Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2019/2002 tat-28 ta’ Novembru 2019 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni għall-Bulgarija biex tkompli tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri sa tmiem l-2023 (notifikata bid-dokument C(2019) 8590) (It-test bil-Bulgaru biss huwa awtentiku)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/2002@2019-11-28/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud, u b’mod partikulari t-tieni inċiż tal-Artikolu 6(3) tiegħu,
Wara li kkonsultat lill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 390a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, il-Bulgarija tista’, skont il-kondizzjonijiet li japplikaw f’dak l-Istat Membru fid-data tal-adeżjoni tiegħu, tkompli teżenta t-trasport internazzjonali tal-passiġġieri, kif imsemmi fil-punt 10 tal-Parti B tal-Anness X ta’ dik id-Direttiva, sakemm l-istess eżenzjoni tapplika fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri li kienu membri tal-Komunità fil-31 ta’ Diċembru 2006. Skont dak l-Artikolu, dawk it-tranżazzjonijiet iridu jitqiesu għad-determinazzjoni tal-bażi tar-riżorsi proprji tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).
(2) Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/4/UE , Euratom, il-Bulgarija ġiet awtorizzata biex fost l-oħrajn tuża estimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri kif imsemmi fil-punt 10 tal-parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE għall-finijiet tal-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2018.
(3) Fl-ittra tagħha tal-4 ta’ April 2019, il-Bulgarija talbet awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni biex tkompli tuża ċerti estimi approssimattivi għall-kalkolu tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT. Il-Bulgarija ma tistax tagħmel il-kalkolu preċiż tal-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-punt 10 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri. Kalkolu bħal dan x’aktarx li jinvolvi piż amministrattiv mhux ġustifikat meta wieħed iqis l-effett ta’ dawn it-tranżazzjonijet fuq il-bażi totali tal-Bulgarija tar-riżorsi proprji tal-VAT. Il-Bulgarija hi fil-pożizzjoni li tagħmel kalkolu billi tuża stimi approssimattivi għal din il-kategorija ta’ tranżazzjonijiet. Għalhekk jenħtieġ li l-Bulgarija tkun awtorizzata tkompli tikkalkula l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT billi tuża stimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri.
(4) Għal fini ta’ trasparenza u ċertezza legali huwa xieraq li jkun hemm limitu ta’ żmien għall-applikabbiltà tal-awtorizzazzjonijiet.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Biex tiġi kkalkulata l-bażi tar-riżorsi proprji tal-VAT mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2023, il-Bulgarija hija awtorizzata li tuża stimi approssimattivi fir-rigward tat-trasport internazzjonali tal-passiġġieri kif imsemmi f’punt 10 tal-Parti B tal-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Bulgarija.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2019. Għall-Kummissjoni Günther Oettinger Membru tal-Kummissjoni