Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/528 tas-6 ta' Novembru 2018 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/528@2018-11-06/mt
Contents
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 186, flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) Id-Deċiżjoni (UE) 2017/1324 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprevedi l-parteċipazzjoni tal-Unjoni fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) li jipparteċipaw fiha b'mod konġunt diversi Stati Membri.
(2) Ir-Renju tal-Marokk (il-Marokk) esprima x-xewqa tiegħu li jissieħeb fi PRIMA bħala Stat Parteċipant u li jkun fl-istess livell tal-Istati Membri u tal-pajjiżi terzi assoċjati mal-programm Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) - li jipparteċipaw fi PRIMA.
(3) Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2017/1324, il-Marokk isir Stat Parteċipant fi PRIMA soġġett għall-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Unjoni li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Marokk fi PRIMA.
(4) F' b'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill(UE) 2018/639, il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) (il-Ftehim) ġie ffirmat fl-10 ta' April 2018, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.
(5) Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk li jistabbilixxi t-termini u l-kondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tar-Renju tal-Marokk fis-Sħubija fir-Riċerka u l-Innovazzjoni fiż-Żona tal-Mediterran (PRIMA) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.
Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill għandu, f'isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 5(2) tal-Ftehim.
Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Novembru 2018. Għall-Kunsill Il-President H. Löger