Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/676 tad-29 ta' April 2019 li japprova s-sustanza attiva b'riskju baxx ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/676@2019-04-29/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, u b'mod partikolari l-Artikolu 22(1) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fl-1 ta' April 2016 it-Task Force ABE-IT 56 ippreżentat lil Franza applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas- Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623) (minn hawn 'il quddiem ABE-IT 56).
(2) F'konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, Franza, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni fil-25 ta' Mejju 2016.
(3) Fl-20 ta' Ġunju 2017, l-Istat Membru relatur ippreżenta abbozz ta' rapport ta' valutazzjoni lill-Kummissjoni, b'kopja lill-Awtorità, li fih ġie vvalutat jekk dik is-sustanza attiva hix mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(4) L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F'konformità mal-Artikolu 12(3) ta' dak ir-Regolament, hi talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. F'Mejju 2018 il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta' abbozz aġġornat tar-rapport ta' valutazzjoni.
(5) Fis-26 ta' Lulju 2018, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jekk is-sustanza attiva ABE-IT 56 hix mistennija li tissodisfa l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.
(6) Fit-23 ta' Ottubru 2018 il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ir-rapport ta' rieżami għall-ABE-IT 56 u fit-22 ta' Marzu 2019 abbozz ta' Regolament li jipprevedi l-approvazzjoni tal-ABE-IT 56.
(7) L-applikant ingħata l-possibbiltà li jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta' rieżami.
(8) Ġie stabbilit li l-kriterji ta' approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta' użu rappreżentattiv wieħed jew aktar, ta' mill-anqas prodott wieħed għall-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, u b'mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta' rieżami. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi approvata l-ABE-IT 56.
(9) Il-Kummissjoni tikkunsidra wkoll li l-ABE-IT 56 hija sustanza attiva b'riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-ABE-IT 56 mhijiex sustanza ta' tħassib u tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-ABE-IT 56 hija prodott ta' frazzjonament tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623. Is-Saccharomyces cerevisiae hija l-ħmira l-aktar użata fil-produzzjoni industrijali/kummerċjali tal-ikel u tax-xorb u tinsab kullimkien fl-ambjent. Mhijiex patoġenika għall-bnedmin jew għall-annimali, u lanqas mhi infettiva għall-bnedmin. Din ġeneralment isseħħ b'mod naturali u ma tikkostitwixxi riskju distint għall-ebda kompartiment ambjentali.
(10) Għalhekk huwa xieraq li l-ABE-IT 56 tiġi approvata bħala sustanza b'riskju baxx għal perjodu ta' 15-il sena.
(11) F'konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(12) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Approvazzjoni tas-sustanza attiva
Is-sustanza attiva ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.
Artikolu 2 Emendi għar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 3 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-29 ta' April 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker
ANNEX
ANNESS I
Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni Isem IUPAC Purità Data tal-approvazzjoni Skadenza tal-approvazzjoni Dispożizzjonijiet speċifiċi L-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623) Mhux applikabbli 1000 g/kg (sustanza attiva) L-20 ta' Mejju 2019 L-20 ta' Mejju 2034 Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar l-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.
ANNESS II
Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-entrata li ġejja: Numru Isem Komuni, Numri ta' Identifikazzjoni Isem IUPAC Purità Data tal-approvazzjoni Skadenza tal-approvazzjoni Dispożizzjonijiet speċifiċi 16 L-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623) Mhux Applikabbli 1000 g/kg (sustanza attiva) L-20 ta' Mejju 2019 L-20 ta' Mejju 2034 Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmija fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar l-ABE-IT 56 (il-komponenti tal-liżat tas-Saccharomyces cerevisiae tar-razza DDSF623), u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.