Gelex

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2140 tal-21 ta’ Ottubru 2019 dwar l-għajnuna mill-istat SA.52194 - 2019/C (ex 2018/FC) — Ir-Repubblika Slovakka — It-taxxa Slovakka fuq il-Fatturat tal-Ħwienet (notifikata bid-dokument C(2019) 7474) (It-test bis-Slovakk biss huwa awtentiku) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2019-10-21from 2019-12-13
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/2140@2019-10-21/mt

Contents
  1. Preamble
  2. (12)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 108(2)(1) tiegħu,

Billi: PROĊEDURA

(1) Fit-13 ta’ Diċembru 2018, ir-Repubblika Slovakka adottat l-Att dwar Taxxa Speċjali fuq il-Ktajjen ta’ Ħwienet (l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet), li introduċa taxxa fuq il-fatturat tal-ħwienet li jbiegħu ikel lill-konsumaturi (it-taxxa tal-ħwienet). L-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019. L-ewwel perjodu li matulu akkumulat it-taxxa kien bejn Jannar u Marzu 2019, bil-pagament tat-taxxa li kellu jsir sal-aħħar ta’ April2019.

(2) Il-Kummissjoni saret taf dwar it-taxxa tal-ħwienet minn informazzjoni tas-suq li hija rċeviet minn Ottubru 2018 ’il quddiem. Fil-21 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet ilment li allega li l-eżenzjonijiet skont l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet kien jammonta għal għajnuna mill-Istati lil ċerti ħwienet.

(3) Fil-11 ta’ Jannar 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra lir-Repubblika Slovakka li bija huma talbu informazzjoni dwar it-taxxa tal-ħwienet. Fit-22 ta’ Jannar 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni għaddew l-ilment lir-Repubblika Slovakka għal xi kummenti.

(4) Fis-7 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni rċeviet it-tweġiba tar-Repubblika Slovakka għall-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2019, kif ukoll il-kummenti tagħha dwar l-ilment.

(5) Fit-13 ta’ Frar 2019, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra lir-Repubblika Slovakka li fiha elenkaw l-opinjonijiet preliminari tagħhom dwar il-kwistjoni, billi infurmaw lir-Repubblika Slovakka li l-Kummissjoni qieset li toħroġ mandat ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, u tagħtiha l-opportunità li tippreżenta l-kummenti.

(6) Fil-5 ta’ Marzu 2019, ir-Repubblika Slovakka ppreżentat it-tweġiba tagħha għall-ittra tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Frar 2019.

(7) Permezz tal-ittra tat-2 ta’ April 2019, il-Kummissjoni infurmat lir-Repubblika Slovakka li hija ddeċidiet li tibda l-proċedura kif stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) fir-rigward tal-miżura introdotta mill-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet (id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ). Il-Kummissjoni talbet ukoll is-sospensjoni immedjata tal-miżura skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589.

(8) Id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar il-miżura ta’ għajnuna.

(9) Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat il-kummenti għad-Deċiżjoni ta’ Ftuħ permezz tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2019 u infurmat lill-Kummissjoni li l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet tħassar.

(10) Fid-29 ta’ Mejju 2019, wara l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Slovakka fit-13 ta’ Mejju 2019, is-servizz tal-Kummissjoni bagħtu ittra lir-Repubblika Slovakka li fiha talbu għal aktar informazzjoni dwar l-istatus legali tal-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet. Ir-Repubblika Slovakka ppreżentat it-tweġiba tagħha lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Ġunju 2019.

(11) Il-Kummissjoni ma rċevietx kummenti dwar id-Deċiżjoni ta’ Ftuħ mill-partijiet interessati.

DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA

(12) L-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet introduċa taxxa bil-karatteristiċi prinċipali li ġejjin:

(12)

(a) it-taxxa ta’ 2,5 % tapplika fuq il-fatturat kollu kemm hu tal-ħwienet li jbiegħu l-ikel (inkluż il-fatturat li jkun ġej mill-bejgħ ta’ prodotti li mhumiex ikel);

(b) jekk mill-inqas 25 % tal-fatturat tagħhom ikun iġġenerat mill-bejgħ tal-ikel lill-konsumaturi;

(c) jekk joperaw f’mill-inqas 15 % tad-distretti amministrattivi Slovakki kollha;

(d) il-membri/affiljati ta’ franchises u alleanzi tal-kummerċ huma ttrattati bħala taxpayers distinti biex ikunu rrispettati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-taxxa tal-ħwienet;

