Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/767 tal-31 ta' Lulju 2018 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.36511 2014/C (ex 2013/NN) implimentata minn Franza permezz tal-limitu massimu tas-CSPE (notifikata bid-dokument C(2018) 4975) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/767@2018-07-31/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li l-partijiet interessati ġew mistiedna jressqu l-kummenti tagħhom skont dawn l-Artikoli u wara li ġew ikkunsidrati dawn il-kummenti,
Billi: PROĊEDURA
(1) Wara kuntatti preliminari fl-2013 bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u Franza, fil-11 ta' Ottubru 2013 din innotifikat l-iskema tagħha ta' appoġġ għall-elettriku eoliku fuq l-art li f'dik id-data kien iffinanzjat minn taxxa fuq l-elettriku msejħa kontribuzzjoni għas-servizz pubbliku tal-elettriku jew CSPE.
(2) Peress li l-iskema kienet diġà fis-seħħ meta saret in-notifika, il-fajl ġie ttrasferit fir-Reġistru tal-għajnuna mhux innotifikata fid-29 ta' Novembru 2013.
(3) Permezz tal-ittra tas-27 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni informat lil Franza li hija ma kellha l-ebda oġġezzjoni kontra l-għajnuna għall-elettriku eoliku fuq l-art iżda kellha dubji dwar il-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis fis-CSPE mogħti lil dawk li jipproduċu l-elettriku għall-konsum personali (awtokonsumaturi), lill-konsumaturi l-kbar tal-elettriku u lill-konsumaturi li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Għalhekk, hija informat lil Franza dwar id-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tat-tnaqqis fis-CSPE.
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura (id-Deċiżjoni tal-ftuħ) ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-kummenti tagħhom dwar il-miżuri inkwistjoni u dwar l-applikazzjoni possibbli tal-Linji Gwida tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (il-Linji Gwida tal-2014) għat-tnaqqis tas-CSPE inkwistjoni.
(5) Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand ħames partijiet interessati: (i) Air Liquide, permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2014; (ii) EDF, permezz ta' ittra tas-17 ta' Novembru 2014; (ii) RATP, permezz ta' ittra tat-2 ta' Diċembru 2014; (iv) SNCF, permezz ta' ittra tat-3 ta' Diċembru 2014 u (v) l-Unjoni tal-Industriji li Jużaw l-Enerġija (Union des Industries Utilisatrices d'Energie — UNIDEN), permezz ta' ittra tat-3 ta' Novembru 2014. Dawn il-kummenti kienu jirrigwardaw l-ewwel nett l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, kif ukoll il-konformità tal-miżuri mat-TFUE minn naħa u mal-Linji Gwida tal-2014 min-naħa l-oħra.
(6) Franza bagħtet il-kummenti tagħha f'nota tal-5 ta' Mejju 2014, issupplimentata b'ittra datata t-22 ta' Ottubru 2015. F'din l-ittra, wara li fakkret it-tnaqqis differenti ta' CSPE, Franza argumentat li t-tnaqqis mis-CSPE mogħti lil dawk li jiġġeneraw l-elettriku għall-konsum personali ma kienx jikkostitwixxi għajnuna. Imbagħad ikkunsidrat li l-limitu tas-CSPE għal kull sit u l-limitu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud kienu kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
(7) Matul il-proċedura ta' investigazzjoni formali, il-Kummissjoni għamlet seba' talbiet għal informazzjoni bejn il-21 ta' Awwissu 2014 u s-27 ta' Ottubru 2017. Min-naħa tagħhom, l-awtoritajiet Franċiżi bagħtu ħdax-il nota u dokumenti ta' informazzjoni bejn is-7 ta' Mejju 2014 u t-12 ta' Diċembru 2017. Dawn l-iskambji ta' informazzjoni kienu jirrigwardaw (i) il-kjarifika tal-ammonti ta' CSPE imħallsa u t-tnaqqis mogħti lil ċerti tipi ta' benefiċjarji, (ii), il-kwalifika tal-miżuri bħala għajnuna mill-Istat u l-analiżi ġuridika tal-konformità tagħhom mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u (iii) il-preżentazzjoni ta' pjan ta' aġġustament, bl-għan li t-tnaqqis ta' CSPE mogħti jinġieb f'livelli kompatibbli mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat. L-ewwel proposta ta' pjan ta' aġġustament ġiet ippreżentata fin-nota tal-4 ta' Novembru 2014 u ffinalizzata permezz tan-nota tat-23 ta' Novembru 2017.
DESKRIZZJONI TAL-MIŻURI
(8) Din it-Taqsima tinkludi suċċessivament preżentazzjoni tas-CSPE u tat-tnaqqis ta' din il-kontribuzzjoni mogħti għall-perjodu 2003-2015, li huwa s-suġġett ta' din id-deċiżjoni.
Preżentazzjoni tas-CSPE
(9) Is-CSPE ġiet stabilita permezz tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u dwar is-servizz pubbliku tal-enerġija (il-Liġi Nru 2003-8). L-iskema deskritta f'din id-deċiżjoni hija dik ta' qabel ir-riforma tas-CSPE tal-2016, introdotta bil-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 tad-29 ta' Diċembru 2015 (LFR 2015).
(10) Is-CSPE hija ntiża biex tikkumpensa l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-ħlasijiet tas-servizz pubbliku tal-elettriku, imġarrba mill-fornituri stabbiliti tal-elettriku (EDF u l-impriżi lokali ta' distribuzzjoni). Dawn l-ispejjeż addizzjonali jirriżultaw prinċipalment mill-iffinanzjar ta' erba' tipi ta' politiki:
(10)
(a) dawn jirriżultaw primarjament mill-obbligu li għandha EDF jew l-impriżi ta' distribuzzjoni lokali (ELD) li jixtru l-elettriku mingħand ċerti tipi ta' impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (eolika, fotovoltajka, eċċ.). Dan il-komponent jirrappreżenta 39 fil-mija tas-CSPE miġbura fuq il-perjodu kollu kopert mill-miżuri, jiġifieri l-2003 sal-2015;
(b) dawn jikkorrispondu għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja, u jammontaw għal 25 % tas-CSPE miġbura fuq il-perjodu tal-2003 sal-2015. Fin-nota tagħha tal-20 ta' Diċembru 2016, Franza spjegat li s-CSPE kienet maħsuba biss biex tiffinanzja l-koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja. F'din in-nota, Franza ddikjarat li dan l-appoġġ kien disponibbli minn naħa f'arranġament ta' kuntratt ta' xiri stabbilit bejn l-1997 u l-2001 li jħallas lill-impjanti ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza enerġetika ta' aktar minn 65 fil-mija u min-naħa l-oħra bl-appoġġ mill-2013 lill-impjanti ta' koġenerazzjoni bil-gass naturali ta' effiċjenza għolja ta' aktar minn 12-il MW;
(c) huma l-konsegwenza tal-kumpens għall-ġeneraturi tal-elettriku fiż-żoni mhux interkonnessi (Korsika jew id-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), sabiex ma jġarrbux spejjeż ta' ġenerazzjoni ogħla, meta mqabbla mal-ispejjeż ta' produzzjoni mġarrba fi Franza u riflessi fil-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumatur aħħari, li huma orħos peress li jibbenefikaw mill-kost tal-enerġija nukleari. Dan il-komponent jirrappreżenta 31 fil-mija tat-total ta' CSPE miġbura fuq il-perjodu kollu ta' rapportar, jiġifieri l-2003 sal-2015; Din is-sistema ta' żamma tat-tariffi tal-elettriku f'Korsika u fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ekwivalenti għat-tariffi applikati fi Franza kontinentali hija magħrufa wkoll bħala l-Ugwalizzazzjoni tar-rati;
(d) tlieta fil-mija (3 %) minnhom huma ġġenerati mill-implimentazzjoni tat-tariffa soċjali msejħa prodott essenzjali, kif ukoll parti mill-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fl-iskema stabbilita għall-persuni f'sitwazzjoni prekarja.
