Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306 tat-18 ta' Frar 2019 li tawtorizza lill-Awstrija taċċetta, fl-interess tal-Unjoni Ewropea, l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/306@2019-02-18/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(3), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) L-Unjoni Ewropea stabbilixxiet bħala wieħed mill-għanijiet tagħha l-promozzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-minuri, kif iddikjarat fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Il-miżuri għall-protezzjoni tal-minuri kontra t-teħid jew żamma illeċiti huma parti essenzjali minn dik il-politika.
(2) Il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (ir-Regolament Brussell IIa), li għandu l-għan li jħares lill-minuri mill-effetti dannużi tat-teħid jew taż-żamma b'mod illeċitu u li jistabbilixxi proċeduri biex jiżgura r-ritorn rapidu tagħhom lejn l-Istat tar-residenza abitwali tagħhom, kif ukoll li jiżgura l-ħarsien tad-drittijiet tal-aċċess u tad-drittijiet tal-kustodja.
(3) Ir-Regolament Brussell IIa jikkumplimenta u jirrinforza l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri (il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980) li tistabbilixxi, fil-livell internazzjonali, sistema ta' obbligi u kooperazzjoni fost l-Istati kontraenti u bejn l-awtoritajiet ċentrali u għandha l-għan li tiżgura r-ritorn minnufih ta' tfal li jittieħdu jew jinżammu b'mod illeċitu.
(4) L-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.
(5) L-Unjoni tinkoraġġixxi lil Stati terzi biex jaċċedu għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u tappoġġa l-implimentazzjoni korretta tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 billi tieħu sehem, flimkien mal-Istati Membri, fost oħrajn, fil-kummissjonijiet speċjali organizzati fuq bażi regolari mill-Konferenza tal-Aja dwar id-dritt internazzjonali privat.
(6) Qafas legali komuni applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u Stati terzi jista' jkun l-aħjar soluzzjoni għal każijiet sensittivi ta' ħtif internazzjonali ta' minuri.
(7) Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 tistipula li hija tapplika bejn l-Istat aderenti u dawk l-Istati kontraenti li jkunu ddikjaraw li aċċettaw l-adeżjoni.
(8) Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma tippermettix li organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni jsiru partijiet għaliha. Għalhekk, l-Unjoni la tista' taderixxi ma' dik il-Konvenzjoni, u lanqas ma tista' tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ta' Stat aderenti.
(9) Skont l-Opinjoni 1/13 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni skont il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 huma parti mill-kompetenza esklużiva esterna tal-Unjoni.
(10) L-Ekwador iddepożitat l-istrument tal-adeżjoni tagħha mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-22 ta' Jannar 1992. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ fl-Ekwador, fl-1 ta' April 1992.
(11) L-Istati Membri kkonċernati kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija u d-Danimarka, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. L-Ekwador aċċettat l-adeżjoni tal-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ekwador wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Ekwador skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.
(12) L-Ukrajna ddepożitat l-istrument tagħha tal-adeżjoni mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fit-2 ta' Ġunju 2006. Il-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 daħlet fis-seħħ għall-Ukrajna, fl-1 ta' Settembru 2006.
(13) L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Awstrija u d-Danimarka, diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980. Il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna wasslet għall-konklużjoni li l-Awstrija tinsab f'pożizzjoni li taċċetta, fl-interess tal-Unjoni, l-adeżjoni tal-Ukrajna skont it-termini tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980.
(14) Għalhekk jenħtieġ li l-Awstrija tiġi awtorizzata tiddepożita d-dikjarazzjonijiet tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni skont it-termini stipulati f'din id-Deċiżjoni. L-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni li diġà aċċettaw l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 ma għandhomx jiddepożitaw dikjarazzjonijiet ġodda ta' aċċettazzjoni billi d-dikjarazzjonijiet eżistenti jibqgħu validi skont id-dritt internazzjonali pubbliku.
(15) Ir-Renju Unit u l-Irlanda huma marbutin bir-Regolament Brussell IIa u qed jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
(16) B'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Awstrija hija b'dan awtorizzata li taċċetta l-adeżjoni tal-Ekwador u tal-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 fl-interess tal-Unjoni.
2. L-Awstrija għandha, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Frar 2020, tiddepożita dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980, fl-interess tal-Unjoni, li għandha tkun ifformulata kif ġej: [L-isem sħiħ tal-ISTAT MEMBRU] jiddikjara li jaċċetta l-adeżjoni tal-Ekwador mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta' Ottubru 1980 dwar l-Aspetti Ċivili tal-Ħtif Internazzjonali ta' Minuri, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/306.
3. L-Awstrija għandha tgħarraf lill-Kunsill u lill-Kummissjoni bid-depożitu tad-dikjarazzjoni tagħha ta' aċċettazzjoni tal-adeżjoni tal-Ekwador u l-Ukrajna mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1980 u għandha tikkomunika t-test ta' dik id-dikjarazzjoni lill-Kummissjoni fi żmien xahrejn mid-depożitu tagħha.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Awstrija.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Frar 2019. Għall-Kunsill Il-President N. Bădălău