(e) il-ħwienet ġejjin huma eżentati mit-taxxa:

(e)

1. intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kif definiti fir-Regolament (UE) Nru 651/2014;

2. faċilitajiet tal-catering tal-massa;

3. ħwienet li huma produtturi tal-ikel (jew affiljati ma’ produtturi tal-ikel) b’mill-inqas 80 % tal-fatturat nett tagħhom li jkun ġej mill-bejgħ lill-konsumaturi tal-ikel li huma jipproduċu,

4. ħwienet fejn mill-inqas 80 % tal-fatturat tagħhom joriġina mill-bejgħ tal-ikel ta’ kategorija waħda,

5. ħwienet li għalihom it-taxxa dovuta ma taqbiżx il-EUR 5000 kull tliet xhur;

(f) il-bażi tat-taxxa ma jinkludix il-fatturat nett tal-ħwienet li jinsabu:

(f)

1. fid-distretti l-inqas żviluppati fis-Slovakkja u li għandhom massimu ta’ 10 impjegati,

2. muniċipalitajiet fejn ma hemmx aktar minn tliet stabbilimenti kummerċjali li jbiegħu l-ikel lill-konsumaturi.

(13) Skont l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet, il-Ministeru tal-Agrikoltura għandu juża d-dħul nett mit-taxxa tal-ħwienet, b’mod partikolari, biex jappoġġa lill-agrikoltura u s-setturi tal-ikel. Id-dħul nett jkun id-differenza bejn (a) it-taxxa fuq id-dħul tal-ħanut u (b) l-ammont ta’ tnaqqis mit-taxxa tal-dħul korporattiva minħabba t-tnaqqis tat-taxxa tal-ħwienet.

TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI

(14) Permezz tal-ittra tat-13 ta’ Mejju 2019, ir-Repubblika Slovakka infurmat lill-Kummissjoni li l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet kien tħassar permezz tal-Att Nru 88/2019 tad-9 ta’ April 2019 (l-Att dwar it-Tħassir tal-Liġi) (ara l-premessa 9 hawn fuq). Għalhekk, ir-Repubblika Slovakka esprimiet il-pożizzjoni tagħha li l-investigazzjoni formali li għamlet il-Kummissjoni ma kinetx aktar relevanti.

(15) Bi tweġiba għal talba għal aktar informazzjoni, permezz tal-ittra tal-10 ta’ Ġunju 2019, ir-Repubblika Slovakka infurmat lill-Kummissjoni li l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet ma kienx imħassar b’effett retroattiv, billi prinċipju bażiku tas-saltna tad-dritt fir-Repubblika Slovakka jipprojbixxi li leġiżlazzjoni tat-taxxa jkollha effett retroattiv. L-Att dwar it-Tħassir tal-Liġi dwar fis-seħħ fid-9 ta’ April 2019, u l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet tħassar minn din id-data.

(16) Barra minn hekk, b’talba mis-servizzi tal-Kummissjoni, ir-Repubblika Slovakka sostniet li l-entitajiet li għalihom kien japplika l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet li tħassar matul il-perjodu meta kien fis-seħħ ma kellhom ebda obbligu li jħallsu t-taxxa tal-ħwienet u li r-Repubblika Slovakka ma kinetx legalment intitolata li tinforza l-pagament tat-taxxa tal-ħwienet. Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Slovakka kkonfermat li ebda entità ma għamlet pagament tat-taxxa tal-ħwienet.

(17) Għalhekk, skont l-informazzjoni ppreżentata mir-Repubblika Slovakka, l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet kien tħassar u ma jirriżultax li kien hemm xi pagament tat-taxxa jew xi obbligu tat-taxxa għall-perjodu li matulu l-Att kien fis-seħħ.

(18) Fid-dawl tat-tħassir tal-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet mir-Repubblika Slovakka, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali mibdija fir-rigward tal-miżura ta’ għajnuna skont dan l-att saret bla skop.

KONKLUŻJONI

(19) Il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE saret bla skop minħabba t-tħassir tal-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet mir-Repubblika Slovakka u jenħtieġ li tingħalaq,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Minħabba t-tħassir tal-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet mir-Repubblika Slovakka, il-proċedura tal-investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li nbdiet fit-2 ta’ April 2019, fir-rigward il-miżura ta’ għajnuna skont l-Att dwar it-Taxxa tal-Ħwienet saret bla skop u hija magħluqa.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2019. Għall-Kummissjoni, Margrethe Vestager Membru tal-Kummissjoni

Versions

  1. 2019-10-21