Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1767 tat-23 ta’ Ottubru 2019 li temenda l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE fir-rigward tal-inklużjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fil-listi ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina (notfikata bid-dokument C(2019)7635) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1767@2019-10-23/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(2)(b), l-Artikolu 17(3), l-ewwel inċiż tal-Artikolu 18(1), u l-frażi introduttiva u l-punt (b) tal-Artikolu 19 tagħha,
Billi:
(1) Fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Fil-11 ta’ April 2019, il-Kunsill Ewropew adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/584 meħuda bi qbil mar-Renju Unit, li testendi l-perjodu skont l-Artikolu 50(3) tat-TUE. Skont dik id-Deċiżjoni, il-perjodu previst fl-Artikolu 50(3) tat-TUE ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit mill-1 ta’ Novembru 2019 (id-data tal-ħruġ).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/472/UE tistabbilixxi fl-Anness I tagħha lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ semen ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina u fl-Anness III tagħha lista ta’ pajjiżi terzi jew partijiet minnhom, li minnhom l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-importazzjonijiet ta’ kunsinni ta’ ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina.
(3) Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ipprovda l-garanziji neċessarji sabiex dak il-pajjiż jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni 2010/472/UE għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina mid-data tal-ħruġ billi jkompli jikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għal perjodu inizjali ta’ mill-inqas disa’ xhur.
(4) Għalhekk, meta jitqiesu dawn il-garanziji speċifiċi pprovduti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, u sabiex jiġi evitat tfixkil bla bżonn tal-kummerċ wara d-data tal-ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jenħtieġ li jiġu inklużi fil-listi ta’ pajjiżi terzi u territorji u partijiet minnhom stabbiliti fl-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE li huma awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ kunsinni ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ovina u kaprina.
(5) Għalhekk, jenħtieġ li l-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE jiġu emendati skont dan.
(6) Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019, sakemm f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.
(7) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE għandhom jiġu emendati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mil-1 ta’ Novembru 2019. Madankollu, ma għandhiex tapplika jekk f’dik id-data d-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u fih.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2019. Għall-Kummissjoni Vytenis Andriukaitis Membru tal-Kummissjoni
ANNEX
ANNESS
L-Annessi I u III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE huma emendati kif ġej:
(1) It-tabella stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/472/UE hija emendata kif ġej:
(1)
(a) il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata taċ-Ċilì: GB Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
(2) It-tabella stabbilita fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2010/472/UE hija emendata kif ġej:
(2)
(a) il-linja li ġejja tiddaħħal wara l-entrata taċ-Ċilì: GB Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq