nett, ġie stabbilit li l-prezzijiet tal-HRS fil-PRC kienu distorti. Dan kien ir-riżultat tal-predominanza qawwija tal-SOEs fis-suq tal-HRS fil-PRC u minħabba li l-prezzijiet tal-HRS tal-fornituri privati kienu allinjati mal-prezzijiet tal-SOEs.
(80) Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tal-manifattura tal-karozzi għadhom (parzjalment) tal-istat. Il-manifatturi tal-karozzi barranin iffurmaw impriżi konġunti ma’ SOEs akbar, peress li s-sehem barrani tal-ishma ilu ristrett mill-1994.
(81) Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa konkluż li s-suq tal-SRW fil-PRC kien fornut b’mod sinifikanti minn intrapriżi soġġetti għas-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni ta’ politika jew gwida mill-GOC.
Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: Il-preżenza tal-Istat f’ditti li jippermettu lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet jew kostijiet
(82) Minbarra li jeżerċita kontroll fuq l-ekonomija permezz tas-sjieda ta’ SOEs u mezzi oħra, il-GOC huwa f’pożizzjoni biex jinterferixxi mal-prezzijiet u mal-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti. Filwaqt li d-dritt għall-ħatra u t-tneħħija ta’ membri kruċjali tal-maniġment fl-SOEs mill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat, kif previst fil-leġiżlazzjoni Ċiniża, jista’ jitqies li jirrifletti d-drittijiet ta’ sjieda korrispondenti, iċ-ċelloli tas-CCP fl-intrapriżi, kemm dawk tal-Istat kif ukoll dawk privati, jirrappreżentaw mezz importanti ieħor li permezz tiegħu l-Istat jista’ jinterferixxi fid-deċiżjonijiet tan-negozju. Skont il-liġi tal-kumpaniji tal-PRC, f’kull kumpanija għandha tiġi stabbilita organizzazzjoni tas-CCP (li jkollha mill-anqas tliet membri tas-CCP kif speċifikat fil-Kostituzzjoni tas-CCP) u l-kumpanija għandha tipprovdi l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-attivitajiet tal-organizzazzjoni tal-partit. Fil-passat, dan ir-rekwiżit jidher li mhux dejjem ġie segwit jew infurzat strettament. Madankollu, mill-inqas sa mill-2016 is-CCP saħħaħ il-pretensjonijiet tiegħu biex jikkontrolla d-deċiżjonijiet kummerċjali fl-SOEs bħala kwistjoni ta’ prinċipju politiku. Huwa rrapportat ukoll li s-CCP jeżerċita pressjoni fuq il-kumpaniji privati biex ipoġġu l-patrijottiżmu l-ewwel u qabel kollox u biex isegwu d-dixxiplina tal-partit. Fl-2017, ġie rrapportat li minn madwar 1,86 miljun kumpanija privata f’70 % minnhom kienu jeżistu ċelloli tal-partit, bi pressjoni dejjem akbar biex l-organizzazzjonijiet tas-CCP ikollhom l-aħħar kelma fir-rigward tad-deċiżjonijiet kummerċjali fil-kumpaniji rispettivi tagħhom. Dawn ir-regoli għandhom applikazzjoni ġenerali fl-ekonomija Ċiniża kollha, fost is-setturi kollha, inkluż għall-produtturi tal-SRW u għall-fornituri tal-inputs tagħhom.
(83) Speċifikament fis-settur tal-azzar, kif diġà ġie indikat, ħafna mill-produtturi ewlenin tal-azzar (inklużi l-produtturi tal-HRS) huma proprjetà tal-Istat. Uħud jissemmew b’mod speċifiku fil-Pjan għall-Aġġustament u t-Titjib tal-Industrija tal-Azzar għall-perjodu 2016-2020 bħala eżempji tal-kisbiet tat-12-il perjodu ta’ ppjanar ta’ ħames snin (bħal Baosteel, Anshan Iron and Steel, Wuhan Iron and Steel, eċċ.). Id-dokumenti pubbliċi tal-produtturi tal-HRS proprjetà tal-Istat xi drabi jenfasizzaw ir-rabta mal-GOC. Pereżempju, fir-Rapport Semi-Annwali tal-2016 Baoshan Iron & Steel (jew Baosteel) iddikjarat li il-kumpanija impenjat ruħha li temula t-13-il Pjan ta’ ppjanar reġjonali ta’ Ħames Snin u laħqet kunsens wiesa’ mal-gvernijiet lokali dwar il-kondiviżjoni tar-riżorsi, il-konnessjoni tal-industriji urbani u l-bini ta’ ambjent ekoloġiku. Fl-investigazzjoni antisussidji reċenti ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ liga oħra tal-azzar (HRS) li joriġinaw miċ-Ċina, il-Kummissjoni stabbiliet li tlieta mill-erba’ gruppi ta’ produtturi esportaturi fil-kampjun kienu SOEs. Fit-tliet gruppi kollha, il-Presidenti tal-Bord jew il-President kien jaġixxi wkoll bħala s-Segretarju tal-Kumitat tal-Partit tal-organizzazzjoni tas-CCP tal-grupp.
(84) L-intervent mill-GOC huwa wkoll preżenti fl-industrija awtomobilistika. Pereżempju, ir-Rapport Annwali tal-2018 ta’ SAIC Motor, SOE awtomobilistika, iddikjara li grazzi għall-promozzjoni vigoruża ta’ gvernijiet statali u għall-isforzi bla heda tal-intrapriżi awtomobilistiċi, iċ-Ċina daħlet fl-akbar suq awtomobilistiku globali tal-enerġija ġdida b’teknoloġiji ġodda ta’ suċċess u minn ta’ quddiem nett fid-dinja u mudelli ġodda bħal Vetturi Intelliġenti u Konnessi (Intelligent & Connected Vehicles, ICV) u l-mobilità kondiviża, u qiegħda fuq quddiem nett sabiex tikteb l-istorja tal-era l-ġdida tal-industrija awtomobilistika globali.
(85) Il-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji (ara wkoll it-taqsima 3.2.1.8 hawn taħt) kif ukoll fil-provvista ta’ materja prima u ta’ inputs għandhom effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq tal-SRW. Għalhekk, il-preżenza tal-Istat fid-ditti, inkluż fl-SOEs, fis-setturi tal-azzar, tal-karozzi u oħrajn (bħas-settur finanzjarju u dak tal-inputs) tippermetti lill-GOC jinterferixxi f’dak li għandu x’jaqsam mal-prezzijiet u mal-kostijiet.
Distorsjonijiet sinifikanti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: politiki jew miżuri pubbliċi li jiddiskriminaw favur fornituri domestiċi jew li b’mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles.
(86) Id-direzzjoni tal-ekonomija Ċiniża hija determinata b’mod sinifikanti minn sistema elaborata ta’ ppjanar li tistabbilixxi l-prijoritajiet u tippreskrivi l-għanijiet li fuqhom għandhom jiffukaw il-gvernijiet ċentrali u lokali. Jeżistu pjanijiet rilevanti fil-livelli kollha tal-gvern u dawn ikopru prattikament is-setturi ekonomiċi kollha. L-objettivi stabbiliti mill-istrumenti ta’ ppjanar huma ta’ natura vinkolanti u l-awtoritajiet f’kull livell amministrattiv jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjanijiet mil-livell aktar baxx korrispondenti ta’ gvern. B’mod ġenerali, is-sistema ta’ ppjanar fil-PRC twassal biex ir-riżorsi jiġu diretti lejn setturi deżinjati bħala strateġiċi jew inkella politikament importanti mill-gvern, minflok ma jiġu allokati skont il-forzi tas-suq.
(87) Il-GOC iqis l-industrija tal-azzar, inkluż il-produzzjoni tal-SRW, bħala industrija ewlenija. Dan huwa kkonfermat fil-bosta pjanijiet, direttivi u dokumenti oħrajn iffokati fuq l-azzar, li jinħarġu fil-livell nazzjonali, reġjonali u muniċipali, bħall- Pjan ta’ Aġġustament u Ammeljorament tal-Industrija tal-Azzar għas-snin 2016-2020. Dan il-Pjan jiddikjara li l-industrija tal-azzar hija settur importanti u fundamentali tal-ekonomija Ċiniża u pedament nazzjonali. Il-kompiti u l-objettivi ewlenin stabbiliti f’dan il-Pjan ikopru l-aspetti kollha tal-iżvilupp tal-industrija.
(88) It-13-il Pjan ta’ Ħames Snin dwar l-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali jipprevedi appoġġ għall-intrapriżi li jipproduċu tipi ta’ prodotti tal-azzar ta’ livell għoli. Jiffoka wkoll fuq il-kisba ta’ kwalità, ta’ durabbiltà u ta’ affidabbiltà tal-prodotti permezz tas-sostenn lill-kumpaniji li jużaw teknoloġiji relatati mal-produzzjoni tal-azzar nadif, l-irrumblar bi preċiżjoni u t-titjib fil-kwalità.
(89) Il-Katalogu għall-Gwida tar-Ristrutturar tal-Industrija (Verżjoni tal-2011) (Emenda tal-2013) (il-Katalogu) jelenka l-ħadid u l-azzar bħala industriji mħeġġa. L-applikabbiltà tal-Katalogu ġiet ikkonfermata mill-investigazzjoni antisussidji reċenti ta’ ċerti prodotti ċatti b’laminazzjoni termali tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ azzar ieħor li joriġinaw mill-PRC.
(90) Il-GOC jiggwida wkoll l-iżvilupp tas-settur skont firxa wiesgħa ta’ għodod politiċi u ta’ direttivi relatati ma’, fost l-oħrajn: il-kompożizzjoni u r-ristrutturar tas-suq, il-materja prima, l-investiment, l-eliminazzjoni tal-kapaċità, il-firxa tal-prodotti, ir-rilokazzjoni, it-titjib, eċċ. Permezz ta’ dawn il-mezzi u ta’ oħrajn, il-GOC jidderieġi u jikkontrolla kważi kull aspett fl-iżvilupp u fil-funzjonament tas-settur (inkluż l-SRW). Il-problema attwali tal-kapaċità żejda hija l-aktar eżempju ċar tal-implikazzjonijiet tal-politiki tal-GOC u tad-distorsjonijiet riżultanti.
(91) Fir-rigward tal-industrija awtomobilistika, il-Politika dwar l-Iżvilupp tal-Industrija Awtomobilistika pprovdiet għal restrizzjoni fuq il-parteċipazzjoni azzjonarja barranija f’impriżi konġunti tal-manifattura tal-vetturi awtomobilistiċi, li kienet għadha fis-seħħ fil-perjodu tal-investigazzjoni. Għalhekk, anki l-klijenti tal-produtturi tal-SRR kienu suġġetti għal miżuri li jiddiskriminaw favur produtturi domestiċi.
(92) Fil-qosor, il-GOC għandu miżuri fis-seħħ biex iħeġġeġ lill-operaturi jikkonformaw mal-objettivi tal-ordni pubbliku li jappoġġaw lill-industriji mħeġġa, inkluża l-produzzjoni tal-HRS bħala l-materja prima ewlenija li tintuża fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat kif ukoll l-SRW, bħala parti mis-settur tal-azzar inkoraġġit. Tali miżuri jimpedixxu lill-forzi tas-suq milli joperaw b’mod normali.
Distorsjonijiet sinifikanti skont ir-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat tal-liġijiet fil-qasam tal-fallimenti, dak soċjetarju jew dak tal-proprjetà
(93) Skont l-informazzjoni fil-fajl, is-sistema Ċiniża dwar il-falliment ma timplimentax b’mod adegwat l-objettivi ewlenin tagħha stess bħal pereżempju li tissalda l-pretensjonijiet u d-djun b’mod ġust u li tissalvagwardja d-drittijiet u l-interessi legali tal-kredituri u tad-debituri. Dan jidher li huwa msejjes fil-fatt li filwaqt li l-liġi Ċiniża dwar il-falliment tistrieħ formalment fuq prinċipji simili għal dawk li jiġu applikati f’liġijiet korrispondenti f’pajjiżi oħra minbarra l-PRC, is-sistema Ċiniża hija karatterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku. L-għadd ta’ fallimenti jibqa’ notorjament baxx meta mqabbel mad-daqs tal-ekonomija tal-pajjiż, mhux l-inqas minħabba li l-proċedimenti ta’ insolvenza jbatu minn għadd ta’ nuqqasijiet, li effettivament jiffunzjonaw bħala diżinċentiv għal preżentazzjonijiet ta’ fallimenti. Barra minn hekk, ir-rwol tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza għadu wieħed b’saħħtu u attiv, ħafna drabi b’influwenza diretta fuq l-eżitu tal-proċedimenti.
(94) Barra minn hekk, in-nuqqasijiet tas-sistema tad-drittijiet ta’ proprjetà huma partikolarment evidenti fir-rigward tas-sjieda tal-art u d-drittijiet għall-użu tal-art fil-PRC. L-art kollha hija proprjetà tal-Istat Ċiniż (art rurali bi proprjetà kollettiva u art urbana tal-Istat). L-allokazzjoni tagħha tiddependi esklussivament fuq l-Istat. Hemm dispożizzjonijiet legali li għandhom l-għan li jallokaw id-drittijiet għall-użu tal-art b’mod trasparenti u skont il-prezzijiet tas-suq, pereżempju bl-introduzzjoni ta’ proċeduri ta’ offerti. Madankollu, ħafna drabi dawn id-dispożizzjonijiet ma jiġux rispettati, b’ċerti akkwirenti jiksbu l-art tagħhom mingħajr ħlas jew b’rati aktar baxxi mir-rati tas-suq. Barra minn hekk, meta jallokaw l-art l-awtoritajiet sikwit isegwu għanijiet politiċi speċifiċi, inkluż l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ekonomiċi.