(11) Il-Kummissjoni tinnota li, minbarra dawn il-politiki ffinanzjati mis-CSPE, hemm politiki oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, iżda f'ammonti iżgħar. Dawn il-miżuri jirrappreżentaw inqas minn 2 fil-mija tas-CSPE miġbura. Dawn jikkorrispondu prinċipalment:
(11)
(1) għall-appoġġ mogħti bejn l-2003 u l-2015 lill-impjanti ta' produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart domestiku. EDF u l-intrapriżi lokali ta' distribuzzjoni dak iż-żmien kienu obbligati jixtru elettriku prodott minn dawn l-impjanti b'rata stabbilita b'digriet ministerjali. L-ispejjeż addizzjonali mġarrba minn dawn l-operaturi kienu kkumpensati mis-CSPE. Franza qieset li s-sehem ta' enerġija rinnovabbli prodott minn dawn l-impjanti huwa ta' 50 fil-mija, skont ir-regoli dwar l-istatistika tal-enerġija tal-AIE u tal-Eurostat.
(2) għall-appoġġ lill-impjanti li jintużaw fis-sigħat intensivi u li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. Dawn l-impjanti jaħdmu prinċipalment bid-diżil u nbnew fid-disgħinijiet (1990s). Dawn jintużaw għal ftit sigħat skont il-ħtiġijiet tas-sistema elettrika.
(3) għall-appoġġ għal diversi miżuri (EUR 221 miljun matul il-perjodu tal-2003 u l-2015), jiġifieri l-ewwel nett il-finanzjament tal-hekk imsejħa kuntratti tal-enerġija garantita ntiżi biex jinkoraġġixxu l-produzzjoni indipendenti (impjanti ta' produzzjoni tal-elettriku b'qawwa ta' inqas minn 8000 kVA, impjanti maħluqa biex jużaw il-valur kalorifiku tal-iskart solidu), ippreżentati minn Franza bħala ta' użu sekondarju għas-servizz pubbliku tal-elettriku. It-tieni, il-finanzjament tal-kuntratti ma' diversi produtturi tal-kuntratti tax-xiri tal-produzzjoni tagħhom.
(12) Varjazzjonijiet fl-ammont ta' CSPE meħud - 2003/2015
L-Artikolu L121-7 tal-Kodiċi tal-Enerġija Franċiż jistipula li l-kumpens tal-ispejjeż attribwiti għall-missjonijiet ta' servizz pubbliku tal-elettriku huwa mħallas minn kontribuzzjonijiet dovuti mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju nazzjonali. Dawn il-komponenti, kollha f'daqqa, jirrappreżentaw spiża addizzjonali waħda għall-konsumaturi Franċiżi. Il-kontribuzzjoni titħallas mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku bi prorata tal-kWh (kilo watt fis-siegħa) ikkunsmati, inkluż minn dawk li jipproduċu l-elettriku għall-użu personali. Bejn l-2003 u l-2015, is-CSPE inbidlet b'dan il-mod: Sors: Rapport tal-Qorti tal-Awdituri 2017 (F'EUR/MWh) 2003 2004 2005 2006 2007 2008 2009 2010 2011 2012 2013 2014 2015 CSPE 3,0 3,3 4,5 4,5 4,5 4,5 4,5 4,5 9,0 10,5 13,5 16,5 19,5
(13) Il-kontribuzzjonijiet tal-konsumaturi finali eliġibbli, li eżerċitaw id-drittijiet mogħtija fl-Artikolu 22(III) tal-Liġi Nru 2000 - 108 tal-10 ta' Frar 2000 dwar l-immodernizzar u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku (iktar 'il quddiem il-Liġi Nru 2000-108), fornuti permezz tan-netwerk tat-trasport pubbliku jew min-netwerk ta' distribuzzjoni pubbliku, huma rkuprati mill-operatur inkarigat mill-immaniġġjar tan-netwerk li miegħu huma konnessi dawk il-konsumaturi, fil-forma ta' imposta addizzjonali fuq it-tariffi tal-użu tan-netwerk.
(14) Il-kontribuzzjonijiet rkuprati minn dan l-operatur jitħallsu lill-operaturi li jbatu l-ispejjeż ta' servizz pubbliku permezz tal-Caisse des Dépôts et Consignations (CDC). Is-CDC tħallas din il-kontribuzzjoni erba' darbiet fis-sena lill-operaturi li jbatu l-ispejjeż koperti mis-somom miġbura. Fl-1 ta' Jannar ta' kull sena, hija tħallas lill-Ombudsman nazzjonali tal-enerġija somma ugwali għall-ammont tal-baġit tiegħu.
(15) Is-CDC iżżomm kont ta' dawn it-tranżazzjonijiet differenti f'kont speċifiku. L-ispejjeż tal-ġestjoni sostnuti mill-Caisse huma deċiżi kull sena mill-Ministri responsabbli mill-ekonomija u mill-enerġija. Meta l-ammont tal-kontribuzzjonijiet miġbura ma jaqbilx mal-ammont ikkonstatat tal-ispejjeż tas-sena, l-aġġustament isir fis-sena ta' wara bl-ispejjeż dovuti għal din is-sena. Jekk is-somom dovuti ma jiġux irkuprati matul is-sena, huma jiżdiedu mal-ammont tal-ispejjeż tas-sena segwenti.
(16) Kull sena, il-Kummissjoni li tirregola l-enerġija (CRE) tevalwa l-operat tal-iskema dwar l-ispejjeż tas-servizz tal-pubbliku tal-elettriku koperti fir-rapport annwali tagħha. Id-Digriet Nru 2004-90 emendat (id-Digriet Nru 2004-90 tat-28 ta' Jannar 2004 dwar il-kumpens tal-ispejjeż ta' servizz pubbliku tal-elettriku) jorganizza l-operat tal-kumpens: kull sena, qabel il-15 ta' Ottubru, is-CRE tipproponi lill-Ministru responsabbli mill-enerġija l-ispejjeż provviżorji tas-sena segwenti kif ukoll il-kontribuzzjoni ta' unità għal kull kWh ikkunsmat fi Franza li permezz tagħha jiġu ffinanzjati l-ispejjeż. Il-proposta tas-CRE hija bbażata fuq id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż irreġistrati għas-sena preċedenti (N-1) u fuq id-dikjarazzjoni tal-ispejjeż proġettati għas-sena ta' wara (N+1). Id-dikjarazzjonijiet isiru mill-operaturi li jġorru l-ispejjeż. Kif spjegat fil-premessi 14 u 15, il-mekkaniżmu tal-irkupru huwa ċċentralizzat fil-livell tas-CDC.
