Gelex

Deċiżjoni Tal-Kunsill (UE) 2019/1709 tas-7 ta’ Ottubru 2019 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li testendi deroga tad-WTO li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati

In forceVersion 2019-10-07
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1709@2019-10-07/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2) Il-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Ftehim tad-WTO jistipula li l-ftehimiet u l-istrumenti legali assoċjati inklużi fl-Annessi 1, 2 u 3 għall-Ftehim tad-WTO (Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali) huma partijiet integrali tal-Ftehim tad-WTO, u huma vinkolanti fuq il-Membri kollha.

(3) Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, f’ċirkostanzi eċċezzjonali l-Konferenza Ministerjali tista’ tiddeċiedi li tidderoga minn obbligu impost fuq Membru mill-Ftehim tad-WTO jew minn kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(4) Il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO stabbilixxew il-proċeduri għall-għoti ta’ derogi fir-rigward tal-Ftehimiet Kummerċjali Multilaterali fl-Anness 1A, 1B jew 1C għall-Ftehim tad-WTO u l-annessi tagħhom.

(5) Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali.

(6) Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, fl-intervalli bejn il-laqgħat tal-Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO), il-Kunsill Ġenerali tad-WTO jwettaq il-funzjonijiet tagħha. Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO normalment tieħu d-deċiżjonijiet b’kunsens.

(7) Fil-15 ta’ Ġunju 1999, il-Membri tad-WTO taw deroga mill-obbligi taħt il-paragrafu 1 tal-Artikolu I tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (GATT 1994) b’mod li l-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jagħtu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati, li jkunu definiti bħala tali min-Nazzjonijiet Uniti, mingħajr il-bżonn tal-estensjoni tal-istess rati tariffarji għal prodotti simili ta’ kwalunkwe Membru ieħor sat-30 ta’ Ġunju 2009. Fis-27 ta’ Mejju 2009, il-Membri tad-WTO estendew id-deroga mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2019.

(8) Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajlandja u t-Turkija (kosponsers) ressqu talba biex il-Kunsill Ġenerali jieħu deċiżjoni li jestendi d-deroga eżistenti tad-WTO sabiex il-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jagħtu trattament tariffarju preferenzjali lil prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2029.

(9) Il-kosponsers jiġġustifikaw it-talba billi jirreferu għall-vulnerabbiltà partikolari tal-pajjiżi l-anqas żviluppati u għad-diffikultajiet strutturali speċjali li jħabbtu wiċċhom magħhom fl-ekonomija globali, kif ukoll l-importanza li titjieb il-parteċipazzjoni effettiva fis-sistema kummerċjali multilaterali billi jagħtuhom aċċess sinifikanti għas-suq sabiex tiġi appoġġata d-diversifikazzjoni tal-bażi tal-produzzjoni u tal-esportazzjoni tagħhom.

(10) L-estensjoni tad-deroga la taffettwa b’mod negattiv l-ekonomija tal-Unjoni u lanqas ma taffettwa r-relazzjonijiet kummerċjali tal-Unjoni mal-benefiċjarji tad-deroga. Barra minn hekk, l-Unjoni tagħti aċċess għas-suq mingħajr dazji u mingħajr kwoti lill-pajjiżi l-anqas żviluppati taħt l-iskema ta’ Kollox Ħlief l-Armi u hija favur li Membri oħrajn tad-WTO wkoll jipprovdu preferenzi kummerċjali lill-pajjiżi l-anqas żviluppati.

(11) Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tad-WTO biex jingħata appoġġ lit-talba tal-kosponsers li jestendu d-deroga li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati sat-30 ta’ Ġunju 2029, b’konformità mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE, billi l-estensjoni tad-deroga ser tkun vinkolanti fuq il-Membri tad-WTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għandha tkun li jingħata appoġġ għad-deroga tad-WTO li tippermetti lill-pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw jipprovdu trattament tariffarju preferenzjali għal prodotti tal-pajjiżi l-anqas żviluppati mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2029.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, is-7 ta’ Ottubru 2019., Għall-Kunsill Il-President A.-M. Henriksson

Versions

  1. 2019-10-07