(95) L-istess bħas-setturi l-oħra fl-ekonomija Ċiniża, il-produtturi tal-SRW huma soġġetti għar-regoli ordinarji dwar il-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment, dwar il-liġi tal-kumpaniji u dwar il-proprjetà. L-effett ta’ dan huwa li anke dawn il-kumpaniji huma soġġetti għad-distorsjonijiet minn fuq għal isfel li jirriżultaw mill-applikazzjoni diskriminatorja jew mill-infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà. L-investigazzjoni attwali ma żvelat xejn li jqajjem dubji dwar dawn is-sejbiet. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-fallimenti u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost, u b’hekk iwasslu għal distorsjonijiet meta jiġu miżmuma ħajjin ditti insolventi u meta jiġu allokati d-drittijiet għall-użu tal-art fil-PRC. Dawn il-kunsiderazzjonijiet, abbażi tal-evidenza disponibbli, jidhru li huma applikabbli b’mod sħiħ ukoll fis-settur tal-azzar u b’mod aktar speċifiku fir-rigward tal-HRS (bħala l-input ewlieni użat fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat) kif ukoll fir-rigward tal-SRW bħala parti mis-settur tal-azzar. B’mod partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet li l-produtturi tal-HRS ibbenefikaw mill-forniment ta’ drittijiet għall-użu tal-art għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata.
(96) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm applikazzjoni diskriminatorja jew infurzar inadegwat tal-liġijiet dwar il-falliment u l-proprjetà fis-settur tal-azzar, inkluż fir-rigward tal-prodott ikkonċernat.
Distorsjonijiet sinifikanti skont il-ħames inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: il-kostijiet tal-pagi soġġetti għal distorsjoni
(97) Mhuwiex possibbli li fil-PRC tiżviluppa bis-sħiħ sistema ta’ pagi bbażata fuq is-suq peress li d-drittijiet ta’ organizzazzjoni kollettiva tal-ħaddiema u tal-impjegaturi huma mxekkla. Il-PRC ma rratifikatx għadd ta’ konvenzjonijiet essenzjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organization, ILO), b’mod partikolari dawk dwar il-libertà ta’ assoċjazzjoni u dwar in-negozjar kollettiv. Skont il-liġi nazzjonali, hemm organizzazzjoni trejdjunjonistika waħda biss li hija attiva. Madankollu, din l-organizzazzjoni mhijiex indipendenti mill-awtoritajiet tal-Istat u l-involviment tagħha fin-negozjar kollettiv u fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema għadu rudimentali. Barra minn dan, il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol Ċiniża hija ristretta mis-sistema tar-reġistrazzjoni tal-unitajiet domestiċi, li tillimita l-aċċess għall-firxa sħiħa tal-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u oħrajn għar-residenti lokali ta’ żona amministrattiva partikolari. Dan tipikament iwassal biex il-ħaddiema li ma jkollhomx ir-reġistrazzjoni tar-residenza lokali jsibu ruħhom f’pożizzjoni ta’ impjieg vulnerabbli u jirċievu introjtu aktar baxx mid-detenturi tar-reġistrazzjoni tar-residenza. Dawk is-sejbiet iwasslu għad-distorsjoni tal-kostijiet lavorattivi fil-PRC.
(98) Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li s-settur tal-azzar, inklużi l-produtturi tal-SRW u tal-HRS, mhuwiex soġġett għas-sistema Ċiniża dwar il-liġi tax-xogħol deskritta. Għalhekk il-partijiet tal-SRW u tal-HRS tas-settur tal-azzar huma affettwati mid-distorsjonijiet tal-kostijiet lavorattivi kemm direttament (fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat jew tal-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tiegħu) kif ukoll indirettament (f’termini ta’ aċċess għall-kapital jew għal inputs minn kumpaniji soġġetti għall-istess sistema tax-xogħol fil-PRC).
Distorsjonijiet sinifikanti skont is-sitt inċiż tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku: l-aċċess għall-finanzi mogħtija minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux indipendentement mill-Istat
(99) L-aċċess għall-kapital għal atturi korporattivi fil-PRC huwa soġġett għal diversi distorsjonijiet.
(100) L-ewwel nett, is-sistema finanzjarja Ċiniża hija karatterizzata mill-pożizzjoni b’saħħitha tal-banek tal-Istat, li, meta jagħtu aċċess għal finanzjament, iqisu kriterji oħra għajr il-vijabbiltà ekonomika ta’ proġett. B’mod simili għall-SOEs mhux finanzjarji, il-banek għadhom marbuta mal-Istat mhux biss permezz tas-sjieda iżda wkoll permezz ta’ relazzjonijiet personali (l-ogħla karigi eżekuttivi tal-istituzzjonijiet finanzjarji kbar tal-Istat fl-aħħar mill-aħħar jinħatru mis-CCP) u, għal darb’oħra eżatt bħal fil-każ tal-SOEs mhux finanzjarji, il-banek jimplimentaw regolarment politiki pubbliċi mfassla mill-gvern. Meta jagħmlu dan, il-banek jikkonformaw ma’ obbligu legali espliċitu li jmexxu n-negozju tagħhom f’konformità mal-ħtiġijiet tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali nazzjonali u taħt il-gwida tal-politiki industrijali tal-Istat. Dan huwa aggravat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi f’setturi deżinjati mill-gvern bħala mħeġġa jew inkella importanti.
(101) Filwaqt li huwa rikonoxxut li diversi dispożizzjonijiet legali jirreferu għall-ħtieġa li tiġi rispettata l-imġiba bankarja normali u r-regoli prudenzjali bħall-ħtieġa li tiġi eżaminata l-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju, l-evidenza massiva, inklużi s-sejbiet li saru fl-investigazzjonijiet tad-difiża tal-kummerċ, tissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom biss rwol sekondarju fl-applikazzjoni tad-diversi strumenti legali.
(102) Barra minn hekk, il-klassifikazzjonijiet tal-bonds u tal-kreditu ta’ spiss huma distorti għal diversi raġunijiet, inkluż il-fatt li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi influwenzata mill-importanza strateġika tad-ditta għall-GOC u mis-saħħa ta’ kull garanzija impliċita mill-gvern. L-istimi jissuġġerixxu b’mod qawwi li l-klassifikazzjonijiet tal-kreditu Ċiniżi jikkorrispondu sistematikament għal klassifikazzjonijiet internazzjonali aktar baxxi.
(103) Dan huwa aggravat minn regoli eżistenti addizzjonali, li jidderieġu l-finanzi f’setturi deżinjati mill-gvern bħala mħeġġa jew inkella importanti. Dan jirriżulta f’tendenza li jingħata self lill-SOEs, lil ditti privati kbar u b’konnessjonijiet tajbin u lil ditti f’setturi industrijali ewlenin, li jimplika li d-disponibbiltà u l-kost tal-kapital mhumiex ugwali għall-atturi kollha fis-suq.
(104) It-tieni nett, il-kostijiet tas-self inżammu artifiċjalment baxxi biex jistimolaw it-tkabbir tal-investiment. Dan wassal għall-użu eċċessiv tal-investiment kapitali b’redditi dejjem aktar baxxi fuq l-investiment. Dan intwera mit-tkabbir riċenti fl-ingranaġġ korporattiv fis-settur tal-istat minkejja tnaqqis kbir fil-profittabbiltà, li jissuġġerixxi li l-mekkaniżmi li joperaw fis-sistema bankarja ma jsegwux ir-reazzjonijiet kummerċjali normali.
(105) It-tielet nett, minkejja li f’Ottubru 2015 inkisbet liberalizzazzjoni tar-rata tal-imgħax nominali, is-sinjali tal-prezzijiet għadhom mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles, iżda huma influwenzati minn distorsjonijiet ikkawżati mill-gvern. Tabilħaqq, is-sehem ta’ self bir-rata ta’ referenza jew taħtha għadu jirrappreżenta 45 % tas-self kollu u r-rikors għal kreditu mmirat jidher li żdied, peress li dan is-sehem żdied notevolment mill-2015 minkejja d-deterjorament fil-kundizzjonijiet ekonomiċi. Rati tal-imgħax artifiċjalment baxxi jwasslu għal prezzijiet baxxi, u bħala konsegwenza ta’ dan, għall-użu eċċessiv tal-kapital.
(106) It-tkabbir kumplessiv tal-kreditu fil-PRC jindika deterjorament tal-effiċjenza tal-allokazzjoni tal-kapital mingħajr ebda sinjal ta’ restrizzjoni kreditizja li tkun mistennija f’ambjent tas-suq mingħajr distorsjoni. Bħala riżultat, is-self improduttiv żdied b’mod rapidu f’dawn l-aħħar snin. Quddiem sitwazzjoni ta’ żieda tad-dejn f’riskju, il-GOC għażel li jevita l-inadempjenzi. Konsegwentement, il-kwistjonijiet ta’ dejn mitluf ġew ittrattati permezz ta’ rifinanzjament tad-dejn, biex b’hekk inħolqu l-hekk imsejħa kumpaniji zombie, jew permezz tat-trasferiment tas-sjieda tad-dejn (pereżempju permezz ta’ fużjonijiet jew skambju ta’ dejn ma’ ekwità), mingħajr neċessarjament ma titneħħa l-problema kumplessiva tad-dejn jew ma jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tagħha.
(107) Essenzjalment, minkejja l-passi reċenti li ttieħdu biex is-suq jiġi lliberalizzat, is-sistema tal-kreditu korporattiv fil-PRC hija affettwata minn distorsjonijiet sinifikanti bħala riżultat tar-rwol pervażiv kontinwu tal-istat fis-swieq kapitali.
(108) Ma ġiet ippreżentata l-ebda evidenza li turi li s-settur tal-azzar, inkluż il-produzzjoni tal-SRW u tal-HRS, se jkun eżentat mill-intervent tal-gvern deskritt hawn fuq fis-sistema finanzjarja. Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll li l-HRS bħala l-materja prima bbenefika minn self preferenzjali li jikkostitwixxi sussidji. Għalhekk, l-intervent sostanzjali tal-gvern fis-sistema finanzjarja jinfluwenza notevolment il-kundizzjonijiet tas-suq fil-livelli kollha.
In-natura sistemika tad-distorsjonijiet deskritti
(109) Il-Kummissjoni nnotat li d-distorsjonijiet deskritti fir-Rapport kienu karatteristiċi għall-ekonomija Ċiniża. L-evidenza disponibbli turi li l-fatti u l-karatteristiċi tas-sistema Ċiniża kif deskritt hawn fuq fit-Taqsimiet 3.2.1.1-3.2.1.5 kif ukoll fil-Parti A tar-Rapport japplikaw fil-pajjiż kollu u fis-setturi kollha tal-ekonomija. L-istess japplika għad-deskrizzjoni tal-fatturi tal-produzzjoni kif stabbilit hawn fuq fit-Taqsimiet 3.2.1.6-3.2.1.8 u fil-Parti B tar-Rapport.
(110) Il-Kummissjoni tfakkar li sabiex jiġu prodotti l-SRW, hemm bżonn firxa wiesgħa ta’ inputs. Skont l-evidenza fil-fajl, il-produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun kisbu l-inputs tagħhom kollha fil-PRC. Meta l-produtturi tal-SRW jixtru/jikkuntrattaw dawn l-inputs, il-prezzijiet li jħallsu (u li huma rreġistrati bħala l-kostijiet tagħhom) huma kjarament esposti għall-istess distorsjonijiet sistemiċi msemmija qabel. Pereżempju, il-fornituri tal-inputs jimpjegaw manodopera li hija soġġetta għad-distorsjonijiet. Jistgħu jissellfu flus li huma soġġetti għad-distorsjonijiet fis-settur finanzjarju/fl-allokazzjoni tal-kapital. Barra minn hekk, huma soġġetti għas-sistema ta’ ppjanar li tapplika fil-livelli kollha tal-gvern u fis-setturi kollha.
(111) Bħala konsegwenza, mhux biss il-prezzijiet tal-bejgħ domestiku tal-SRW mhumiex xierqa għall-użu skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, iżda l-kostijiet kollha tal-input (inklużi l-materja prima, l-enerġija, l-art, il-finanzjament, ix-xogħol, eċċ.) huma wkoll ivvizzjati minħabba li l-formazzjoni tal-prezzijiet tagħhom hija affettwata minn intervent sostanzjali tal-gvern, kif deskritt fil-Partijiet A u B tar-Rapport. Tabilħaqq, l-interventi tal-gvern deskritti fir-rigward tal-allokazzjoni tal-kapital, l-art, il-manodopera, l-enerġija u l-materja prima huma preżenti fil-PRC kollha. Dan ifisser, pereżempju, li input li ġie prodott fil-PRC permezz tal-kombinazzjoni ta’ firxa ta’ fatturi tal-produzzjoni huwa espost għal distorsjonijiet sinifikanti. L-istess japplika għall-input tal-input u l-bqija. Fl-investigazzjoni attwali la l-GOC u lanqas il-produtturi esportaturi ma ppreżentaw ebda evidenza jew argument li juri l-kuntrarju.
Konklużjoni
(112) L-analiżi stabbilita fit-taqsimiet 3.2.1.2. sa 3.2.1.9., li tinkludi eżami tal-evidenza kollha disponibbli relatata mal-intervent tal-PRC fl-ekonomija tagħha b’mod ġenerali kif ukoll fis-settur tal-azzar u dak awtomobilistiku wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott ikkkonċernat, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u tax-xogħol, mhumiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles għax huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku kif muri mill-impatt attwali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Abbażi ta’ dan, u fin-nuqqas ta’ ebda kooperazzjoni mill-GOC, il-Kummissjoni kkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali f’dan il-każ.
(113) Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex tibni l-valur normali esklussivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kif diskuss fit-taqsima li ġejja.
Pajjiż rappreżentattiv Rimarki ġenerali
(114) L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:
Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għall-PRC. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross simili għall-PRC abbażi tal-bażi tad-data tal-Bank Dinji;
Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż;
Id-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti f’dak il-pajjiż;
Meta kien hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, ingħatat preferenza, fejn kien xieraq, lill-pajjiż b’livell xieraq ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
(115) Kif spjegat fil-premessi (29) sa (31) il-Kummissjoni ppubblikat żewġ noti għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali.
Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għall-PRC.