(17) Is-CRE tivverifika l-ammont tal-ispejjeż irreġistrati. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mal-appoġġ lill-enerġiji rinnovabbli, dawn jikkorrispondu għad-differenza bejn l-ammont ta' appoġġ u l-prezz tas-suq miksub għall-bejgħ ta' din l-enerġija mill-operaturi obbligati. B'hekk, ir-referenza għall-prezz tas-suq isservi biex jiġi stabbilit l-ammont ta' kumpens. Is-CRE speċifikat il-metodu ta' determinazzjoni ta' dan il-prezz tas-suq. Dan ma jikkorrispondix għall-valur reali tas-suq li jkun kiseb l-operatur obbligat, iżda għal valur referenzjarju, stabbilit skont diversi parametri (prezz tas-suq terminali u prezz spot b'ponderazzjonijiet differenti skont is-setturi, prezz tas-suq matul il-ġimgħa, il-prezz tasl-saldu tad-differenzi), li jirriflettu kemm jista' jkun l-imġiba ta' attur tas-suq b'saħħtu sabiex l-operatur obbligat jingħata inċentiv għall-prestazzjoni.
(18) Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti mil-liġi, fil-każ ta' nuqqas jew ta' insuffiċjenza ta' ħlas tal-kontribuzzjoni fi żmien xahrejn mid-data li din tkun dovuta, is-CRE tibgħat ittra ta' tfakkira akkumpanjata minn penalità għad-dewmien li r-rata tagħha hija stabbilita għal 10 fil-mija tal-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta. Fl-aħħar nett, f'każ li l-kontribwent jonqos milli jħallas il-kontribuzzjonijiet stmati, il-Ministru responsabbli mill-enerġija joħroġ penali amministrativa skont il-kundizzjonijiet previsti f'dan l-Artikolu 41.
(19) Ammonti rkuprati mill-EDF taħt is-CSPE
Bejn l-2003 u l-2015, l-ammont ta' CSPE miġbura mill-operatur responsabbli għan-netwerk kien ta' EUR 36,9 biljun. Dan kien maqsum kif ġej: Sors: Nota mill-awtoritajiet Franċiżi lis-servizzi tal-Kummissjoni - 20 ta' Diċembru 2016 (EUR miljuni) ENR Koġenerazzjoni Ugwalizzazzjoni tar-rati Tariffi soċjali Oħrajn Total 2003 129 689 332 0 69 1219 2004 261 835 470 0 89 1655 2005 186 810 501 98 99 1694 2006 72 944 540 49 66 1671 2007 (5) 560 921 (12) 2 1466 2008 121 488 995 49 41 1694 2009 293 499 780 42 42 1656 2010 411 769 678 57 21 1936 2011 1231 784 767 32 68 2882 2012 1724 741 1063 70 29 3627 2013 2667 823 1462 134 60 5146 2014 3286 545 1495 251 46 5623 2015 4057 626 1618 304 58 6663 14433 9113 11622 1074 690 36932
(20) Bejn l-2003 u l-2015, il-kompożizzjoni tas-CSPE inbidlet b'dan il-mod: Varjazzjoni tas-CSPE -2003-2015 f'EUR biljun Oħrajn Tariffi soċjali Ugwalizzazzjoni tar-rati Koġenerazzjoni ENR 2015 2014 2013 2012 2011 2010 2009 2008 2007 2006 2005 2004 2003 Sors: Franza – nota tal-20 ta' Diċembru 2016
It-tnaqqis tas-CSPE
(21) Il-liġi tipprovdi għal tliet kategoriji ta' tnaqqis tas-CSPE għal ċerti konsumaturi. Dan it-tnaqqis huma kumulattiv u huwa ppreżentat hawn taħt:
(21)
(a) Għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, l-ammont massimu tal-kontribuzzjoni huwa ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud (VM) tal-impriża (Artikolu L. 121-21 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija);
(b) l-Artikolu L.121-12 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija mbagħad jillimita l-ammont tal-kontribuzzjoni dovuta għal kull sit ta' konsum għal EUR 627783 għall-konsumaturi finali. Dan il-limitu massimu kien jiġi aġġornat kull sena skont l-inflazzjoni sal-2013. Fl-2014 u fl-2015, il-limitu massimu żdied bl-istess rata tal-kontribuzzjoni unitarja, sa 5 fil-mija fis-sena;
(c) dawk li jipproduċu l-elettriku għall-użu individwali sa 240 GWh fis-sena u għal kull sit ta' produzzjoni jistgħu wkoll jibbenefikaw minn tnaqqis tas-CSPE (l-Artikolu L.121-11 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija).
(22) Bejn l-2003 u l-2015, dan it-tnaqqis differenti tas-CSPE, ħlief għall-impriżi tat-trasport, kien jammonta għal EUR 6,8 biljun u kien imqassam kif ġej: Valur miżjud Tqassim tat-tnaqqis mis-CSPE mogħti skont il-kategorija - 2003-2015 (EUR 6,8 biljun) Valur miżjud Sit Sit Awtokonsum Awtokonsum Sors: Franza – 15.11.2017
(23) Spjegazzjoni fid-dettall ta' dawn il-limiti massimi hija ppreżentata hawnhekk.
Limitu massimu tal-kontribuzzjoni ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud (Artikolu L.121-21 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija introdott mill-Artikolu 67 tal-Liġi Nru 2005-781 tat-13 ta' Lulju 2005 tal-programm li jistabbilixxi l-linji gwida tal-politika dwar l-enerġija)
(24) Il-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud li japplika għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 Gwh fis-sena, ġie stabbilit fl-2005 skont it-termini tal-Liġi Nru 2005-781 tat-13 ta' Lulju 2005 dwar il-programm li jistabbilixxi l-linji gwida tal-politika dwar l-enerġija u li effettivament ġie implimentat fl-2006.
(25) Franza indikat li l-għan ta' dan il-limitu massimu kien li tinżamm il-kompetittività tal-impriżi li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, li huma attivi prinċipalment fis-settur tal-metallurġija, tal-karta, tal-industrija kimika, eċċ., jiġifieri setturi esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali, speċjalment ta' dawk li l-konsum tagħhom jaqbeż is-7 GWh fis-sena, filwaqt li jiġi limitat, l-impatt tiegħu fuq il-kategoriji l-oħrajn ta' konsumaturi permezz tal-limitu ta' 7 GWh.
(26) Dan il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE jiġi ddikjarat lis-CRE li, wara li tivverifikah, tiddeċiedi li tirrimborża l-ammonti lura. Dawn l-ammonti jiġu rrimborżati biss ladarba l-valur miżjud tal-impriża jkun magħruf (jiġifieri l-aktar kmieni matul is-sena N+1, għal ammonti miġbuda fis-sena N).
(27) Franza indikat li, minn total ta' EUR 6,8 biljun fi tnaqqis mogħti bejn l-2003 u l-2015, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud kien jikkostitwixxi 69 fil-mija (EUR 4,7 biljun) tal-eżenzjonijiet totali. Skont l-informazzjoni mogħtija minn Franza, dan il-limitu massimu kien jirrigwarda total ta' 1636 impriża matul il-perjodu 2003-2015.
Il-limitu massimu tal-kontribuzzjoni għal kull sit (l-Artikolu L.121-12 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija u l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108)
(28) Dan il-limitu massimu ġie introdott meta nħolqot is-CSPE, permezz tal-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 kkwotata preċedentement (li emenda l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108). Huwa daħal fis-seħħ fl-2003. Il-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit inizjalment kien stabbilit għal EUR 500000. Dan il-limitu massimu mbagħad ittella' għal EUR 550000 skont l-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2010-1657 tad-29 ta' Diċembru 2010 dwar il-finanzi għall-2011. Dan l-Artikolu kien jipprovdi l-aġġornament ta' dan il-limitu massimu fi proporzjon ugwali għar-rata provviżorja tat-tkabbir tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur minbarra t-tabakk, assoċjat mal-abbozz tal-liġi dwar il-finanzi tas-sena. Fl-2013, il-Parlament iffissa dan il-limitu massimu għal EUR 569418 u adotta regola ġdida ta' aġġornament ta' dan il-limitu massimu, skont l-Artikolu 59 tal-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2013: imbagħad ġie aġġornat kull sena fi proporzjon ugwali għall-bidla fl-ammont tal-kontribuzzjoni tal-unità tas-CSPE, sa żieda ta' 5 fil-mija fis-sena. Fl-1 ta' Jannar 2015, kien jammonta għal EUR 627783.
