Gelex

Regolament Tal-Kummissjoni (UE) 2019/1870 tas-7 ta’ Novembru 2019 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 fir-rigward tal-livelli massimi ta’ aċidu eruċiku u ċjanur tal-idroġenu f’ċerti oġġetti tal-ikel (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2019-11-07from 2019-11-28
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/1870@2019-11-07/mt

Contents
  1. Preamble
  2. ANNEX
  3. ANNESS I
  4. ANNESS II

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel, u b’mod partikolari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 jiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel, inkluż l-aċidu eruċiku f’ċerti oġġetti tal-ikel.

(2) Fl-21 ta’ Settembru 2016, il-Bord dwar Kontaminanti fil-Katina tal-Ikel (CONTAM) tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adotta opinjoni xjentifika dwar l-aċidu eruċiku fl-għalf u fl-ikel. L-EFSA stabbiliet doża tollerabbli ta’ kuljum (TDI) ta’ 7 mg/kg ta’ piż tal-ġisem (bw) kuljum għall-aċidu eruċiku. L-ogħla livelli ta’ esponiment dijetetiku ġew osservati fit-trabi u fi tfal oħra b’livelli ta’ esponiment ogħla mit-TDI. Dan jista’ jindika riskju għall-individwi ta’ età żgħira b’esponiment għoli għall-aċidu eruċiku.

(3) Id-data dwar il-preżenza tal-aċidu eruċiku fiż-żjut u fix-xaħmijiet tindika li għall-biċċa l-kbira taż-żjut u tax-xaħmijiet veġetali, jistgħu jinkisbu livelli aktar baxxi permezz tal-applikazzjoni ta’ prattiki tajbin, eż. billi jintużaw varjetajiet b’livell baxx ta’ aċidu eruċiku. Għaldaqstant, huwa xieraq li jitnaqqas il-livell massimu għaż-żjut veġetali, bl-eċċezzjoni taż-żejt tal-camelina, taż-żejt tal-mustarda u taż-żejt tal-fidloqqom, sal-livell stabbilit mill-Codex Alimentarius għaż-żejt tal-kolza b’livell ta’ aċidu eruċiku baxx.

(4) Għaż-żejt tal-camelina, għaż-żejt tal-mustarda u għaż-żejt tal-fidloqqom ġiet ipprovduta evidenza li turi li mhuwiex possibbli li jintlaħqu livelli aktar baxxi permezz tal-applikazzjoni ta’ prattiki tajba peress li għal dawn l-ispeċijiet m’hemm l-ebda varjetà li minnha jiġu estratti ż-żjut veġetali minn dawn il-pjanti li fiha livelli ta’ aċidu eruċiku aktar baxxi mil-livell massimu propost għaż-żjut veġetali l-oħra. Għaldaqstant u peress li dawn iż-żjut huma ta’ inqas importanza għall-esponiment tal-bniedem minn żjut veġetali oħra, il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fiż-żejt tal-camelina, fiż-żejt tal-mustarda u fiż-żejt tal-fidloqqom jenħtieġ li jibqa’ l-istess. Barra minn hekk, sabiex jiġi evitat l-għeluq ta’ intrapriżi żgħar u mikro f’ċerti Stati Membri, huwa xieraq li ż-żejt tal-mustarda prodott u kkunsmat lokalment fi kwantitajiet żgħar jiġi eżentat mill-applikazzjoni tal-livell massimu, bl-aċċettazzjoni tal-awtorità kompetenti.

(5) Peress li l-livell massimu għaż-żjut u x-xaħmijiet veġetali japplika wkoll għaż-żjut veġetali użati bħala ingredjent fl-ikel, m’hemmx bżonn li jiġi stabbilit livell massimu għall-aċidu eruċiku f’ikel li fih żjut u xaħmijiet veġetali miżjuda.

(6) Minħabba l-konċentrazzjoni għolja ta’ aċidu eruċiku fil-mustarda hemm riskju ta’ esponiment sinifikanti għall-aċidu eruċiku permezz tal-konsum tal-mustarda. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi stabbilit livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-mustarda.

(7) Il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-formuli tat-trabi u fil-formuli tal-prosegwiment diġà ġie stabbilit bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-livell massimu ta’ aċidu eruċiku fil-formuli tat-trabi u fil-formuli tal-prosegwiment li ġie stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jenħtieġ li jitħassar.

(8) Fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1237, ma hemm l-ebda unità ta’ kejl stabbilita għal-livell massimu ta’ ċjanur tal-idroġenu. Għaldaqstant, huwa xieraq li dan l-iżball jiġi kkoreġut sabiex tiġi pprovduta ċertezza legali.

(9) Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq.

(10) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat skont l-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2 L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa kkoreġut skont l-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 3 L-oġġetti tal-ikel elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li tqiegħdu fis-suq legalment qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jistgħu jibqgħu fis-suq sad-data ta’ durabbiltà minima jew sad-data ta’ skadenza tagħhom.

Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker

ANNEX

ANNESS I

Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, l-entrata 8.1 hija sostitwita b’dan li ġej: Oġġetti tal-Ikel Livell massimu (g/kg) 8.1 Aċidu eruċiku, inkluż aċidu eruċiku magħqud fix-xaħam 8.1.1 Żjut u xaħmijiet veġetali mqiegħda fis-suq għall-konsumatur finali jew għall-użu bħala ingredjent fl-ikel bl-eċċezzjoni taż-żejt tal-camelina, taż-żejt tal-mustarda u taż-żejt tal-fidloqqom 20.0 8.1.2. Żejt tal-camelina, żejt tal-mustarda u żejt tal-fidloqqom 50.0 8.1.3. Mustarda (kondiment) 35.0

ANNESS II

Fit-Taqsima 8 tal-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1881/2006, l-entrata 8.3 hija sostitwita b’dan li ġej: Oġġetti tal-Ikel (1) Livell massimu (mg/kg) 8.3 Ċjanur tal-idroġenu, inkluż ċjanur tal-idroġenu magħqud fi glikosidi ċjanoġeniċi 8.3.1 Lewż tal-berquq mhux ipproċessat sħiħ, mitħun, ikkrekkjat u mqatta’, imqiegħed fis-suq għall-konsumatur finali 20.0

Versions

  1. 2019-11-07