(116) Fin-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni identifikat id-disa’ pajjiżi li ġejjin: L-Arġentina, il-Brażil, il-Kolombja, il-Malasja, il-Messiku, ir-Russja, l-Afrika t’Isfel, it-Tajlandja u t-Turkija, li huma meqjusa mill-Bank Dinji bħala pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħall-PRC, jiġifieri kollha huma kklassifikati bħala pajjiżi b’introjtu medju superjuri abbażi tal-introjtu nazzjonali gross (minn hawn’ il quddiem ING).
(117) Fis-sottomissjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2019, l-ilmentatur iddikjara li l-Messiku jenħtieġ li ma jintgħażilx bħala pajjiż rappreżentattiv peress li l-produtturi Messikani jfornu esklussivament lir-reġjun tan-NAFTA. Madankollu, l-ilmentatur ma pprovda l-ebda evidenza li turi għaliex id-destinazzjoni tal-prodotti kellha tkun rilevanti għall-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv u x’effett dan ikollu fuq ir-rappreżentattività tal-fatturi rilevanti tal-produzzjoni. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni ma ntlaqgħetx.
(118) Fin-Nota tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni nnotat li matul il-perjodu tal-investigazzjoni l-Arġentina kienet ikklassifikata bħala pajjiż b’introjtu għoli. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li mill-pajjiżi oriġinarjament identifikati bħala b’introjtu medju superjuri tmienja biss jistgħu jiġu kkunsidrati għall-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv.
(119) Wara n-Nota tas-16 ta’ April 2019 ma waslux aktar kummenti dwar il-livell ta’ żvilupp ekonomiku.
Produzzjoni tal-prodott investigat fil-pajjiż rappreżentattiv u disponibbiltà tad-data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv
(120) Fin-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni indikat li l-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat kienet magħrufa li sseħħ fl-Arġentina, fil-Brażil, fil-Kolombja, fil-Malasja, fil-Messiku, fir-Russja, fl-Afrika t’Isfel, fit-Tajlandja u fit-Turkija.
(121) Il-Kummissjoni sabet ukoll li ma kienx hemm data finanzjarja pubblikament disponibbli dwar il-produttur tal-SRW fl-Arġentina. L-ilmentatur, fis-sottomissjoni tiegħu tal-11 ta’ Marzu 2019, ikkonferma li l-produttur fl-Arġentina ma kienx għadu jopera. Għal dik ir-raġuni kif ukoll għar-raġuni spjegata fil-premessa (118), il-Kummissjoni ma qisitx lill-Arġentina bħala pajjiż rappreżentattiv possibbli.
(122) Il-Kummissjoni nnotat ukoll li meta ġiet ippubblikata n-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019 l-ebda produttur fil-pajjiżi kkunsidrati ma kellu d-data finanzjarja rilevanti disponibbli għall-perjodu tal-investigazzjoni.
(123) Fis-sottomissjoni tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2019, produttur esportatur iddikjara li l-Indja jenħtieġ li tintgħażel bħala pajjiż rappreżentattiv. Skont din il-kumpanija, kien hemm mill-inqas żewġ produtturi tat-tip ta’ prodott partikolari manifatturat minn dan il-produttur esportatur. Il-kumpanija sostniet ukoll li l-introjtu nazzjonali gross (ING), li jintuża mill-Bank Dinji biex jikklassifika l-pajjiżi, mhuwiex indikatur xieraq biex jiġi vvalutat il-livell ta’ żvilupp ekonomiku ta’ pajjiż peress li l-ING ras għal ras ma jippreżentax stampa ġenerali adegwata tal-livell ta’ żvilupp ta’ pajjiż u lanqas ma jkejjel il-benessri. Il-kumpanija sostniet li minflok jenħtieġ li jintuża l-PDG.
(124) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li r-Regolament bażiku stabbilixxa li l-pajjiż rappreżentattiv jenħtieġ li jkollu livell simili ta’ żvilupp bħall-pajjiż esportatur. Madankollu, ma kien fih l-ebda rekwiżit ieħor għall-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Il-Kummissjoni ddeċidiet li s-sors xieraq għal din l-informazzjoni kien il-bażi tad-data tal-Bank Dinji. Din il-bażi tad-data ppermettiet lill-Kummissjoni jkollha għadd suffiċjenti ta’ pajjiżi rappreżentattivi potenzjalment xierqa b’livell simili ta’ żvilupp biex tagħżel l-aktar sors xieraq ta’ kostijiet u ta’ prezzijiet mingħajr distorsjoni. Barra minn hekk, din hija klassifikazzjoni bbażata fuq kriterju oġġettiv u tintuża b’mod konsistenti f’kull każ fejn id-determinazzjoni tal-valur normali hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, li jiżgura uniformità u trattament ugwali fi proċedimenti differenti. L-ING jintuża mill-Bank Dinji fil-klassifikazzjoni tiegħu tal-ekonomiji f’raggruppamenti tal-introjtu minħabba li jsegwi l-metodoloġija tal-politika tas-self operazzjonali tal-Bank Dinji. Peress li jirrikonoxxi l-introjtu kollu li jidħol f’ekonomija nazzjonali, irrispettivament mill-oriġini tiegħu, huwa jirrifletti b’mod adegwat l-attività ekonomika totali f’pajjiż.
(125) Fl-istess ħin, il-Kummissjoni nnotat li fil-klassifikazzjoni tal-Bank Dinji l-Indja kienet inkluża fil-lista ta’ pajjiżi b’introjtu baxx u medju, u għalhekk ma kinitx f’livell simili ta’ żvilupp bħaċ-Ċina. B’riżultat ta’ dan, l-Indja ma setgħetx titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq għaċ-Ċina. Għalhekk il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.
(126) Fil-kummenti tagħhom dwar in-Nota tat-6 ta’ Marzu 2019, l-EUWA u produttur esportatur għamlu diversi stqarrijiet rigward l-eżistenza ta’ produzzjoni tal-prodott investigat fi wħud mill-pajjiżi kkunsidrati, id-disponibbiltà ta’ data finanzjarja li tista’ tkun rilevanti biżżejjed għall-pajjiżi meqjusa fil-każ ta’ kontijiet annwali konsolidati ta’ gruppi internazzjonali, u d-disponibbiltà ta’ data finanzjarja għall-perjodu tal-investigazzjoni.
(127) Il-Kummissjoni eżaminat dawk id-dikjarazzjonijiet u fin-Nota tas-16 ta’ April ikkonkludiet li l-Kolombja, il-Malasja, il-Messiku, ir-Russja u t-Tajlandja ma setgħux jiġu kkunsidrati aktar għall-għażla ta’ pajjiż rappreżentattiv minħabba li ma kienet disponibbli l-ebda data finanzjarja dwar il-produtturi fil-Kolombja, fil-Malasja, fir-Russja u fit-Tajlandja għall-perjodu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, id-data finanzjarja kkonsolidata disponibbli għall-produttur fil-Messiku kienet tikkonċerna grupp ta’ kumpaniji bbażati u attivi f’diversi pajjiżi filwaqt li ma kienx possibbli li tiġi identifikata l-kontribuzzjoni tal-produzzjoni u tal-bejgħ fil-Messiku għar-riżultati finanzjarji. Il-Kummissjoni sabet ukoll b’mod preliminari li wieħed mill-produtturi Brażiljani kien jipproduċi biss roti tal-aluminju u għalhekk ma setax jitqies għall-kalkolu tal-SG&A (selling, general and administrative costs - kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi) u tal-profitt.
(128) Fin-nota tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni nnutat li d-data finanzjarja għall-perjodu tal-investigazzjoni kienet faċilment disponibbli għal grupp internazzjonali li jopera fil-Brażil u t-Turkija (u pajjiżi oħra). Ir-rapport annwali rispettiv kien fih informazzjoni dwar ir-riżultati konsolidati tal-grupp iżda anke informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati individwali tal-kumpanija omm ibbażata fil-Brażil, li kienet ukoll produttur ta’ roti tal-azzar, u informazzjoni inqas dettaljata dwar ir-riżultati taż-żewġ sussidjarji tagħha li joperaw fit-Turkija. L-informazzjoni dwar is-sussidjarji fit-Turkija kienet limitata għad-dħul nett mill-bejgħ, għall-kostijiet tal-bejgħ, għall-ispejjeż operatorji, għat-taxxa fuq l-introjtu, u għall-profitt. Għalhekk, ma kinitx tippermetti l-valutazzjoni tar-rilevanza tal-kostijiet inklużi fil-kategorija spejjeż operatorji.
(129) Fin-Nota tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni sabet ukoll li jista’ jkun raġonevolment mistenni li l-produttur fl-Afrika t’Isfel jippubblika r-rapport annwali tiegħu għall-perjodu tal-investigazzjoni fil-ħin biex jintuża fil-kalkolu. Għalkemm il-produttur fl-Afrika t’Isfel kien jappartjeni għal grupp internazzjonali, il-Kummissjoni setgħet potenzjalment taċċetta d-data finanzjarja kkonsolidata bħala rilevanti għall-produttur fl-Afrika t’Isfel billi s-sehem tad-dħul iġġenerat fl-Afrika t’Isfel fuq il-fatturat totali tal-grupp ma kienx negliġibbli.
(130) Minkejja dan ta’ hawn fuq, id-data disponibbli għall-produttur Brażiljan imsemmija fil-premessa (128) tqieset bħala l-aktar data kompluta għall-finijiet li jiġi ddeterminat l-SG&A u l-profitt.
(131) Fil-kummenti tiegħu dwar in-Nota tas-16 ta’ April 2019, l-ilmentatur tenna l-preferenza tiegħu għat-Turkija bħala pajjiż rappreżentattiv; madankollu, huwa ma opponiex is-sejba tal-Kummissjoni li l-Brażil jista’ jintuża bħala pajjiż rappreżentattiv.
(132) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Brażil kien pajjiż rappreżentattiv xieraq f’termini tal-produzzjoni tal-prodott investigat u f’termini tad-disponibbiltà u l-kwalità tad-data finanzjarja għall-perjodu tal-investigazzjoni kif spjegat fil-premessa (128).
(133) Wara ż-żjarat ta’ verifika lill-produtturi esportaturi fil-PRC inklużi fil-kampjun, fejn il-Kummissjoni ddeterminat lista finali ta’ materja prima u kodiċijiet SA jew tariffarji korrispondenti, seta’ jiġi kkonfermat li l-Brażil ipprovda l-aktar sett komplut ta’ data għall-istabbiliment ta’ prezzijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni meħtieġa għall-kostruzzjoni tal-valur normali.
Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali
(134) Wara li ġie stabbilit li l-Brażil kien l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq, ma kienx hemm bżonn li ssir valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.
Konklużjoni
(135) Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, il-Brażil issodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku biex jitqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. B’mod partikolari, il-Brażil għandu produzzjoni sostanzjali tal-prodott investigat u sett komplut ta’ data disponibbli għall-fatturi tal-produzzjoni, għall-SG&A u għall-profitt matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mhux distorti
(136) Fin-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex tibni l-valur normali skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, kienet sejra tuża l-Atlas tal-Kummerċ Globali (Global Trade Atlas, GTA) biex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-maġġoranza tal-fatturi tal-produzzjoni, l-istatistika tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (International Labour Organization, ILO) u l-istatistika nazzjonali sabiex tistabbilixxi l-kostijiet lavorattivi mingħajr distorsjoni, u sorsi oħra skont il-pajjiż rappreżentattiv magħżul biex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-enerġija (bħall-elettriku, il-gass naturali, u l-ilma).
(137) Fil-kummenti tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2019, produttur esportatur sostna li l-Brażil jenħtieġ li ma jitqiesx bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet fil-Brażil fir-rigward ta’ prodotti rrumblati ċatti rrapportati fl-Inventarju tal-OECD dwar restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet ta’ Materja Prima Industrijali, li potenzjalment jistgħu jinfluwenzaw mhux biss il-prezz domestiku iżda anke l-prezz tal-importazzjoni ta’ dawk l-inputs. F’dan ir-rigward, il-produttur esportatur innota b’mod partikolari li l-azzar b’laminazzjoni termali huwa l-materja prima ewlenija li tirrappreżenta bejn 40 % u 60 % tal-kost totali tal-produzzjoni.
(138) Il-Kummissjoni eżaminat l-eżistenza tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet fil-Brażil u fin-Nota tas-16 ta’ April 2019 ikkonfermat li l-esportazzjonijiet ta’ ċerti prodotti ċatti tal-azzar kienu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont il-Liġi Nru. 9.112 tal-10 ta’ Ottubru 1995 dwar l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti sensittivi u servizzi relatati. F’dak l-istadju, il-Kummissjoni nnotat li fil-produzzjoni tagħhom il-produtturi esportaturi fil-kampjun ma użawx prodotti rrumblati ċatti li jaqgħu taħt il-kodiċijiet HS li kienu soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fil-Brażil.
(139) Wara ż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni, madankollu, sabet li prodotti rrumblati ċatti li jaqgħu taħt wieħed mill-kodiċijiet HS soġġetti għar-restrizzjoni fuq l-esportazzjoni msemmija fil-premessa (138), jiġifieri s-subintestatura HS 722870 (angoli, forom u sezzjonijiet), tabilħaqq kienu jintużaw mill-uniku produttur esportatur eżaminat fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.
(140) Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissostitwixxi l-kostijiet distorti ta’ dak il-fattur partikolari ta’ produzzjoni b’valur referenzjarju internazzjonali minflok prezz tal-importazzjoni fil-Brażil. Dan il-valur referenzjarju huwa spjegat aktar ’l isfel fil-premessa (158).
(141) Fis-sottomissjoni tiegħu tat-18 ta’ Marzu 2019, produttur esportatur sostna li l-oġġetti konsumabbli jenħtieġ li ma jiġux inklużi fost il-fatturi tal-produzzjoni għall-fini tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku peress li l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-materja prima u għall-enerġija u ma jinkludix oġġetti konsumabbli.