(29) Il-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit huwa, skont Franza, il-varjazzjoni tal-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud iżda fil-livell ta' sit ta' konsum aktar milli fil-livell tal-kumpanija. Franza ċċarat ukoll li dan il-limitu massimu fil-livell ta' sit jippermetti li jiġu inklużi kumpaniji li jikkunsmaw ħafna elettriku fuq il-livell ta' sit, iżda madankollu ma jagħmlux użu intensiv mill-elettriku.
(30) Franza indikat li, minn total ta' EUR 6,8 biljun fi tnaqqis mogħti bejn l-2003 u l-2015, l-iffissar tal-limitu massimu tas-CSPE għal kull sit ammonta għal 29 fil-mija (EUR 2,0 biljun) ta' dan l-ammont. Skont Franza, 522 kumpanija bbenefikaw minn dan il-limitu massimu.
Il-limitu ta' eżenzjoni għal 240 GWh (l-Artikolu L.121-11 tal-Kodiċi dwar l-Enerġija u l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108)
(31) L-eżenzjoni għall-elettriku awtoġenerat tintiret mill-Fond tas-Servizz Pubbliku għall-Produzzjoni tal-Elettriku (FSPPE, skema ta' qabel is-CSPE). Dan il-Fond inħoloq permezz tal-Artikolu 5 tal-Liġi tal-10 ta' Frar 2000 dwar l-immodernizzar u l-iżvilupp tas-servizz pubbliku tal-elettriku. Kien iffinanzjat mill-produtturi, mill-fornituri tal-elettriku u mill-importaturi tal-elettriku u mill-produtturi tal-elettriku li jipproduċu l-elettriku għall-użu personali, lil hinn minn kwantità ta' elettriku prodotta fis-sena u stabbilita b'digriet. Fid-Digriet Nru 2001-1157 tas-6 ta' Diċembru 2001 dwar il-Fond tas-Servizz Pubbliku għall-Produzzjoni tal-Elettriku, meħud għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108, din il-kwantità kienet iffissata għal 240 GWh.
(32) Produttur tal-elettriku jista' għalhekk jibbenefika minn eżenzjoni mill-kontribuzzjoni skont l-ammont ta' kWh prodotti u kkunsmati minnu stess, sa massimu ta' 240 GWh għal kull sit ta' produzzjoni. Ma' dan l-istess produttur jista' jibbenefika minn din l-eżenzjoni konsumatur wieħed tal-istess sit, diment li n-numru ta' kWh eżentati minħabba konsum proprju u mibjugħa lil dan il-konsumatur ma jaqbiżx il-limitu tal-240 GWh għal kull sit ta' produzzjoni.
(33) Franza indikat li l-għan tal-eżenzjoni mogħtija għall-elettriku prodott għall-użu personali huwa li titbaxxa t-tassazzjoni tal-awtokonsumaturi li, meta jiffinanzjaw l-impjanti tagħhom stess, ikunu għażlu li ma jikkontribwixxux għall-politika nazzjonali dwar l-enerġija iżda lanqas li jibbenefikaw minnha.
(34) Din l-eżenzjoni daħlet fis-seħħ fl-2002. Hija nżammet meta nħolqot is-CSPE (minflok il-FSPPE) fl-2003, permezz tal-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8: L-elettriku prodott minn produttur għall-użu personali tiegħu jew mixtri għall-użu personali tiegħu minn konsumatur finali mingħand terz li jopera impjant ta' produzzjoni fuq is-sit ta' konsum jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kontribuzzjoni biss minn 240 miljun kilowatt fis-siegħa fis-sena u għal kull sit ta' produzzjoni.
(35) Franza ċċarat li fil-prattika din l-eżenzjoni kienet tirrigwarda essenzjalment siti industrijali li l-maġġoranza tagħhom għandhom impjanti ta' koġenerazzjoni (minbarra l-produzzjoni tal-elettriku), u li, barra minn hekk, l-individwi ma bbenefikawx minn din l-eżenzjoni.
(36) Fl-2011, 88 sit kienu bbenefikaw minn din l-eżenzjoni għall-konsum personali, għal volum eżentat ta' 11-il TWh. Barra minn hekk, fl-2012, fl-2013 u fl-2014 ġew eżentati rispettivament 94,8 TWh, 84,6 TWh u 87,4 TWh.
(37) Skont Franza, 88 sit ibbenefikaw minn din l-eżenzjoni fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2015. Din kienet tirrappreżenta madwar 2 fil-mija tat-tnaqqis totali mogħti, minn total ta' EUR 6,8 biljun.
L-ammont ta' tnaqqis tas-CSPE mogħti
(38) Matul il-perjodu kollu eżaminat, jiġifieri l-2003 sal-2015, it-tnaqqis tas-CSPE tela' għal EUR 6,8 biljun. It-tqassim ta' dan it-tnaqqis skont it-tip ġie ppreżentat fit-Taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3.
Il-benefiċjarji tal-miżuri
(39) Il-kumpaniji li jibbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE huma konsumaturi kbar tal-elettriku, li jaqgħu taħt madwar 227 settur, skont il-klassifikazzjoni NACE. L-oqsma ewlenin ta' attività li joperaw fihom huma l-metallurġija, l-industrija kimika u petrokimika, kumpaniji tal-gass, fabbriki tal-karti, l-industrija nukleari, l-ajrunawtika, il-produzzjoni elettronika, il-manifattura tal-karozzi, l-agroindustrija u t-trasport. Kumpanija tista' tibbenefika fl-istess ħin minn diversi kriterji ta' eżenzjoni.
(40) Dawn il-benefiċjarji tal-miżuri huma eliġibbli għall-applikazzjoni ta' wieħed jew aktar mil-limiti massimi tas-CSPE. Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, fil-perjodu kollu kkonċernat, l-2003 sal-2015, 1664 kumpanija bbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE mifruxa kif ġej: 1636 taħt il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE, 552 eliġibbli għal-limiti massimi tas-CSPE skont is-sit, 88 taħt l-eżenzjoni għall-konsum personali. Ċerti kumpaniji setgħu jakkumulaw diversi tipi ta' tnaqqis.
It-tul ta' żmien tal-miżuri u r-riforma tal-2016
(41) Is-CSPE ġiet introdotta fl-2003 L-ammont u t-tqassim tagħha ġew ippreżentati fit-Taqsimiet 2.2.1 sa 2.2.3.
(42) Fl-2015, hija ġiet sostitwita minn skema ġdida. Il-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 tad-29 ta' Diċembru 2015 (LFR 2015) introduċiet riforma fit-tassazzjoni fuq l-enerġija, li tirrigwarda b'mod partikolari l-finanzjament tal-ispejjeż ta' servizz pubbliku tal-elettriku u tal-gass. Għalhekk is-CSPE tneħħiet għall-konsum ta' wara l-31 ta' Diċembru 2015.
(43) Mill-1 ta' Jannar 2016, il-finanzjament tal-politiki, li qabel kien isir permezz tas-CSPE, qed isir mill-baġit tal-Istat.