(142) Fin-Nota tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni sostniet li l-oġġetti konsumabbli huma inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, peress li dik id-dispożizzjoni tkopri t-totalità tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ meħtieġa għall-kalkolu tal-valur normali mingħajr ebda esklużjoni. B’kuntrast, l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku jiċċara l-kunċett ta’ distorsjonijiet sinifikanti li jwasslu għall-użu tad-dispożizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-valur normali fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, iżda jsemmi l-prezzijiet u l-kostijiet irrapportati, (li jinkludu l-materja prima u l-enerġija, iżda mhumiex limitati għal dawn) f’dan il-kuntest differenti. Il-Kummissjoni, għalhekk, qieset li l-produtturi esportaturi jridu jirrapportaw il-kostijiet kollha tal-produzzjoni u tal-bejgħ, inklużi l-oġġetti konsumabbli u irrispettivament mis-sehem tagħhom mill-kost totali tal-produzzjoni u li dawn kellhom jitqiesu għall-kalkolu tal-valur normali. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx din il-pretensjoni.
(143) Fin-Nota tas-16 ta’ April 2019, abbażi tad-deċiżjoni biex il-Brażil jintuża bħala l-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati li kienet sejra tuża l-GTA biex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-fatturi tal-produzzjoni, l-istatistika tal-ILO u sorsi oħrajn pubblikament disponibbli biex tistabbilixxi l-kostijiet lavorattivi mingħajr distorsjoni, u t-tariffi imposti minn fornituri Brażiljani magħżula tal-elettriku, tal-gass naturali u tal-ilma biex tistabbilixxi l-kostijiet mingħajr distorsjoni ta’ dawk it-tipi ta’ enerġija.
(144) Il-Kummissjoni informat ukoll lill-partijiet interessati li, sabiex tistabbilixxi l-SG&A u l-profitt mingħajr distorsjoni, kienet sejra tuża d-data finanzjarja tal-grupp IochpeMaxion, b’mod partikolari tal-kumpanija omm ibbażata fil-Brażil, li għaliha kien hemm data dettaljata disponibbli fid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Individwali u Konsolidati għas-Sena li Ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2018 u fir-Rapport tal-Awditur Indipendenti tal-grupp.
(145) Wara n-Nota tas-16 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti oħra dwar is-sorsi għall-kostijiet u għall-valuri refernzjarji mingħajr distorsjoni. Għalhekk, is-sorsi elenkati fil-premessi (143) u (144) ġew provviżorjament ikkonfermati.
Kostijiet u valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni Fatturi tal-produzzjoni
(146) Kif diġà ntqal fil-premessa (29), fin-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni fittxet li tistabbilixxi lista inizjali tal-fatturi tal-produzzjoni u tas-sorsi li kienu intenzjonati li jintużaw għall-fatturi kollha tal-produzzjoni bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-produtturi esportaturi.
(147) Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda kumment dwar il-lista ta’ fatturi tal-produzzjoni wara n-Nota tas-6 ta’ Marzu 2019 jew wara n-Nota tas-16 ta’ April 2019.
(148) Fin-Nota tas-16 ta’ April 2019, abbażi tal-informazzjoni li waslet mingħand il-partijiet interessati, il-Kummissjoni stabbiliet lista ta’ 60 kodiċi HS potenzjali li jikkorrispondu għall-fatturi tal-produzzjoni użati fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.
(149) Il-Kummissjoni mbagħad stabbiliet lista definittiva tal-fatturi tal-produzzjoni u l-kodiċijiet HS korrispondenti wara ż-żjarat ta’ verifika fil-bini tal-produtturi esportaturi fil-kampjun.
(150) Tabella 1 ———————————————————————————
Meta titqies l-informazzjoni kollha sottomessa mill-partijiet interessati u miġbura waqt iż-żjarat ta’ verifika, fejn applikabbli, ġew identifikati l-fatturi tal-produzzjoni u l-kodiċijiet HS li ġejjin: Fattur tal-Produzzjoni Kodiċi fil-klassifikazzjoni tariffarja tal-Brażil Valur mingħajr distorsjoni Materji Prima Prodotti ċatti tal-azzar b’laminazzjoni termali, mhux purifikati, wiesgħa 600 mm jew aktar u bi ħxuna Ta’ aktar minn 10 mm; 720836 4,91 CNY/kg Ta’ 4,75 mm iżda mhux aktar minn 10 mm; 72083700 4,86 CNY/kg Ta’ 3 mm iżda inqas minn 4,75 mm; 720838 4,89 CNY/kg Ta’ inqas minn 3 mm 720839 4,57 CNY/kg Sezzjoni tal-azzar Angoli, forom u sezzjonijiet [M/A] 5,06 CNY/kg Żebgħa Abbażi ta’ poliesteri; 320810 42,87 CNY/kg Abbażi ta’ polimeri akriliċi jew tal-vinil; 320820 42,12 CNY/kg Oħrajn; 320890 54,65 CNY/kg Rażi tal-epossidu 390730 28,70 CNY/kg Wajer għall-iwweldjar Wajer tal-azzar bil-karbonju; 721730 12,51 CNY/kg Wajer tal-azzar siliko-manganiż; 72292000 9,73 CNY/kg Wajer tal-azzar illigat, oħrajn 72299000 21,74 CNY/kg Valv 84813000 10,30 CNY/biċċa Gassijiet Propan, likwifikat; 271112 3,73 CNY/kg Argon; 280421 M/A (ara l-premessi (153) u (154)) Nitroġenu; 28043000 10,86 CNY/m3 Ossiġenu; 28044000 6,69 CNY/m3 Diossidu tal-karbonju 28112100 24,76 CNY/kg Sustanzi kimiċi oħrajn Aċidu idrokloriku; 280610 1,68 CNY/kg Soda kawstika; 28151200 2,41 CNY/kg Karbonat tad-disodju; 283620 1,45 CNY/kg Aċidu lattiku; 29181100 21,22 CNY/kg Karbonat tal-idroġenu tas-sodju; 34021900 15,03 CNY/kg Preparazzjonijiet għal-lubrikazzjoni; 34031900 44,54 CNY/kg Preparazzjonijiet għall-purifikazzjoni; 381010 66,46 CNY/kg Thinner; 381400 40,26 CNY/kg Nitrat tas-sodju; 381590 74,48 CNY/kg Poliakrilamida 390690 17,74 CNY/kg sManodopera Kostijiet lavorattivi fis-settur tal-manifattura [M/A] 34,53 CNY/siegħa Enerġija Elettriku [M/A] 0,69 – 1,01 CNY/kWh Gass naturali [M/A] 3,42 – 4,03 CNY/m3 Ilma [M/A] 181,92 CNY/xahar jew 35,41–70,67 CNY/tunnellata Gerbub tal-injam 44013100 0,65 CNY/kg Prodott sekondarju/skart Ruttam tal-azzar fit-torn, qtugħ, laqx, skart tal-maċinazzjoni, serratura, frak tal-illimar, biċċiet ta’ fdalijiet maqtugħa u frak, kemm jekk f’qatet jew le 72044100 1,70 CNY/kg
Materja prima u ruttam
(151) Matul iż-żjarat ta’ verifika, il-Kummissjoni vverifikat il-materja prima użata u r-ruttam tal-azzar iġġenerat fil-manifattura tal-prodott ikkonċernat.
(152) Għall-materja prima kollha bl-eċċezzjoni tal-azzar tas-sezzjoni, fin-nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-suq tal-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni qagħdet fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni. Prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala l-medja ponderata tal-prezzijiet ta’ unità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha minbarra l-PRC. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mill-PRC lejn il-pajjiż rappreżentattiv peress li fil-premessa (112) ikkonkludiet li mhuwiex xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fil-PRC minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma jaffettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Fil-fatt, jidher li l-prezz tal-importazzjoni ta’ ħafna mill-materja prima esportata mill-PRC lejn il-Brażil huwa aktar baxx minn importazzjonijiet oħra. Wara l-esklużjoni tal-PRC, l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra baqgħu rappreżentattivi u kienu jvarjaw bejn 40 % u 100 % tal-volumi totali importati fil-Brażil.
(153) Il-Kummissjoni stabbiliet li l-volumi tal-importazzjoni tal-argon fil-Brażil kienu negliġibbli u għalhekk il-valur referenzjarju ma setax jitqies affidabbli. Fir-rigward tar-ruttam tal-azzar, il-Kummissjoni sabet li l-prezz tal-importazzjoni fil-Brażil kien konsiderevolment ogħla mill-prezz tal-importazzjoni ta’ prodotti ċatti tal-azzar b’laminazzjoni termali u għalhekk anke huwa tqies li ma kienx affidabbli.
(154) Peress li l-kostijiet reali tal-argon li ġarrab il-produttur esportatur li kkoopera kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli mill-kostijiet totali tal-materja prima (inqas minn 0,005 %) fil-perjodu tal-investigazzjoni, u ma kellhom l-ebda impatt fil-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors li kieku kien jintuża biex jissostitwixxihom, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi dawk il-kostijiet fl-ispejjeż ġenerali tal-manifattura.
(155) Sabiex tiddetermina l-prezz mingħajr distorsjoni tar-ruttam tal-azzar, il-Kummissjoni daret għall-istatistika Brażiljana dwar l-esportazzjonijiet. Għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni tar-ruttam tal-azzar, id-dispożizzjonijiet tal-premessa (152) japplikaw kif xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li ma kien hemm l-ebda esportazzjonijiet ta’ ruttam tal-azzar mill-Brażil lejn il-PRC.
(156) Sabiex tistabbilixxi l-prezz mingħajr distorsjoni tal-materja prima, ikkonsenjata sal-bieb tal-fabbrika tal-produttur esportatur kif previst fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni żiedet il-kostijiet tat-trasport internazzjonali u tal-assigurazzjoni, applikat id-dazju tal-importazzjoni tal-pajjiż rappreżentattiv u żiedet il-kostijiet tat-trasport domestiku mal-prezz tal-importazzjoni. Il-kostijiet tat-trasport internazzjonali u dak domestiku għall-materja prima kollha kif ukoll il-kostijiet tal-assigurazzjoni ġew stmati abbażi tad-data vverifikata pprovduta mill-produttur esportatur li kkoopera.
(157) Fejn il-prezz tal-esportazzjoni ntuża biex jiġi ddeterminat il-prezz mingħajr distorsjoni ta’ materja prima, ma saru l-ebda aġġustamenti ulterjuri għad-data mill-GTA. Il-Kummissjoni qieset li l-kostijiet bejn fornitur Brażiljan u port internazzjonali kienu jirrappreżentaw il-kostijiet bejn dak il-fornitur u l-klijent Brażiljan tiegħu. Għalhekk, il-prezz mill-GTA jista’ jiġi aċċettat bħala l-prezz tal-materja prima kif ikkonsenjata sal-bieb tal-fabbrika tal-produttur esportatur.
(158) Għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (137) sa (140), il-Kummissjoni użat valur referenzjarju internazzjonali sabiex tiddetermina l-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-azzar tas-sezzjoni. Il-valur referenzjarju internazzjonali mingħajr distorsjoni użat huwa l-prezz tal-fabbrika tal-Amerika Latina ta’ sezzjonijiet strutturali u travi. Dan il-valur referenzjarju ġie kkunsidrat bħala wieħed mingħajr distorsjoni billi, minħabba li huwa bbażat fuq medja aritmetika tal-valuri ta’ tranżazzjoni identifikati fil-Brażil u fil-Messiku, dan il-valur tqies li jirrifletti kundizzjonijiet tas-suq kompetittivi fiż-żona. Dak il-valur referenzjarju wera prezzijiet li jvarjaw bejn 4,55 CNY/kg u 5,61 CNY/kg matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(159) Għal xi materja prima, il-produttur esportatur li kkoopera ma setax jiddetermina l-volum tal-konsum fir-rekords tiegħu. Il-kostijiet reali ta’ din il-materja prima kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli tal-kostijiet totali attwali tal-manifattura ta’ inqas minn 0,5 %. Dawn il-kostijiet kienu inklużi fl-ispejjeż ġenerali tal-manifattura kif spjegat fil-premessa (169).
Manodopera
(160) Biex tistabbilixxi l-valur referenzjarju għall-kostijiet lavorattivi, il-Kummissjoni użat l-istatistika tal-ILO flimkien ma’ informazzjoni pubblikament disponibbli dwar il-kostijiet lavorattivi addizzjonali mġarrba minn impjegatur fil-Brażil.
(161) L-istatistika tal-ILO pprovdiet data dwar is-sigħat medji li kull persuna impjegata effettivament taħdem fil-ġimgħa u d-dħul fix-xahar tal-impjegati fil-manifattura matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Bl-użu ta’ dik id-data, il-Kummissjoni kkalkolat salarju fis-siegħa fil-manifattura, li miegħu ġew miżjuda kostijiet addizzjonali relatati max-xogħol (kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tal-qgħad imġarrba mill-impjegatur).
Elettriku
(162) Il-prezz tal-elettriku mitlub minn wieħed mill-akbar fornituri tal-elettriku fil-Brażil, il-kumpanija EDP Brasil, kien faċilment disponibbli. L-informazzjoni kienet dettaljata biżżejjed biex jiġi identifikat il-prezz tal-elettriku u l-prezz għall-użu tas-sistema tad-distribuzzjoni (modalidade tarifaria azul) imħallas mill-utenti industrijali.
(163) Ta’ min jinnota li fil-Brażil, l-awtorità regolatorja Agência Nacional de Energia Elétrica (ANEEL) tobbliga lill-fornituri tal-elettriku jżidu t-tariffi tagħhom b’ċertu perċentwal biex tirregola l-konsum tal-elettriku fil-pajjiż. L-ANEEL tuża sistema ta’ indikaturi (aħdar, isfar, aħmar 1, aħmar 2) biex tissenjala jekk il-prezz tal-elettriku jkollux jibqa’ kif propost mill-fornitur (aħdar) jew jekk ikollkux jiżdied b’0,010 BRL/kWh (isfar), b’0,030 BRL/kWh (aħmar 1), jew b’0,050 BRL/kWh (aħmar 2). L-ANEEL tippubblika l-indikaturi kull xahar u għall-perjodu tal-investigazzjoni kienu diġà disponibbli fuq is-sit web tal-EDP Brasil. Fid-determinazzjoni tal-kostijiet tal-elettriku mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni qieset l-indikaturi applikati matul il-perjodu tal-investigazzjoni u aġġustat il-prezz skont dan.
(164) Il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-elettriku fit-Tabella 1 huma pprovduti bħala medda peress li tariffi differenti japplikaw għall-konsumaturi individwali skont il-konsum tagħhom.
Gass naturali u gerbub tal-injam
(165) Il-produtturi esportaturi użaw gass naturali jew gerbub tal-injam biex jipproduċu s-sħana. Il-prezz medju tal-gass naturali għall-utenti industrijali fil-Brażil matul il-perjodu tal-investigazzjoni kien diġà disponibbli f’pubblikazzjoni mensili tal-Ministeru tal-Estrazzjoni u l-Enerġija. Il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-gerbub tal-injam ġew stabbiliti abbażi tal-prezz tal-importazzjoni fil-Brażil kif spjegat fil-premessa (152).
(166) Il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-gass naturali fit-Tabella 1 huma pprovduti bħala medda peress li tariffi differenti japplikaw għall-konsumaturi individwali skont il-konsum tagħhom.
Ilma
(167) It-tariffa tal-ilma kienet faċilment disponibbli kif imposta mill-kumpanija Sabesp li hija responsabbli għall-provvista tal-ilma, għall-ġbir tad-drenaġġ u għat-trattament tiegħu fl-Istat ta’ Sao Paulo. L-informazzjoni kienet tinkludi data dettaljata dwar it-tariffi applikabbli għall-utenti industrijali fl-2018 għal diversi sottoreġjuni u muniċipalitajiet tal-Istat ta’ Sao Paulo. Il-Kummissjoni bbażat id-determinazzjoni tagħha tal-kostijiet mingħajr distorsjoni għall-ilma u għall-ġbir tad-drenaġġ fuq it-tariffa applikabbli għall-klijenti industrijali fiż-żona Metropolitana matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(168) Il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-ilma fit-Tabella 1 huma pprovduti bħala medda peress li tariffi differenti japplikaw għall-konsumaturi individwali skont il-konsum tagħhom.
Kostijiet ġenerali tal-manifattura, SG&A u profitti
(169) L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrba mill-produttur esportatur li kkoopera żdiedu minħabba l-kostijiet tal-materja prima li l-volum ta’ konsum tagħha ma setax jiġi identifikat fir-rekords tal-produttur esportatur, u minħabba l-kostijiet tal-argon kif spjegat fil-premessi (153) u (154), u sussegwentement espressi bħala sehem tal-kostijiet tal-manifattura effettivament imġarrba mill-produttur esportatur. Dan il-perċentwal ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.
(170) Għall-SG&A u l-profitt, il-Kummissjoni użat id-data finanzjarja tal-kumpanija omm tal-grupp Iochpe Maxion, ibbażata fil-Brażil, billi l-kumpanija omm tinsab fil-Brażil u hija produttur tal-prodott ikkonċernat, kif imħabbar fin-Nota tas-16 ta’ April 2019.
(171) Fil-kalkolu tal-SG&A, il-Kummissjoni injorat il-partita sehem tal-profitt (telf) tas-sussidjarji peress li tali kost (jew introjtu) ma kienx relatat mal-prodott ikkonċernat u kien speċifiku għall-istruttura internazzjonali tal-grupp. Fl-2018, il-kumpanija omm irċeviet sehem mill-profitt tas-sussidjarji. L-aġġustament wassal għal perċentwal ogħla ta’ SG&A iżda f’perċentwal aktar baxx ta’ profitt. Inġenerali, ma kellu l-ebda influwenza fuq il-livell tal-SG&A u tal-qligħ meħuda flimkien.
Kalkolu tal-valur normali
(172) Sabiex tistabbilixxi l-valur normali maħdum, il-Kummissjoni segwiet il-passi li ġejjin.
(173) L-ewwel, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura. Applikat il-kostijiet unitarji mingħajr distorsjoni għall-konsum effettiv tal-fatturi individwali tal-produzzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera.
(174) It-tieni, biex waslet għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni l-Kummissjoni żiedet l-ispejjeż ġenerali tal-manifattura determinati kif deskritt fil-premessa (169) mal-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.
(175) Fl-aħħar nett, għall-kostijiet tal-produzzjoni stabbiliti kif deskritt fil-premessa (174), il-Kummissjoni applikat l-SG&A u l-profitt tal-kumpanija omm tal-grupp Iochpe Maxion kif spjegat fil-premessi (170) sa (171).
(176) L-SG&A, espressi bħala perċentwal tal-Kostijiet tal-Prodotti Mibjugħa (Costs of Goods Sold, COGS) u applikati għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni, laħqu l-11,21 %.
(177) Il-profitt espress bħala perċentwal tal-COGS u applikat għall-kostijiet tal-produzzjoni mingħajr distorsjoni laħaq il-5,06 %.
(178) Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott abbażi tal-prezz mill-fabbrika skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku. Peress illi fil-kampjun kien għad fadal biss produttur esportatur wieħed, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott għal dan il-produttur esportatur biss.
Prezz tal-esportazzjoni
(179) Il-produttur esportatur inkwistjoni kien jesporta lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. Għalhekk, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz li effettivament tħallas jew li kellu jitħallas għall-prodott ikkonċernat meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, skont l-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.
Tqabbil
(180) Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera abbażi tal-prezz mill-fabbrika.
(181) Meta dan kien iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat tqabbil ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni għal differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabilità tal-prezzijiet, skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Saru aġġustamenti, ibbażati fuq iċ-ċifri reali tal-kumpanija li kkooperat, għall-ispejjeż tal-immaniġġjar u tal-merkanzija fuq l-art, il-kostijiet tal-ippakkjar, il-kost tal-kreditu u l-ispejjeż bankarji.
Marġni tad-dumping
(182) Għall-produttur esportatur li kkoopera fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-medja ponderata tal-valur normali ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-medja ponderata tal-prezz tal-esportazzjoni tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat, skont l-Artikolu 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku.
(183) Fuq din il-bażi, il-marġni medju ponderat tad-dumping provviżorju espress bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huwa kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping provviżorju (%) Xingmin Intelligent Transportation Systems Co., Ltd 69,4 Tangshan Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4 Xianning Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4
(184) Kif spjegat fil-premessa (18), bħala riżultat tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn żewġ produtturi esportaturi fil-kampjun u l-esklużjoni ta’ produttur esportatur ieħor minħabba t-tnaqqis fl-ambitu tal-prodott, il-kampjun tnaqqas għal kumpanija waħda biss, jiġifieri l-Grupp Xingmin. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit marġni medju ponderat tad-dumping għall-produtturi esportaturi li kkooperaw li ma kinux inklużi fil-kampjun skont l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku. B’kont meħud tal-grad ta’ nuqqas ta’ kooperazzjoni fil-kampjun u ż-żmien mhux biżżejjed biex jintgħażel kampjun ġdid f’dan l-istadju tard tal-proċedura, il-Kummissjoni ddeċidiet li tapplika l-aħjar fatti disponibbli fir-rigward tal-kampjun, skont l-Artikolu 17(4) u l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
(185) Fuq din il-bażi, għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u li ma kinux fil-kampjun, il-Kummissjoni ddeċidiet b’mod eċċezzjonali li tiffissa l-marġni tad-dumping fl-istess livell tal-uniku produttur esportatur li kien għad baqa’ fil-kampjun. Dan minħabba li qieset li l-falliment tal-kampjun kien ikkawżat ukoll mill-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ prodotti li, bl-esklużjoni konsegwenti ta’ wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw li kien għad baqa’ fil-kampjun, kellha impatt dirett fuq il-kampjun. Il-Kummissjoni qieset ukoll il-fatt li l-kumpanija li kien għad baqa’ fil-kampjun kienet tirrappreżenta madwar 20 % tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat u kienet tesporta firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ prodotti lejn l-Unjoni.
(186) Għall-produtturi esportaturi l-oħra kollha, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża l-marġni tad-dumping residwu fuq il-livell li jikkorrispondi għall-medja ponderata tal-marġni tad-dumping li nstab fil-kumpanija fil-kampjun għat-tmien tipi ta’ prodotti bl-ogħla marġni tad-dumping individwali. Il-volum tal-esportazzjonijiet ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti kien jirrappreżenta madwar 29 % tal-volum totali esportat lejn l-Unjoni mill-kumpanija inkwistjoni, li huwa meqjus rappreżentattiv biżżejjed.
(187) Il-marġnijiet provviżorji tad-dumping, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping provviżorju (%) Xingmin Intelligent Transportation Systems Co., Ltd 69,4 Tangshan Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4 Xianning Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 69,4 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 80,1
DANNU Definizzjoni tal-Industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
(188) Il-prodott simili kien manifatturat minn 11-il produttur fl-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Huma jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.
(189) Il-produzzjoni totali tal-Unjoni waqt il-perjodu tal-investigazzjoni ġiet stabbilita għal madwar 35 miljun rota tat-triq tal-azzar. Il-Kummissjoni stabbiliet iċ-ċifra abbażi tat-tweġiba verifikata għall-kwestjonarju tal-EUWA, li ġiet kontroverifikata u, fejn xieraq, aġġornata bit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Kif indikat fil-premessa (8), il-kampjun kien magħmul minn tliet produtturi tal-Unjoni li kienu jirrappreżentaw aktar minn 35 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili.
Is-suq u l-konsum tal-Unjoni
(190) Is-suq għar-roti tal-azzar ikopri varjetà ta’ tipi ta’ prodotti li jiddependu prinċipalment fuq it-tip ta’ vetturi li fuqhom ikunu mwaħħla. Dawn it-tipi ta’ prodotti prinċipalment ivarjaw fid-daqs, b’daqsijiet iżgħar destinati għal karozzi tal-passiġġieri u daqsijiet ta’ dijametru akbar destinati għal trakkijiet tqal u vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali. Dawn it-tipi ta’ prodotti huma ġeneralment ikklassifikati mill-industrija f’żewġ kategoriji: ir-roti tal-karozzi tal-passiġġieri (għal vetturi b’mhux aktar minn tmien postijiet) u roti kummerċjali (l-oħrajn kollha). Dawn it-tipi varji kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u użi bażiċi, u għalhekk huma kkunsidrati bħala prodott wieħed għall-għan ta’ din l-investigazzjoni.
(191) L-investigazzjoni stabbiliet li kemm iċ-Ċina kif ukoll il-produtturi tal-Unjoni huma attivi kemm fir-roti tal-karozzi tal-passiġġieri kif ukoll fir-roti kummerċjali. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-ilmentatur, madwar 45 % tal-importazzjonijiet Ċiniżi matul il-PI (perjodu ta’ investigazzjoni) kienu roti għall-karozzi tal-passiġġieri, u 55 % kienu roti kummerċjali. Fl-Unjoni, madwar 65 % tal-bejgħ huwa ta’ karozzi tal-passiġġieri, u 35 % huwa ta’ roti kummerċjali.
(192) Ir-roti tal-azzar jinbiegħu fl-Unjoni permezz ta’ żewġ kanali ta’ distribuzzjoni ewlenin: jew direttament lill-manifatturi tal-karozzi (OEMs), jew lil kumpaniji indipendenti li jiżviluppaw u jagħtu l-marka lill-SRW li sussegwentement jinbiegħu lil bejjiegħa bl-ingrossa jew lil bejjiegħa bl-imnut. Minkejja li l-manifattura tal-karozzi teħtieġ speċifikazzjonijiet pjuttost stretti, ir-roti kollha għandhom l-istess karatteristiċi/karatteristiċi komparabbli indipendentement mill-kanal ta’ distribuzzjoni tagħhom, u finalment it-tipi kollha ta’ SRW jikkostitwixxu tip wieħed omoġenju. Aktar importanti minn hekk, hemm interkonnessjonijiet ċari bejn iż-żewġ kanali ta’ distribuzzjoni peress li l-prezzijiet fuq mezz ta’ distribuzzjoni wieħed jistgħu jagħmlu pressjoni fuq l-ieħor.
(193) Il-Kummissjoni stabbiliet il-konsum tal-Unjoni abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni flimkien mal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha.
(194) Tabella 2 Il-konsum tal-Unjoni
Il-konsum tal-Unjoni żviluppa kif ġej: Sors: L-EUWA, il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Konsum totali tal-Unjoni (eluf ta’ biċċiet) 38554 38523 40161 39387 Indiċi 100 100 104 102
(195) Matul il-perjodu kkunsidrat, il-konsum tal-Unjoni żdied bi 2 %.
Importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
(196) Il-kodiċijiet NM ex87087010, ex87087099 u ex87169090 jinkludu firxa ta’ prodotti usa’ minn SRW. Barra minn hekk, l-unika unità ta’ kejl disponibbli fil-Eurostat hija l-piż, li mhux neċessarjament jippermetti komparabilità adegwata tad-data bejn id-diversi sorsi ta’ importazzjonijiet minħabba t-tipi differenti ta’ SRW (b’firxa wiesgħa ta’ dijametri b’piżijiet differenti u t-taħlita tal-prodott potenzjalment differenti u/jew li jinbidlu (roti tal-karozzi tal-passiġġieri u roti ta’ vetturi kummerċjali inklużi fost oħrajn ir-roti tat-tratturi u r-roti tat-trejlers). L-EUWA qajmet din il-kwistjoni fl-ilment tagħha u, minbarra ċ-ċifri fl-ilment, ipprovdiet l-istimi tagħha tal-volumi tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, mit-Turkija u minn pajjiżi oħra, li ġew ivverifikati mill-Kummissjoni. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati u ppermettitilhom jikkummentaw dwar id-diversi sorsi ta’ data, inklużi l-istimi tal-volumi tal-importazzjonijiet ipprovduti matul l-investigazzjoni mill-EUWA, kif ukoll dwar il-volum u l-prezzijiet tal-importazzjoni abbażi tad-data tal-Eurostat. L-ebda parti ma opponiet għal dawn l-istimi tal-volumi tal-importazzjonijiet, li għalhekk tqiesu bħala l-aħjar sors ta’ informazzjoni disponibbli. Minkejja li l-EUWA esprimiet dubji dwar il-livell tal-prezzijiet mogħtija mill-Eurostat, fin-nuqqas ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni qagħdet fuq id-data tal-Eurostat sabiex mill-inqas tistabbilixxi x-xejriet fil-prezzijiet. Madankollu, il-Kummissjoni użat prezzijiet li rċeviet mingħand il-partijiet fil-kampjun sabiex tqabbel il-livelli tal-prezzijiet bil-għan li tistabbilixxi t-twaqqigħ tal-prezz u l-marġni tad-dannu.