L-esklużjoni tat-tnaqqis tas-CSPE mogħti lill-kumpaniji tat-trasport mill-kamp ta' applikazzjoni tad-deċiżjoni
(44) Minħabba l-qafas regolatorju speċifiku applikabbli għall-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju, it-tnaqqis tas-CSPE mogħti lill-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju huwa eskluż minn din il-proċedura u se jkun is-suġġett ta' deċiżjoni speċifika tal-Kummissjoni. Għaldaqstant huwa eskluż mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni.
(45) Għaldaqstant, l-ammont ta' tnaqqis tas-CSPE, indikat fit-Taqsima 2.2, ma jinkludix it-tnaqqis mogħti lill-kumpaniji tat-trasport ferrovjarju.
Deskrizzjoni tar-raġunijiet li għalihom ngħata bidu għall-proċedura
(46) Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, il-Kummissjoni qieset li l-miżuri kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern ma ntwerietx biżżejjed.
L-eżistenza ta' għajnuna
(47) Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti kien għajnuna mill-Istat.
(48) Inizjalment hija stmat li t-tnaqqis differenti tas-CSPE ipprovdut mil-liġi kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv għall-impriżi li jikkunsmaw l-enerġija tagħhom stess, għall-konsumaturi l-kbar tal-elettriku u għal dawk li jużaw l-elettriku b'mod intensiv: L-ewwel nett, l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-impriżi li jipproduċu l-elettriku li jużaw huma stess, kif spjegat fil-premessa 144 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ hija għajnuna selettiva. It-tieni nett, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-benefiċjarji ta' limitu tas-CSPE għal kull sit ingħataw vantaġġ, li fil-fatt ingħata biss lil ċerti setturi ekonomiċi. Fl-aħħar nett, il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud tas-CSPE jirrigwarda biss lill-kumpaniji industrijali li jaqbżu ċertu limitu ta' konsum, u jagħti għalhekk vantaġġ lil dawn il-kumpaniji wkoll.
(49) Imbagħad il-Kummissjoni osservat li l-vantaġġi li jirriżultaw mit-tnaqqis tas-CSPE kienu ffinanzjati minn riżorsi tal-Istat u kienu attribwibbli lill-Istat, bħas-CSPE. Peress li s-CSPE hija riżorsa tal-Istat, it-tnaqqis tas-CSPE huwa a fortiori rinunzja ta' riżorsi tal-Istat.
(50) Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni qieset ukoll li t-tnaqqis differenti tas-CSPE seta' jkollu impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u joħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni minħabba d-differenza fit-trattament bejn il-benefiċjarji tal-miżuri u l-kompetituri tagħhom, imċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw minnha.
Kompatibbiltà tal-għajnuna
(51) F'dak li jirrigwarda l-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern, il-Kummissjoni nnotat li fid-data tad-Deċiżjoni tal-ftuħ, is-CSPE la kienet taxxa ambjentali armonizzata skont il-punt 153 tal-LGPA, u lanqas taxxa ambjentali mhux armonizzata skont il-punt 151, moqri flimkien mal-punt 70(14) ta' dawn il-Linji Gwida tal-2008.
(52) F'dan ir-rigward, hija nnotat li l-bażi taxxabbli speċifika mhux bilfors kellha effett negattiv fuq l-ambjent, ladarba s-CSPE hija parzjalment dovuta fuq l-elettriku minn sorsi rinnovabbli. Għal din ir-raġuni din lanqas ma tista' titqies li għandha l-għan li tinkludi l-ispejjeż ambjentali fl-ammont tas-CSPE. Barra minn hekk, mhijiex maħsuba biex tiggwida lill-manifatturi jew lill-konsumaturi finali lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent. Għall-kuntrarju, tnaqqis tal-konsum iwassal għall-ħtieġa li tiżdied is-CSPE dovuta biex tkopri l-ispejjeż tal-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli. Għalhekk il-Kapitolu 4 tal-Linji Gwida tal-2008 ma japplikax.
(53) Madankollu l-Kummissjoni kkunsidrat li l-miżuri għat-tnaqqis tas-CSPE setgħu jkunu analizzati fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, waqt li stiednet lill-Franza tispeċifika d-dettalji tagħhom.
(54)(180)(181)
Il-Kummissjoni nnotat ukoll li kien għaddej il-proċess ta' reviżjoni tal-Linji Gwida tal-2008 u li l-abbozz tal-Linji Gwida tal-2014 kienu jinkludu l-punti li ġejjin: Il-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għalkemm imposti mhux immirat lejn esternalità negattiva u għalhekk ma għandu l-ebda effett ambjentali dirett. Madankollu, dan jista' jirriżulta fi prezzijiet ogħla tal-elettriku. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-elettriku tista' tkun espliċita permezz ta' tariffa speċifika li hija imposta fuq il-konsumaturi tal-elettriku b'żiedamal-prezz tal-elettriku jew indiretta permezz ta' kostijiet addizzjonali li jiffaċċjaw fornituri tal-elettriku minħabba l-obbligi biex jixtru enerġija rinnovabbli li huma sussegwentement jgħaddu lill-konsumaturi tagħhom, il-konsumaturi tal-elettriku. Eżempju tipiku hu x-xiri obbligatorju minn fornituri tal-elettriku ta' ċertu persentaġġ ta' enerġija rinnovabbli permezz ta' ċertifikati ħodor li għalihom il-fornitur mhuwiex ikkumpensat. Fil-prinċipju, il-konsumaturi kollha tal-enerġija għandhom iġorru l-kostijiet tal-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli. Madankollu, ċertu tnaqqis jista' jkun meħtieġ biex tiġi żgurata bażi suffiċjenti ta' finanzjament għall-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli(84). Sabiex jiġi evitat li l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli jitpoġġew f'sitwazzjoni kompetittiva diffiċli, l-Istati Membri jista' jkollhom ix-xewqa li jagħtu kumpens parzjali għal kostijiet addizzjonali sabiex jiffaċilitaw il-finanzjament ġenerali ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli u jiġi evitat rilaxx tal-karbonju. Mingħajr ebda kumpens lill-impriżi partikolarment affettwati, l-aċċettazzjoni pubblika għat-twaqqif ta' mizuri ta' appoġġ ambizzjużi għall-enerġija rinnovabbli se tkun limitata. Min-naħa l-oħra, jekk tali kumpens ikun għoli wisq jew mogħti lil ħafna konsumaturi tal-elettriku, l-aċċettazzjoni pubblika għal appoġġ għall-enerġija rinnovabbli tista' tkun ugwalment imxekkla.
(55) Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li l-abbozz tal-Linji Gwida tal-2014 (il-punt 229) kien jipprovdi li l-għajnuna mogħtija fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-finanzjament għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli kienet se tiġi vvalutata skont il-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna ambjentali u tal-enerġija, ladarba dawn jiġu adottati (anki jekk l-għajnuna tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2014).
(56) Peress li Franza pprovdiet ftit li xejn informazzjoni dwar l-għan tat-tnaqqis u l-ġustifikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni esprimiet ukoll dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern. Għaldaqstant hija stiednet lil Franza tispjega: (i) l-għan ta' interess komuni li għandha l-miżura, (ii) l-adegwatezza tagħha, (iii) l-effett ta' inċentiv tagħha, (iv) il-prevenzjoni suffiċjenti tal-effetti negattivi u mhux mixtieqa tagħha fuq il-kummerċ.