Volum u sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-PRC
(197) Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet ġie stabbilit billi l-volum tal-importazzjonijiet ġie mqabbel mal-konsum tal-Unjoni.
(198) Tabella 3 Volum tal-importazzjonijiet u sehem mis-suq
L-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-PRC żviluppaw kif ġej: Sors: L-EUWA 2015 2016 2017 PI Volum ta’ importazzjonijiet mill-PRC (eluf ta’ biċċiet) 1007 1257 1963 2093 Indiċi 100 125 195 208 Sehem mis-suq 2,6 % 3,3 % 4,9 % 5,3 % Indiċi 100 125 187 204
(199) L-importazzjonijiet mill-PRC u s-sehem mis-suq tagħhom irdoppjaw matul il-perjodu kkunsidrat. L-importazzjonijiet żdiedu minn madwar 1 miljun għal 2 miljun biċċa, li jikkorrispondu għal żieda fis-sehem mis-suq minn 2,6 % għal 5,3 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni. L-importazzjonijiet mill-PRC ammontaw għal madwar 25 % tal-importazzjonijiet totali matul il-PI Ta’ min jinnota li, abbażi tad-data disponibbli, l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu jikkonċernaw kemm karozzi tal-passiġġieri kif ukoll roti kummerċjali u li żdiedu għaż-żewġ tipi, iżda ż-żieda kienet ħafna aktar immarkata fit-tipi ta’ roti tal-karozzi tal-passiġġieri.
Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-PRC u twaqqigħ tal-prezz
(200) Kif spjegat hawn fuq fil-premessi (196), il-Kummissjoni stabbiliet ix-xejriet tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq il-bażi tad-data tal-Eurostat kif iddivulgata lill-partijiet mill-Kummissjoni matul l-investigazzjoni. Ta’ min ifakkar li minkejja li d-data tal-Eurostat ma kinitx toffri stampa preċiża dwar il-livell assolut ta’ importazzjonijiet – u għalhekk dwar il-prezzijiet ta’ unità – madankollu kienet l-uniku sors ta’ informazzjoni li għall-inqas stabbiliet xejriet ta’ prezzijiet. Id-data ta’ hawn taħt ġiet għalhekk ikkunsidrata f’dak il-kuntest, u b’hekk ma ntużatx biex jitqabblu l-livelli tal-prezzijiet.
(201) Tabella 4 Prezzijiet tal-importazzjoni (EUR/kilo)
Il-prezz medju tal-importazzjonijiet fl-Unjoni mill-PRC żviluppa kif ġej: Sors: Il-Eurostat 2015 2016 2017 PI PRC 2,04 1,90 1,85 1,90 Indiċi 100 93 91 93
(202) Il-prezzijiet tal-importazzjoni mill-PRC naqsu b’medja ta’ 7 % matul il-perjodu kkunsidrat.
(203) Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni billi qabblet:
il-prezzijiet medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjonijiet mill-produtturi Ċiniż li kkooperaw lill-ewwel klijent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq bażi ta’ Kost, assigurazzjoni u nol (cost, insurance, freight, CIF), b’aġġustamenti xierqa għad-dazji doganali u għall-kostijiet ta’ wara l-importazzjoni; kif ukoll
il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti tal-bejgħ għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun mitluba lil klijenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, aġġustati għal livell tal-prezz mill-fabbrika;
(204) It-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi ta’ tqabbil bejn tip ta’ prodott u ieħor għal tranżazzjonijiet fl-istess livell ta’ kummerċ, b’aġġustament debitu fejn meħtieġ, u wara tnaqqis tar-rifużjonijiet u tal-iskontijiet. Ir-riżultat tat-tqabbil ġie espress bħala perċentwal tal-fatturat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan wera twaqqigħ tal-prezz sinifikanti li jvarja minn 8,7 % sa 42,6 % li rriżulta f’marġni medju peżat ta’ 26,2 % għall-esportatur li kkoopera.
Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni Rimarki ġenerali
(205) Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-impatt tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien jinkludi valutazzjoni tal-indikaturi ekonomiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat.
(206) Kif imsemmi fil-premessa (8), intuża l-kampjunar għad-determinazzjoni tad-dannu possibbli mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.
(207) Biex tiddetermina d-dannu, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-indikaturi tad-dannu makroekonomiċi u dawk mikroekonomiċi. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi fuq il-bażi ta’ data inkluża fit-tweġiba verifikata għall-kwestjonarju tal-EUWA. Din id-data kienet tirrigwarda l-produtturi kollha tal-Unjoni, iżda ġiet aġġornata fejn meħtieġ wara l-verifiki tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Il-Kummissjoni vvalutat l-indikaturi makroekonomiċi abbażi tad-data inkluża fit-tweġibiet verifikati għall-kwestjonarju mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun. Iż-żewġ settijiet ta’ data nstabu li kienu rappreżentattivi tas-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni.
(208) L-indikaturi makroekonomiċi huma: il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni, l-użu tal-kapaċità, il-volum tal-bejgħ, is-sehem mis-suq, it-tkabbir, l-impjiegi, il-produttività u d-daqs tal-marġni tad-dumping.
(209) L-indikaturi mikroekonomiċi huma: il-prezzijiet medji ta’ kull unità, il-kost unitarju, il-kostijiet lavorattivi, il-profittabilità, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investiment, u l-kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-kapital.
Indikaturi makroekonomiċi Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità
(210) Tabella 5 Produzzjoni, kapaċità ta’ produzzjoni u użu tal-kapaċità
Il-produzzjoni totali tal-Unjoni, il-kapaċità ta’ produzzjoni u l-użu tal-kapaċità żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: L-EUWA, il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Volum ta’ produzzjoni (eluf ta’ biċċiet) 36 399 35252 36860 34999 Indiċi 100 97 101 96 Kapaċità ta’ produzzjoni (eluf ta’ biċċiet) 52050 52226 52744 52289 Indiċi 100 100 101 100 Użu tal-kapaċità 69,9 % 67,5 % 69,9 % 66,9 % Indiċi 100 97 100 96
(211) Il-produzzjoni totali tal-industrija tal-Unjoni varjat iżda naqset b’4 % matul il-perjodu kkunsidrat. Peress li l-kapaċità tal-produzzjoni nżammet kważi fl-istess livell matul il-perjodu kkunsidrat, l-użu tal-kapaċità naqas minn 69,9 % għal 66,9 %.
Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
(212) Tabella 6 Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
Il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: L-EUWA, il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Volum ta’ bejgħ totali fis-suq tal-Unjoni (eluf ta’ biċċiet) 32731 32299 32581 31451 Indiċi 100 99 100 96 Sehem mis-suq 84,9 % 83,8 % 81,1 % 79,8 % Indiċi 100 99 96 94
(213) Il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas b’4 % matul il-perjodu kkunsidrat, filwaqt li l-importazzjonijiet miċ-Ċina rdoppjaw. Bħala konsegwenza ta’ dan, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’6 % (minn 84,9 % għal 79,8 %) matul il-perjodu kkunsidrat.
Tkabbir
(214) Iċ-ċifri ta’ hawn fuq fir-rigward tal-produzzjoni, il-bejgħ, il-volum u s-sehem mis-suq juru li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tikber, la f’termini assoluti u lanqas fir-rigward tal-konsum, matul il-perjodu kkunsidrat.
Impjiegi u produttività
(215) Tabella 7 Impjiegi u produttività
Matul il-perjodu kkunsidrat, l-impjiegi u l-produttività żviluppaw kif ġej: Sors: L-EUWA, il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Għadd ta’ impjegati 2970 2949 2947 2985 Indiċi 100 99 99 100 Produttività (eluf ta’ biċċiet/impjegat) 12,3 12,0 12,4 11,6 Indiċi 100 98 102 95
(216) Matul il-perjodu kkunsidrat, l-impjiegi fl-Unjoni baqgħu stabbli. Tabilħaqq, it-tkabbir fil-konsum ma kienx akkumpanjat minn tkabbir korrispondenti fl-impjiegi minħabba tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u tal-produzzjoni. Peress li l-produzzjoni naqqset b’4 %, il-produttività tal-industrija tal-Unjoni naqset b’5 % matul il-perjodu kkunsidrat.
Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping tal-passat
(217) Il-marġnijiet kollha tad-dumping kienu sinfikantement ogħla mil-livell de minimis. L-impatt tad-daqs tal-marġnijiet attwali tad-dumping fuq l-industrija tal-Unjoni kien sostanzjali, fid-dawl tal-volum u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-PRC.
(218) Din hija l-ewwel investigazzjoni antidumping dwar il-prodott ikkonċernat. Għalhekk, ma kienx hemm data disponibbli biex jiġu vvalutati l-effetti ta’ dumping possibbli fil-passat.
Indikaturi mikroekonomiċi Prezzijiet u fatturi li affettwaw il-prezzijiet
(219) Tabella 8 Prezzijiet tal-bejgħ medji fl-Unjoni (EUR)
Il-prezzijiet medji ponderati tal-bejgħ ta’ unità tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun lil klijenti fl-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Prezz medju EXW tal-bejgħ ta’ unità fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati 15,3 15,8 18,0 18,4 Indiċi 100 104 118 121 Kost unitarju tal-produzzjoni 14,4 14,3 17,1 18,5 Indiċi 100 99 118 128
(220) Filwaqt li l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni żdied bi 28 % matul il-perjodu kkunsidrat, l-aktar minħabba żieda qawwija fil-kost ta’ prodotti ċatti tal-azzar illaminati bis-sħana, materja prima prinċipali, il-prezz medju tal-bejgħ ta’ kull unità tal-industrija tal-Unjoni lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni żdied biss b’21 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Dan juri t-trażżin sever tal-prezzijiet ikkawżat miż-żieda dejjem akbar fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Kif se jiġi spjegat hawn taħt fit-taqsima 4.4.3.4, dan kellu impatt sinifikanti fuq il-qagħda finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni li kienet qed tagħmel it-telf matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
Kostijiet lavorattivi
(221) Tabella 9 Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat (EUR)
Il-kostijiet lavorattivi medji tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat 51975 48466 51577 53484 Indiċi 100 93 99 103
(222) Bejn l-2015 u l-perjodu tal-investigazzjoni, il-kostijiet lavorattivi medji għal kull impjegat tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żdiedu bi 3 %. Il-kost lavorattiv żdied b’mod speċjali fl-2017 minħabba tibdil legali fl-Istat Membru ta’ wieħed mill-produtturi fil-kampjun.
Inventarji
(223) Tabella 10 Inventarji
Il-livelli tal-istokk tal-produtturi tal-Unjoni żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: L-EUWA, il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Stokkijiet tal-għeluq (eluf ta’ biċċiet) 2327 1845 2155 1631 Indiċi 100 79 93 70 Stokkijiet tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni 6.4 % 5.2 % 5.8 % 4.7 % Indiċi 100 82 91 73
(224) L-inventarji ma jistgħux jitqiesu bħala indikatur rilevanti ta’ dannu minħabba li l-biċċa kbira tal-produzzjoni tar-roti tat-triq tal-azzar issir skont l-ordnijiet; l-istokk f’ħin determinat huwa fil-biċċa l-kbira r-riżultat ta’ oġġetti li jkunu nbiegħu iżda li ma jkunux għadhom ġew ikkonsenjati. Għalhekk, ix-xejriet fl-inventarji qed jingħataw biss għall-fini ta’ informazzjoni.
(225) Kumplessivament l-istokks tal-għeluq naqsu bi 30 % matul il-perjodu kkunsidrat. L-istokks tal-għeluq bħala perċentwal tal-produzzjoni naqsu bi ftit minn 6,4 % fl-2015 għal 4,7 % matul il-perjodu tal-investigazzjoni, jiġifieri b’27 %.
Profitabbiltà, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità ta’ ġenerazzjoni tal-kapital
(226) Tabella 11 Profitabbiltà, fluss tal-flus, investimenti u redditu fuq l-investimenti
Il-profitabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti u r-redditu fuq l-investimenti tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun żviluppaw kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: Il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Profitabbiltà tal-bejgħ fl-Unjoni lil klijenti mhux relatati (% tal-fatturat mill-bejgħ) 2,3 % 7,1 % 3,5 % -1,1 % Indiċi 100 309 153 -49 Fluss tal-flus (EUR) 7,9 % 11,9 % 4,3 % 6,1 % Indiċi 100 151 54 78 Investimenti (000 ta’ EUR) 7326 6830 9990 13713 Indiċi 100 93 136 187 Redditu fuq l-investimenti 16,1 % 48,6 % 24,7 % -5,5 % Indiċi 100 301 153 -34
(227) Il-Kummissjoni stabbiliet il-profitabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi esprimiet il-profitt nett qabel it-taxxa tal-prodott simili lil konsumaturi mhux relatati fl-Unjoni bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ. Matul il-perjodu kkonċernat il-profitabilità kienet waħda erratika, iżda b’mod ġenerali segwiet tendenza ta’ tnaqqis mill-2016 u saret negattiva matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(228) Il-fluss tal-flus nett huwa l-kapaċità tal-produtturi tal-Unjoni li jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom stess. Ix-xejra fil-fluss tal-flus nett żviluppat b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat, minkejja l-fatt li d-deterjorament, b’mod partikolari fl-aħħar tal-PI, kien inqas qawwi mix-xejra fil-profittabilità
(229) L-investimenti żdiedu b’87 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kważi nofs l-investiment kien jittratta l-manutenzjoni tal-linja tal-produzzjoni. Madankollu, kien hemm ukoll investimenti sinifikanti f’kapaċità ġdida konformi ma’ żieda mbassra fid-domanda fis-snin segwenti għal roti b’dijametru ikbar, li kienu jeħtieġu kapaċità addizzjonali ta’ xogħol fuq il-magni u ta’ żebgħa.