(57) Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha l-Kummissjoni kkunsidrat għalhekk li Franza ma kinitx iġġustifikat biżżejjed il-kompatibbiltà tal-miżuri ta' tnaqqis tas-CSPE għal ċerti benefiċjarji mas-suq intern.
L-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-2014
(58) Il-Linji Gwida tal-2014 daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2014. Huma jinkludu Taqsima 3.7.2 ġdida dwar l-Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli.
(59) Din it-taqsima tirrikonoxxi, l-ewwel nett, li l-ħlasijiet miġbura għall-finanzjament tal-politiki dwar l-enerġija m'għandhomx effett ambjentali dirett u m'humiex taxxi ambjentali fis-sens strett tal-kelma, li għandhom l-għan li jżidu l-kostijiet ta' mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent. Madankollu jistgħu jikkontribwixxu b'mod indirett għall-protezzjoni tal-ambjent billi jippermettu l-finanzjament tal-iskemi ta' appoġġ għall-protezzjoni tal-ambjent.
(60) It-tieni nett, dawn il-Linji Gwida jinnotaw li, f'ċerti każijiet, is-sistema ta' finanzjament ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ permezz ta' taxxa fuq l-elettriku hija konċepibbli biss jekk il-kumpaniji kkonċernati b'mod partikolari mill-ispejjeż relatati mal-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, jistgħu jibbenefikaw mit-tnaqqis.
(61) It-tielet, dawn il-Linji Gwida jistabbilixxu l-livelli ta' tnaqqis meqjusa aċċettabbli biex il-miżuri ta' appoġġ jibqgħu finanzjarjament aċċettabbli u jevitaw riport ta' piż sinifikanti wisq fuq il-konsumaturi l-oħrajn.
(62) Fl-aħħar nett, it-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 tipprovdi l-possibbiltà li jiġi adottat pjan ta' aġġustament biex il-livelli ta' tnaqqis previsti minn miżura nazzjonali jikkonverġu gradwalment lejn livelli ta' tnaqqis kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Linji Gwida u proporzjonati għar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI
(63) Apparti l-kumpaniji tat-trasport, li ġew indirizzati b'mod separat, id-Deċiżjoni tal-ftuħ irċeviet il-kummenti li ġejjin.
EDF
(64) EDF bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2014. Skont dan il-Grupp, l-eżenzjonijiet li rċieva kienu jirrigwardaw kważi […] fil-mija tal-konsum tal-elettriku kkunsmat minnu stess bl-għan li jipproduċi elettriku injettat fin-netwerk pubbliku. Skont EDF, dan il-konsum proprju jirrigwarda, minn naħa, l-elettriku kkunsmat mit-tagħmir awżiljarju tal-impjanti, u min-naħa l-oħra dak tal-istazzjonijiet ta' trasferiment ta' enerġija permezz tal-pompi fl-impjanti idroelettriċi, fornit f'dan il-każ miċ-ċentrali nukleari.
(65) Il-Grupp iqis li dan il-konsum proprju għandu jibbenefika minn eżenzjoni totali tas-CSPE, minn naħa, skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, imsemmija fil-paragrafu 51, li l-Artikolu 14(1)(a) tagħha jipprovdi li l-Istati Membri jeżentaw mit-taxxa tas-sisa l-prodotti tal-enerġija kif ukoll l-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku jew biex tinżamm il-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku, u min-naħa l-oħra, skont id-deċiżjoni li tivvalida, taħt l-għajnuna mill-Istat, l-iskema Ġermaniża ta' ħlas addizzjonali tal-EEG stabbilita fil-Liġi EEG 2014.
(66) Barra minn hekk, EDF tenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza bejn is-sistemi ta' eżenzjoni mill-ispejjeż relatati mal-enerġija, bejn id-diversi Stati Membri, u li jiffavorixxu b'mod partikolari lill-industriji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Differenza fit-trattament ta' dawn l-eżenzjonijiet bejn l-Istati Membri tista' għalhekk iżżid id-diskrepanzi fil-kompetittività attwalment osservata fid-diversi swieq.
ALFI
(67) ALFI (Air Liquide France Industrie) bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fit-3 ta' Novembru 2014. Il-Grupp jenfasizza l-ewwel nett li l-ispejjeż imġarrba mill-Grupp għall-enerġija jirrappreżentaw […] sa […] fil-mija tal-ispejjeż ta' produzzjoni. It-tieni, ALFI issostni li żieda kbira ħafna fl-ispiża tal-elettriku tinkoraġġixxi l-internalizzazzjoni tal-produzzjoni tal-gass industrijali, mid-diversi industriji li jużawh (kimika, azzar, petrokimiċi, ħġieġ), iżda fuq skala iżgħar, li twassal għal żieda globali tal-konsum tal-enerġija.
(68) ALFI imbagħad targumenta li t-tnaqqis tas-CSPE iwassal għall-għoti ta' vantaġġ lill-benefiċjarji tiegħu. Skont dan il-Grupp, dan it-tnaqqis tas-CSPE sempliċiment jissodisfa missjoni ta' servizz pubbliku ta' provvista, u għalhekk ma jikkostitwixxix għajnuna, mingħajr ma jispeċifika eżattament il-bażi legali.
(69) Fl-aħħar nett, ALFI tqis li, mingħajr preġudizzju għan-nuqqas ta' għajnuna, kif spjegat fil-premessa preċedenti, dan it-tnaqqis ta' CSPE, f'każ li jikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, ikun kompatibbli mat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 li tirrikonoxxi, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kompatibbiltà ta' differenzjazzjoni u ta' tnaqqis immirat għall-benefiċċju tal-kumpaniji industrijali li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Għaldaqstant, xorta waħda jkun eskluż l-irkupru tal-għajnuna, jekk ikun ippruvat li teżisti.
UNIDEN
(70) UNIDEN, assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-interessi tal-industriji l-kbar li jikkunsmaw l-enerġija fi Franza, bagħtet il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fit-3 ta' Novembru 2014. Skont din l-assoċjazzjoni, it-tnaqqis tas-CSPE għandu diversi għanijiet ta' interess komuni, li jagħmlu l-miżuri kompatibbli skont l-Artikolu 107(3) TFUE u mal-Linji Gwida tal-2014.
(71) L-ewwel nett, il-miżuri għandhom l-għan li jżommu l-kompetittività tas-setturi industrijali esposti għall-kompetizzjoni globali. It-tieni nett, il-miżuri għandhom għan soċjali. It-tielet, il-miżuri għandhom għan ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li jikkonsisti b'mod partikolari fil-protezzjoni tal-konsumaturi l-aktar żvantaġġati. Fl-aħħar nett, il-miżuri għandhom għan ta' effiċjenza fl-enerġija, f'koerenza sħiħa mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
IL-KUMMENTI TA' FRANZA
(72) Franza bagħtet kummenti kemm dwar il-kwalifika tal-miżuri kif ukoll dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern.
Il-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud mhumiex għajnuna mill-Istat
(73) L-argumenti prinċipali ta' Franza biex tiġġustifika n-nuqqas ta' għajnuna jirrigwardaw kemm in-nuqqas ta' selettività kif ukoll in-nuqqas ta' distorsjoni fil-kompetizzjoni.
Ebda selettività
(74) Skont Franza, il-miżuri mhumiex selettivi, għal tliet raġunijiet ewlenin:
(75) L-ewwel nett, il-ġurisprudenza kkunsidrat li l-introduzzjoni mill-Istati Membri ta' tnaqqis ta' ħlasijiet żejda ma kinitx biżżejjed biex tistabbilixxi s-selettività, sa fejn, teoretikament, il-kumpaniji li jaqbżu l-limiti stabbiliti mhumiex fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-kumpaniji l-oħrajn. Il-ġurisprudenza tal-Qorti kkunsidrat għalhekk li l-limitu massimu għal kull sit ma kienx biżżejjed biex jagħmluh miżura selettiva u li l-limiti massimi tat-taxxi setgħu fil-fatt ma jikkostitwixxux għajnuna selettiva. Rigward l-istabbiliment tal-limitu massimu tas-CSPE għal 0,5 % tal-valur miżjud, Franza tibbaża fuq il-ġurisprudenza tal-Kunsill Kostituzzjonali biex tfakkar li meta wieħed iqis is-CSPE konformi mal-prinċipju tal-ugwaljanza tat-taxxa, l-imħallef kien irrikonoxxa li l-benefiċjarji ta' dan il-limitu massimu kienu f'sitwazzjoni differenti minn dik tal-kumpaniji l-oħrajn, u minn dan joħroġ in-nuqqas ta' għajnuna selettiva.
(76) It-tieni nett, fir-rigward speċifikament tal-konsum proprju, Franza tqis li l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-konsumaturi tal-enerġija personali tirrigwarda lill-benefiċjarji li huma f'sitwazzjoni fattwali differenti mill-kontributuri l-oħrajn għas-CSPE u għalhekk teskludi li l-għajnuna hija selettiva.
(77) It-tielet, in-nuqqas ta' selettività huwa ġġustifikat min-natura tas-sistema fiskali Franċiża, li minnha jirriżultaw il-miżuri, u li ma għandha ebda karattru selettiv. Skont Franza, il-limiti massimi ta' CSPE jirriżultaw mill-istess natura tas-sistema fiskali li tipprovdi li l-piż tat-taxxa irid iqis il-kapaċitajiet ta' kontribuzzjoni ta' kull wieħed.
(78) Fl-aħħar nett, fil-każ tal-konsumaturi li jipproduċu enerġija għall-użu personali minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli (ENR) jew ta' koġenerazzjoni, attivi prinċipalment fis-setturi tal-kimika, tal-azzar u tal-petrokimiċi, Franza tenfasizza li huwa loġiku li l-elettriku prodott u kkunsmat minnhom stess ikun eżentat mis-sehem tas-CSPE li tiffinanzja l-ENR jew l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, peress li dan l-elettriku ma rċieva ebda appoġġ pubbliku ffinanzjat mis-CSPE, iżda jikkontribwixxi għall-għan ta' protezzjoni tal-ambjent tal-appoġġ għall-ENR u għall-koġenerazzjoni ffinanzjat bl-istess mod tal-elettriku injettat fin-netwerk (li jibbenefika mill-appoġġ iffinanzjat mis-CSPE). Franza tenfasizza li għal din ir-raġuni, l-eżenzjoni tal-awtokonsumaturi li jużaw ENR jew il-koġenerazzjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv.
Nuqqas ta' tgħawwiġ tal-kompetizzjoni
(79) Franza targumenta li miżura simili kienet diġà teżisti qabel ma daħlet fis-seħħ is-CSPE fl-2003. Għaldaqstant, Franza tqis li l-għajnuna kellha biss ftit impatt fuq is-sitwazzjoni ekonomika u kompetittiva tal-kumpaniji fi Franza.
F'każ li l-kwalifika ta' għajnuna tiġi kkonfermata, il-limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud huma għajnuna kompatibbli
(80) F'każ li l-kwalifika ta' għajnuna tiġi kkonfermata xorta waħda, Franza tipproponi analiżi tal-kompatibbiltà tas-CSPE fuq tliet assi differenti:
(81) L-ewwel nett, il-miżuri huma kompatibbli minħabba l-fatt li jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ipprovduti mid-Direttiva 2003/96/KE (ara t-Taqsima 4.2.1).
(82) It-tieni, peress li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, it-tnaqqis tagħha huwa fil-fatt kompletament kompatibbli mal-qafas Komunitarju dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni tal-ambjent (minn hawn 'il quddiem il-Linji Gwida tal-2001), il-Linji Gwida tal-2008 u dawk tal-2014 (ara t-Taqsima 4.2.2).
(83) It-tielet, jekk is-CSPE ma tkunx tista' titqies bħala taxxa ambjentali, allura l-limiti massimi tagħha jkunu kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2014 għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE għall-komponenti l-oħrajn tas-CSPE (ara t-Taqsima 4.2.3).
Il-miżuri huma kompatibbli peress li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96/KE
(84) Franza tenfasizza li d-Direttiva 2003/96/KE tippermetti ċerti eżenzjonijiet:
(85) L-ewwel nett, fl-Artikolu 14(1)(a) tagħha, id-Direttiva tawtorizza l-eżenzjoni mit-taxxa għall-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku, jew għaż-żamma tal-kapaċità ta' produzzjoni. Din l-eżenzjoni tkopri fil-biċċa l-kbira l-eżenzjoni tal-konsum proprju previst taħt il-miżuri inkwistjoni.
(86) It-tieni, fl-Artikolu 15(1)(e) tagħha, id-Direttiva tawtorizza l-eżenzjoni mit-taxxa għall-elettriku għall-konsum proprju u prodott mill-koġenerazzjoni.
(87) Fl-aħħar nett, fl-Artikolu 17(1)(a) tagħha, id-Direttiva tawtorizza eżenzjonijiet parzjali għall-kumpaniji konċentrati fl-enerġija, definiti bħala kumpaniji fejn jew ix-xiri ta' prodotti ta' enerġija u elettriku jammontaw għal tal-inqas 3 % tal-valur tal-produzzjoni jew it-taxxa nazzjonali pagabbli fuq l-enerġija tammonta għal tal-inqas 0,5 % tal-valur miżjud.
F'każ li s-CSPE hija taxxa ambjentali, il-limiti massimi tas-CSPE huma kompatibbli mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat
(88) Fil-korrispondenza tagħha mal-Kummissjoni, Franza tqis li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, kif definita mill-punt 70(14) tal-Linji Gwida tal-2008. Franza fil-fatt stmat li l-bażi taxxabbli kellha effetti negattivi fuq l-ambjent, għalkemm kellha l-għan li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, u li għalhekk din l-iskema ta' għajnuna hija favorevoli għall-ambjent. Din il-kwalifika tirriżulta fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern fid-dawl ta' tliet bażijiet suċċessivi ta' kompatibbiltà.
(89) L-ewwel nett, għall-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2008, il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tas-CSPE jenħtieġ li tkun evalwata fid-dawl tal-Linji Gwida tal-2001. Skont Franza, din il-kompatibbiltà hija żgurata mill-fatt li l-benefiċjarji jħallsu sehem konsiderevoli mis-CSPE, jiġifieri tal-inqas 20 fil-mija, skont il-punti 51(1)(a) u 51(1)(b) tal-Linji Gwida tal-2001.
(90) It-tieni, Franza tqis li l-miżuri huma konformi mal-Linji Gwida tal-2008, għall-perjodu ta' bejn l-2008 u l-2014. Minn naħa, Franza tqis is-CSPE bħala taxxa ambjentali. Min-naħa l-oħra, il-Linji Gwida tal-2008 jipprovdu fil-punt 4 tagħhom li t-taxxi ambjentali huma kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq intern hija b'hekk ippruvata biżżejjed.
(91) Fl-aħħar nett, Franza tqis li ż-żewġ limiti tas-CSPE huma kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2014, applikabbli bejn l-1 ta' Lulju u t-tmiem tal-miżuri fl-2015, u li b'mod partikolari jirrispettaw il-punt 170 ta' dawn il-Linji Gwida.