(230) Ir-redditu fuq l-investimenti huwa l-profitt espress bħala perċentwal tal-valur kontabilistiku nett tal-investimenti. Dan żviluppa b’mod negattiv matul il-perjodu kkunsidrat minkejja żieda fl-investimenti totali fl-2016, li jirrifletti x-xejriet deskritti qabel għall-profitabbiltà u għall-fluss tal-flus.
Konklużjoni dwar id-dannu
(231) Matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezzijiet tal-bejgħ żdiedu b’21 %, iżda din iż-żieda ma kinitx biżżejjed biex tkopri ż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni (28 %) matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Il-livell ta’ profitt tal-industrija tal-Unjoni ta’ 2,3 % fl-2015 inbidel f’telf (-1,1 %) matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Din ix-xejra wasslet għal tnaqqis simili fil-fluss tal-flus (-22 %) u fir-redditu fuq l-investiment (-134 %).
(232) Matul il-perjodu kkunsidrat l-livell tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni naqas b’4 %, il-volum tal-bejgħ naqas ukoll b’4 %, u s-sehem mis-suq niżel minn 84,9 % għal 79,8 %, filwaqt li l-konsum żdied bi 2 %. Ta’ min jinnota li matul l-istess perjodu ċ-Ċina rnexxielha tirdoppja s-sehem mis-suq tagħha. Dawn l-iżviluppi ħallew lill-industrija tal-Unjoni f’qagħda vulnerabbli.
(233) Mill-indikaturi eżaminati ftit biss urew żvilupp pożittiv matul il-perjodu kkunsidrat. L-investimenti żdiedu b’87 %, iżda dawn l-investimenti jikkonċernaw prinċipalment is-sostituzzjoni u l-ammeljorament tal-makkinarju. Barra minn hekk, il-ħażniet naqsu matul il-perjodu kkunsidrat, iżda minħabba li ħafna mill-prodott isir fuq talba, it-tnaqqis fil-ħażniet ma jistax jitqies bħala żvilupp pożittiv f’dan il-każ.
(234) Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal aktar ’il fuq, il-Kummissjoni f’dan l-istadju kkonkludiet li l-industrija tal-Unjoni sofriet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku.
KAWŻALITÀ
(235) Skont l-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC ikkawżawx dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk fatturi magħrufin oħrajn setgħux fl-istess ħin ikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni. Il-Kummissjoni żgurat li kwalunkwe dannu possibbli kkawżat minn fatturi oħrajn minbarra l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC ma jiġix attribwit għall-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Dawn il-fatturi huma importazzjonijiet minn pajjiżi terzi, il-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u l-iżvilupp tal-kostijiet tal-materja prima.
Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
(236) L-importazzjonijiet mill-PRC żdiedu b’108 % matul il-perjodu kkunsidrat, u rdoppjaw ukoll is-sehem mis-suq tagħhom. Iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC kienet tirrappreżenta l-parti l-kbira tat-tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-PRC naqsu b’medja ta’ 7 % u, fuq il-bażi tal-aħjar informazzjoni disponibbli, waqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, matul il-perjodu tal-investigazzjoni, b’medja ta’ 26,2 %. Il-prezzijiet baxxi tal-importazzjonijiet mill-PRC eżerċitaw ukoll trażżin sinifikanti fuq il-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni, u wasslu biex l-industrija tal-Unjoni tagħmel telf peress li ma kenitx tista’ żżid il-prezzijiet tagħha ’l fuq mill-kostijiet tal-produzzjoni tagħha.
(237) L-analiżi tal-indikaturi tad-dannu fil-premessi minn (186) sa (211) turi li s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni marret għall-agħar u dan jikkoinċidi ma’ żieda fl-importazzjonijiet mill-PRC li huma l-oġġett ta’ dumping, bi prezzijiet li jwaqqgħu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. L-industrija tal-Unjoni tilfet mis-sehem mis-suq tagħha kontra importazzjonijiet Ċiniżi irħas u oġġetti ta’ dumping, u xi produtturi fil-kampjun tal-Unjoni kkonfermaw ukoll il-fatt li – kif diġà ġie stabbilit fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar ir-roti tal-aluminju – il-produtturi tal-karozzi għadhom jużaw l-offerti Ċiniżi bħala valur referenzjarju biex ibaxxu l-prezzijiet. Dan eżerċita pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet tal-Unjoni, li ma setgħux jgħaddu ż-żidiet fil-kostijiet. Fil-fatt, hija ż-żieda fl-importazzjonijiet u l-prezzijiet sostanzjalment baxxi li nstabu li huma l-fatturi ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati f’dan il-każ. Il-pressjoni tal-prezzijiet eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC ikkawżat trażżin tal-prezzijiet għall-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari fl-2017 u matul il-perjodu tal-investigazzjoni, meta l-kostijiet unitarji tal-produzzjoni kienu qed jiżdiedu minħabba l-prezzijiet ogħla tal-azzar, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tgħaddi dawn iż-żidiet kollha fil-kostijiet lill-prezzijiet tal-bejgħ tagħha. Dan ikkawża deterjorament fl-indikaturi tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, li wassal għal telf matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(238) Fuq dik il-bażi ġie konkluż li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni.
Effetti ta’ fatturi oħrajn Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(239) Tabella 12 Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
Il-volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: L-EUWA għall-volumi, l-Eurostat għax-xejriet fil-prezzijiet Pajjiż 2015 2016 2017 PI It-Turkija Volum (eluf ta’ biċċiet) 3433 3450 3557 3793 Indiċi 100 100 104 110 Sehem mis-suq 8,9 % 9,0 % 8,9 % 9,6 % Indiċi 100 101 100 108 Prezz medju (kull kilo) 2,11 1,98 2,00 1,96 Indiċi 100 94 95 93 Pajjiżi oħra Volum (eluf ta’ biċċiet) 1383 1517 2050 2050 Indiċi 100 110 148 148 Sehem mis-suq 3,6 % 3,9 % 5,1 % 5,2 % Indiċi 100 110 142 145 Prezz medju (kull kilo) 2,85 2,69 2,77 2,85 Indiċi 100 94 97 100
(240) Anki jekk l-importazzjonijiet mit-Turkija żdiedu matul il-PI, l-iżvilupp tagħhom kien ferm inqas notevoli mill-importazzjonijiet Ċiniżi.
(241) F’termini ta’ volum, l-importazzjonijiet Torok kisbu 360 elf unità matul il-PI filwaqt li ċ-Ċina rdoppjat l-importazzjonijiet tagħha fl-Unjoni li żdiedu b’miljun unità matul l-istess perjodu. B’riżultat ta’ dan, l-ishma mis-suq Ċiniżi żdiedu bi 2,7 punti perċentwali (minn 2,6 % għal 5,3 %), filwaqt li ż-żieda tat-Turkija baqgħet aktar modesta (+0,7 punti perċentwali). F’termini ta’ prezzijiet, kif imsemmi hawn fuq, id-data tal-Eurostat ma tippermettix bażi preċiża għal tqabbil tal-prezzijiet. Fl-ilment tagħha, l-EUWA madankollu pprovdiet data li turi li – abbażi ta’ sitt tipi rappreżentattivi ta’ roti – il-prezzijiet Torok kienu sostanzjalment ogħla mill-prezzijiet Ċiniżi, jiġifieri bħala medja madwar 25 % ogħla li huwa komparabbli mal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz stabbilit fil-premessa (204).Minħabba dan, abbażi tal-evidenza disponibbli, l-importazzjonijiet mit-Turkija ma jistgħux jitqiesu li huma magħmula bi prezzijiet dannużi.
(242) L-importazzjonijiet mill-pajjiżi l-oħra meħuda flimkien żdiedu bi 48 % matul il-perjodu kkonċernat, u s-sehem mis-suq tagħhom żdied minn 3,6 % għal 5,2 %. Minkejja dan u abbażi tal-unika informazzjoni disponibbli, il-prezzijiet minn pajjiżi terzi oħra kienu madwar 50 % ogħla mill-prezzijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping.
(243) Għalhekk, ġie konkluż b’mod provviżorju li l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi minbarra l-PRC ma jattenwawx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.
Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
(244) Tabella 13 Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Il-volum tal-esportazzjonijiet tal-produtturi tal-Unjoni żviluppa kif ġej matul il-perjodu kkunsidrat: Sors: L-EUWA (volum), il-produtturi fil-kampjun (prezzijiet) 2015 2016 2017 PI Volum tal-esportazzjonijiet (eluf ta’ biċċiet) 1003 1156 1401 1371 Indiċi 100 115 140 137 Prezz medju (euro kull biċċa) 16,2 16,0 19,3 17,4 Indiċi 100 99 119 108 Sehem mis-suq tal-esportazzjonijiet 3,0 % 3,5 % 4,1 % 4,2 % Indiċi 100 116 139 140
(245) Matul il-perjodu kkunsidrat, is-sehem tal-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni kien jirrappreżenta inqas minn 3 % tal-produzzjoni totali tagħha. Għalhekk, anki jekk l-esportazzjonijiet żdiedu b’40 %, jiġifieri b’madwar 300 elf unità, dan jirrappreżenta biss porzjon żgħir tat-tnaqqis fil-produzzjoni. L-Unjoni baqgħet is-suq ewlieni tal-industrija tal-Unjoni u matul il-perjodu tal-investigazzjoni kienet tirrappreżenta 95,8 % tal-bejgħ tagħha, u dan il-bejgħ naqas kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini tas-sehem mis-suq matul il-perjodu kkunsidrat.
(246) Għalhekk ġie konkluż li, jekk xejn, dan il-bejgħ tal-esportazzjoni taffa ftit mid-dannu kkawżat mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.
(247) Għalhekk ġie konkluż b’mod provviżorju li l-esportazzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni ma kkontribwewx għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.
Il-prezz tal-azzar
(248) Tabella 14 Kost medju ta’ kojls illaminati bis-sħana għall-produzzjoni ta’ rota waħda
Fl-ilment issemma li, matul il-perjodu kkunsidrat, il-prezz tal-azzar fl-Unjoni kien żdied b’mod sinifikanti u dan ġie kkonfermat matul il-verifiki fuq il-post li saru fil-bini tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun. Tabilħaqq, il-prezz medju tax-xiri ta’ kojls illaminati bis-sħana mill-produtturi fil-kampjun żviluppa kif ġej: Sors: il-produtturi fil-kampjun 2015 2016 2017 PI Indiċi 100 98 122 133
(249) Il-kost medju ta’ kojls illaminati bis-sħana meħtieġa sabiex tiġi prodotta rota waħda żdied bi 33 % matul il-perjodu kkunsidrat. Kojls illaminati bis-sħana jirrappreżentaw madwar 50 % tal-kost tal-produzzjoni. F’ċirkostanzi normali, l-industrija tgħaddi dawn iż-żidiet fil-kost lill-klijenti tagħha, b’mod partikolari jekk il-profitabbiltà tagħha tkun baxxa. Fiċ-ċirkostanzi attwali, b’volumi kbar u dejjem jiżdiedu ta’ importazzjonijiet Ċiniżi bi prezzijiet abnormalment baxxi, l-industrija tal-Unjoni ma kinitx f’pożizzjoni li taġġusta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha skont dan.
(250) Għalhekk ġie konkluż b’mod provviżorju li ż-żieda fil-kost tal-materja prima ma kinitx kawża ta’ dannu, iżda pjuttost il-fatt li, kif stabbilit hawn fuq, (ara l-premessa (249)), l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirrifletti din iż-żieda fil-prezzijiet tagħha minħabba l-importazzjonijiet Ċiniżi oġġett ta’ dumping, li wassal għat-tnaqqis fil-profittabilità.
Konklużjoni dwar il-kawżalità
(251) Matul il-perjodu kkunsidrat, il-volumi tal-importazzjonijiet mill-PRC u s-sehem mis-suq tagħha żdiedu b’mod sinifikanti filwaqt li l-prezzijiet mill-PRC naqsu b’medja ta’ madwar 9 %. Aktar importanti minn hekk, l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC waqqgħu b’mod sinifikanti l-prezzijiet tal-Unjoni għal dan il-prodott sensittiv għall-prezz. Minbarra dan, il-pressjoni tal-prezzijiet mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC imminat il-volumi tal-bejgħ u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu kkunsidrat iżda kienet partikolarment dannuża fl-2017 u fil-perjodu tal-investigazzjoni meta l-kostijiet kienu qed jiżdiedu. Din il-pressjoni kkawżat telf qawwi fil-produzzjoni, fil-bejgħ u fil-profitabbiltà fil-perjodu tal-investigazzjoni.
(252) Fuq il-bażi tal-analiżi fil-premessi (236) sa (250), f’dan l-istadju l-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda fattur ieħor, meqjus individwalment jew kollettivament, ma jattenwa r-rabta kawżali bejn id-dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni kkawżata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-PRC.
INTERESS TAL-UNJONI
(253) Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk setgħetx tikkonkludi b’mod ċar li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li tadotta miżuri f’dan il-każ, minkejja d-determinazzjoni ta’ dumping dannuż. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tad-diversi interessi involuti, inklużi dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, tal-utenti u ta’ operaturi ekonomiċi rilevanti oħra.
Interess tal-industrija tal-Unjoni
(254) L-investigazzjoni wriet li l-industrija tal-Unjoni qed iġġarrab dannu materjali minħabba l-effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping li waqqgħu l-prezzijiet tagħha, eżerċitaw trażżin fuq il-prezzijiet u kkawżaw telf sinifikanti fis-sehem mis-suq u wasslu għal telf fil-perjodu tal-investigazzjoni, kif elaborat fit-Taqsimiet 4 u 5 hawn fuq.
(255) Huwa mistenni li l-industrija tal-Unjoni tibbenefika minn miżuri, li probabbilment jipprevjenu żieda oħra fl-importazzjonijiet miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi ħafna. F’każ li ma jiġux imposti miżuri, dawn l-importazzjonijiet huma mistennija jkomplu u saħansitra jiżdiedu, u jikkawżaw aktar dannu lill-industrija tal-UE.
Interess tal-importaturi u tal-utenti mhux relatati
(256) Fil-bidu, ġew ikkuntattjati 72 importatur, utenti u l-assoċjazzjonijiet tagħhom.
(257) Żewġ importaturi biss wieġbu billi pprovdew tweġiba għall-formola tal-kampjunar. Madankollu, eventwalment it-tnejn li huma rrifjutaw li jkomplu jikkooperaw mal-investigazzjoni u għalhekk il-Kummissjoni ma setgħetx tikseb kooperazzjoni mill-importaturi.
(258) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ gruppi ta’ manifatturi tal-karozzi li ppreżentaw ruħhom wara l-bidu, iżda ħadd minnhom ma ppreżenta sottomissjoni jew bagħat lura tweġiba għall-kwestjonarju.
(259) L-investigazzjoni sabet li l-impatt tal-miżuri fuq ir-roti tat-triq tal-azzar huwa limitat għall-produtturi tal-karozzi. Din il-konklużjoni toħroġ mill-istima li saret minn produttur tal-Unjoni fil-kampjun li skont liema sett sħiħ ta’ roti tat-triq tal-azzar jirrappreżenta madwar 0,6 % tal-kost tal-produzzjoni ta’ karozza żgħira tal-passiġġieri jew 0,7 % tal-kost tal-produzzjoni ta’ trakk. Ma hemm l-ebda informazzjoni fil-fajl li turi li l-miżuri jkollhom impatt negattiv sinifikanti fuq l-utenti li jegħleb l-impatt pożittiv tal-miżuri fuq l-industrija tal-Unjoni. L-istess konklużjoni ntlaħqet fl-aktar investigazzjoni reċenti dwar prodott simili.
Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(260) Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan l-istadju tal-investigazzjoni ma kienx hemm raġunijiet persważivi li juru li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li timponi miżuri fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
MIŻURI ANTIDUMPING PROVVIŻORJI
(261) Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji biex jiġi evitat li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab aktar dannu mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.
Livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu (Marġni tad-dannu)
(262) Sabiex tiddetermina l-livell tal-miżuri, il-Kummissjoni l-ewwel stabbiliet l-ammont ta’ dazju neċessarju biex jiġi eliminat id-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.
(263) F’dan il-każ, id-dannu jiġi eliminat jekk l-industrija tal-Unjoni tkun kapaċi tkopri l-kostijiet tal-produzzjoni tagħha, inklużi dawk il-kostijiet li jirriżultaw mill-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali, u l-protokolli tagħhom, li għalihom l-Unjoni hija parti, u mill-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati fl-Anness Ia tar-Regolament bażiku, u tikseb profitt raġonevoli (profitt fil-mira).
(264) L-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-mira minima tal-profitt għal 6 %. B’konformità ma’ dak l-Artikolu, biex tkun stabbilita l-mira tal-profitt, il-Kummissjoni qieset il-fatturi li ġejjin: il-livell ta’ profitabbiltà qabel iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-PRC, il-livell ta’ profittabilità meħtieġ biex ikopri l-kostijiet u l-investimenti kollha, il-kostijiet għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) u għall-innovazzjoni, u l-livell ta’ profitabbiltà li jista’ jkun mistenni taħt kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni.
(265) Kif muri fit-Tabella 3, l-importazzjonijiet mill-PRC żdiedu b’mod konsistenti matul il-perjodu kkunsidrat. Għalhekk l-ebda sena minn dawn ma tikkwalifika biex jingħata profitt fil-mira skont l-Artikolu 7(2c) tar-Regolament bażiku. L-ebda produttur fil-kampjun ma għamel dikjarazzjoni sostanzjata dwar investimenti mitlufa jew dwar kostijiet ta’ R&Ż u ta’ innovazzjoni. Fid-dawl tal-fatti ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni rrikorriet għall-użu tal-profitt minimu fil-mira ta’ 6 % li ġie miżjud mal-kost reali tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni biex jiġi stabbilit il-prezz mhux dannuż.
(266) Peress li ma saret ebda dikjarazzjoni skont l-Artikolu 7(2d) dwar il-kostijiet attwali jew futuri li jirriżultaw minn ftehimiet ambjentali multilaterali u l-protokolli tagħhom jew mill-Konvenzjonijiet tal-ILO elenkati, ma żdied l-ebda kost ieħor mal-prezz mhux dannuż b’hekk stabbilit.
(267) Imbagħad il-Kummissjoni ddeterminat il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu abbażi ta’ tqabbil tal-prezz medju ponderat tal-importazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera fil-kampjun fil-PRC mal-prezz medju ponderat mhux dannuż tal-prodott simili mibjugħ mill-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun fis-suq tal-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni. Kwalunkwe differenza li tirriżulta minn dan it-tqabbil ġiet espressa bħala perċentwal tal-valur CIF medju ponderat tal-importazzjoni. Il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz riżultanti kien ta’ 50,3 %.
(268) Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu għall-kumpaniji l-oħra li kkooperaw elenkati fl-Anness 1 kien il-medja tal-kampjun, jiġifieri 50,3 %.
(269) Il-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu għall-kumpaniji l-oħra kollha huwa definit, skont il-metodoloġija użata għall-iffissar tal-marġni tad-dumping residwu kif spjegat fil-premessa (185), billi jiġi kkalkulat il-marġni medju ponderat tal-bejgħ taħt il-prezz li nstab fil-kumpanija fil-kampjun għat-tmien tipi ta’ prodotti bl-ogħla marġni individwali ta’ bejgħ taħt il-prezz. Dawn it-tipi ta’ prodotti kienu jirrappreżentaw 15 % tal-importazzjonijiet mill-esportatur Ċiniż li kkoopera. Il-marġni tal-bejgħ taħt il-prezz residwu riżultanti kien ta’ 66,4 %.
Miżuri provviżorji
(270) Abbażi tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tad-dumping, id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri provviżorji biex jiġi evitat li l-industrija tal-Unjoni ġġarrab aktar dannu mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping.
(271) Jenħtieġ li jiġu imposti miżuri antidumping provviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar li joriġinaw mill-PRC, skont ir-regola tad-dazju inferjuri fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni qabblet il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping, filwaqt li qieset ukoll iċ-ċirkostanzi deskritti fil-premessi (18) u (184). L-ammont ta’ dazji jenħtieġ li jkun stabbilit fil-livell tal-anqas wieħed mill-marġni tad-dumping u dak tad-dannu.
(272) Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, ir-rati tad-dazju antidumping provviżorji, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping (%) Marġni tad-dannu (%) Dazju antidumping provviżorju (%) Xingmin Intelligent Transportation Systems Co., Ltd 69,4 50,3 50,3 Tangshan Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4 50,3 50,3 Xianning Xingmin Wheels Co., Ltd. 69,4 50,3 50,3 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 69,4 50,3 50,3 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 80,1 66,4 66,4
(273) Ir-rati tad-dazju antidumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tal-konklużjonijiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, kienu jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. Dawn ir-rati ta’ dazju huma esklussivament applikabbli għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-PRC u prodott mill-entitajiet ġuridiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħra kollha. Jenħtieġ li ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju antidumping individwali.
(274) Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju antidumping individwali jekk sussegwentement tibdel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba għandu jkun fiha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermetti li jintwera li t-tibdil ma jaffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk it-tibdil fl-isem tal-kumpanija ma jaffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, għandu jiġi ppubblikat avviż dwar it-tibdil tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(275) Sabiex jiġu minimizzati kemm jista’ jkun ir-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza kbira fir-rati tad-dazju, hemm bżonn ta’ miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji antidumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji antidumping individwali jridu jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju antidumping applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
(276) Biex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji antidumping, id-dazju antidumping għall-kumpaniji l-oħrajn kollha jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda anki għall-produtturi li ma esportawx lejn l-Unjoni matul il-perjodu tal-investigazzjoni.
(277) L-istatistika tal-SRW ħafna drabi tiġi espressa f’għadd ta’ biċċiet. Madankollu, ma hemm l-ebda unità supplimentari bħal din għall-SRW speċifikata fin-Nomenklatura Magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju, 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni. Għalhekk hemm bżonn li fid-dikjarazzjoni għal rilaxx għal ċirkolazzjoni libera ma jingħatax biss il-piż f’kg jew f’tunnellati iżda anke l-għadd ta’ biċċiet għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Jenħtieġ li jiġu indikati biċċiet għall-kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095, and 8716909097.
INFORMAZZJONI FL-ISTADJU PROVVIŻORJU
(278) Skont l-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar l-impożizzjoni ppjanata ta’ dazji provviżorji. Din l-informazzjoni ġiet ippubblikata wkoll fuq is-sit web tad-DĠ TRADE. Il-partijiet interessati ngħataw tlett ijiem ta’ xogħol biex jipprovdu kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli żvelati speċifikament lilhom.
(279) Ma waslu l-ebda kummenti dwar l-akkuratezza tal-kalkoli.
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
(280) Fl-interessi ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kummissjoni sejra tistieden lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw kummenti bil-miktub fi żmien 15-il jum u/jew jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fi proċedimenti kummerċjali fi żmien ħamest ijiem.
(281) Is-sejbiet dwar l-impożizzjoni ta’ dazji provviżorji huma provviżorji u jistgħu jiġu emendati fl-istadju definittiv tal-investigazzjoni,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju antidumping provviżorju huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ roti tat-triq tal-azzar, kemm jekk bl-aċċessorji tagħhom kif ukoll jekk mingħajrhom u kemm jekk mgħammra bit-tajers kif ukoll jekk le, iddisinjati għal: li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet CN ex87087010, ex87087099, ex87169090 (kodiċijiet TARIC 8708701080, 8708701085, 8708709920, 8708709980, 8716909095 u 8716909097) (il-prodott ikkonċernat). Il-prodotti li ġejjin huma esklużi:
1.
(1) Tratturi tat-triq,
(2) Vetturi bil-mutur għat-trasport ta’ persuni u/jew għat-trasport ta’ merkanzija,
(3) Vetturi bil-mutur għal skopijiet speċjali (pereżempju, vetturi għat-tifi tan-nar, trakkijiet għall-bexx),
(4) Trejlers jew semi-trejlers, mhux motorizzati, ta’ tratturi tat-triq
(1) Roti tat-triq tal-azzar għall-assemblaġġ industrijali ta’ trakters ikkontrollati minn persuni bil-mixi li attwalment jaqgħu taħt is-subintestatura 870110,
(2) Roti għal kwads tat-triq,
(3) Ċentri ta’ roti f’forma ta’ stilla, fonduti f’biċċa waħda, tal-azzar,
(4) Roti għal vetturi bil-mutur iddisinjati speċifikament għal użi minbarra fuq toroq pubbliċi (pereżempju, roti għat-tratturi agrikoli jew tal-forestrija, għall-forklifters, għall-pushback tractors, għal dumpers iddisinjati għall-użu barra mit-toroq pubbliċi),
(5) Roti għal trejlers tal-karozzi tal-passiġġieri, karavans, trejlers agrikoli u tagħmir agrikolu rmunkat ieħor li jintuża fl-għelieqi, b’dijametru tar-rimm ta’ mhux aktar minn 16-il pulzier.
2. Ir-rati tad-dazju antidumping provviżorju applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u prodott mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej: Kumpanija Dazju antidumping provviżorju (%) Kodiċi addizzjonali TARIC Xingmin Intelligent Transportation Systems Co., Ltd 50,3 C508 Tangshan Xingmin Wheels Co., Ltd. 50,3 C509 Xianning Xingmin Wheels Co., Ltd. 50,3 C510 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness I 50,3 Ara l-Anness I Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 66,4 C999
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha tkun kondizzjonali fuq il-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandu jkun hemm dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ din il-fattura, identifikat b’ismu/isimha u l-kariga, abbozzata kif ġej: Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem il-kumpanija u l-indirizz) (kodiċi addizzjonali TARIC) fil-[PRC]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-fattura hija sħiħa u korretta. Jekk ma tiġix ippreżentata din il-fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
4. Ir-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun soġġett għall-għoti ta’ depożitu ta’ garanzija ekwivalenti għall-ammont tad-dazju provviżorju.
5. Fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni għal ċirkolazzjoni libera fir-rigward tal-prodott imsemmi fil-paragrafu 1, l-ammont ta’ biċċiet tal-prodotti importati għandu jiddaħħal fil-parti rilevanti ta’ dik id-dikjarazzjoni.
6. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
1. Il-partijiet interessati għandhom jippreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub dwar dan ir-regolament lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-partijiet interessati li jkunu jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni għandhom jagħmlu dan fi żmien ħamest ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-partijiet interessati li jkunu jixtiequ jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali għandhom jagħmlu dan fi żmien ħamest ijiem kalendarji mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Uffiċjal tas-Seduta għandu jeżamina t-talbiet li jiġu ppreżentati wara din l-iskadenza u jista’ jiddeċiedi jekk jaċċettax dawn it-talbiet jekk ikun xieraq.
Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 1 għandu japplika għal perjodu ta’ sitt xhur.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ottubru 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
Anness I Produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun
Isem Il-kodiċi TARIC addizzjonali Dongfeng Automobile Chassis System CO., LTD. (imsejjaħ ukoll Dongfeng Automotive Wheel Co., Ltd.) Hangzhou Forlong Impex Co., Ltd. Hangzhou Xingjie Auto Parts Manufacturing Co., Ltd. Jiaxing Henko Auto Spare Parts Co., Ltd. Jining Junda Machinery Manufacturing Co., Ltd. Nantong Tuenz Corporate Co., Ltd. Ningbo Luxiang Autoparts Manufacturing Co., Ltd. Shandong Zhengshang Wheel Technology Co., Ltd. Shandong Zhengyu Wheel Group Co., Ltd. Xiamen Sunrise Group Co., Ltd. Yantai Leeway Electromechanical Equipment Co., Ltd. Yongkang Yuefei Wheel Co., Ltd. Zhejiang Jingu Co., Ltd. Zhejiang Fengchi Mechanical Co., Ltd. Zhengxing Wheel Group Co., Ltd. Zhenjiang R&D Auto Parts Co., Ltd.