Din il-kompatibbiltà hija ġġustifikata fid-dawl kemm tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 kif ukoll tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE
(92) Fin-notifika tagħha tat-22 ta' Ottubru 2015, Franza madankollu aċċettat li tikkunsidra l-possibbiltà li ma tqisx is-CSPE bħala taxxa ambjentali, u li minn dan tqis il-konsegwenzi tal-analiżi tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fid-dawl kemm tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 kif ukoll tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
Tnaqqis tas-CSPE sa fejn tippermetti l-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli
(93) Skont Franza, il-konformità tal-miżuri mal-Linji Gwida tal-2014 hija ppruvata. Franza tirreferi speċifikament għat-Taqsima 3.7.2 bħala bażi legali biex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern.
(94) L-ewwel nett, Franza tinnota li l-għajnuna kollha mogħtija qabel l-1 ta' Jannar 2011, fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw l-appoġġ għall-elettriku prodott minn sorsi rinnovabbli, tista' tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, kif previst fil-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014.
(95) It-tieni nett, għall-perjodu ta' wara l-2011, Franza tqis li l-għajnuna tista' tingħata diment li tkun soġġetta għal pjan ta' aġġustament li jiżgura, permezz ta' kriterji oġġettivi, il-konverġenza tal-livelli ta' tnaqqis mogħtija taħt il-miżuri inkwistjoni, mal-livelli permessi mit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014.
(96) Franza tisħaq li 50 fil-mija tal-appoġġ għall-inċinerazzjoni għandu jkun ikkwalifikat bħala appoġġ għall-produzzjoni ta' enerġija rinnovabbli minħabba li 50 fil-mija tal-iskart maħruq huwa skart bijodegradabbli, kif jirriżulta mill-istatistika tal-AIE u mill-Eurostat.
Tnaqqis tas-CSPE sa fejn tippermetti l-finanzjament tal-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali
(97) Għas-sehem tas-CSPE li ma jirrigwardax il-finanzjament tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, Franza pprovdiet analiżi tal-kompatibbiltà dettaljata tal-miżuri li l-Kummissjoni qed tiddeskrivi hawn taħt.
Għan ta' interess komuni tal-limiti massimi
(98) Franza tqis li t-Trattat jipprovdi bażi legali sodisfaċenti sabiex jiġġustifika l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern, għas-sehem tal-limiti massimi tas-CSPE li jirrigwarda l-politiki l-oħrajn barra l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, peress li l-limiti massimi li jirrigwardaw is-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli huma (…) irregolati [] mil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014.
(99) Franza tinnota l-ewwel nett li l-leġiżlazzjoni Ewropea tippermetti li jitqies leġittimu li l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv ma jġorrux piżijiet eċċessivi ta' provvista tal-elettriku, minħabba għanijiet ta' interess komuni li huma (i) il-koġenerazzjoni, (ii) l-għan ta' koeżjoni territorjali u ta' protezzjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, (iii) l-għan ta' koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni.
(99)
(1) L-ewwel nett, l-appoġġ għall-koġenerazzjoni huwa ġġustifikat kemm mid-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq il-promozzjoni ta' kogenerazzjoni, kif ukoll mid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-għan ta' tnaqqis tal-konsum tal-enerġija, li għalih il-koġenerazzjoni għandha rwol importanti x'taqdi. Franza tinnota li s-sehem tas-CSPE li jirrigwarda l-appoġġ għall-koġenerazzjoni jista' jinkludi l-appoġġ allokat għall-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli, diment li dan jintuża għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.
(2) It-tieni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi tikkontribwixxi għall-għan Komunitarju ta' koeżjoni territorjali, rikonoxxuta fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE). Franza ssostni ukoll li l-għan ta' interess komuni ta' din il-politika huwa bbażat fuq l-Artikoli 174 TFUE, 349 TUE, kif ukoll 107(3)(a) TFUE.
(3) It-tielet, it-tariffi soċjali għandhom l-għan ta' interess komuni appoġġjat mill-Artikoli 3 TUE u 174 TFUE skont Franza. Franza tfakkar li l-għan ta' din il-politika jista' wkoll ikun iġġustifikat mill-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet fundamentali. Franza ssemmi mbagħad il-premessa 45 tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tgħid l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jipproteġu klijenti vulnerabbli fil-kuntest tas-suq intern tal-elettriku. Franza tindika li l-ipprezzar soċjali tal-elettriku, billi jiżgura l-aċċess għal oġġett fundamentali, jipparteċipa fil-protezzjoni tad-dinjità tal-bniedem.
(100) Skont Franza, iż-żewġ limiti massimi tas-CSPE, għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud, għandhom, ukoll, l-għan li jippreservaw il-kompetittività tal-kumpaniji, appoġġat mill-Artikolu 173(1) TFUE. Franza tinnota wkoll li d-Direttiva 2003/96/KE tippermetti wkoll lill-Istati Membri japplikaw eżenzjonijiet favur il-kumpaniji konsumaturi kbar sabiex tinżamm il-kompetittività tagħhom, possibbiltà rikonoxxuta wkoll mil-Linji Gwida tal-2014 (Taqsima 3.7.2) għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli. Għalkemm dan l-għan ta' preservazzjoni tal-kompetittività mhuwiex suffiċjenti biex jiġġustifika l-eżistenza ta' interess komuni, huwa jikkontribwixxi skont Franza biex jiġġustifika dan l-għan ta' interess komuni.
In-neċessità
(101) In-neċessità tal-miżuri hija, skont Franza, debitament iġġustifikata, peress li jikkontribwixxu biex isaħħu l-kompetittività tal-kumpaniji benefiċjarji u għalhekk biex jipprevjenu r-riskji ta' delokalizzazzjoni. Barra minn hekk, peress li l-miżuri huma mmirati kif xieraq u l-limiti massimi kkalkulati kif suppost, mhumiex diskriminatorji. F'dan ir-rigward Franza tosserva l-konsistenza tal-limiti magħżula bejn iż-żewġ gruppi ta' eżenzjonijiet, għal kull sit u tal-valur miżjud, peress li l-limitu għal kull sit huwa biss varjazzjoni tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud. Fl-aħħar nett, il-benefiċjarji jintgħażlu skont kriterji trasparenti u oġġettivi, immirati lejn il-kumpaniji li huma l-aktar f'riskju li jitilfu l-kompetittività.
(102) Franza tiġġustifika wkoll il-ħtieġa tal-miżuri minħabba li jekk jitqajjem dubju dwar dan it-tnaqqis dan ikun ifisser spejjeż addizzjonali ta' bejn madwar 12 u 24 fil-mija tal-valur miżjud. Franza targumenta wkoll li żieda ta' EUR 2/MWh fil-kont tal-enerġija tirrappreżenta żieda ta' 2 fil-mija tal-ispejjeż ta' produzzjoni, li hija aktar mill-marġni pożittiv ta' dawn il-kumpaniji. F'dan il-kuntest, sforz finanzjarju addizzjonali maħluq mit-tneħħija ta' dan it-tnaqqis tas-CSPE, kulma jagħmel iżid ir-riskju ta' delokalizzazzjoni tal-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, u joħloq riskju fuq il-finanzjament tal-politiki mmirati billi jirriporta l-piż tiegħu fuq il-konsumaturi l-oħrajn.
L-adegwatezza tal-għajnuna
(103) Bl-istess mod, Franza tqis li l-adegwatezza tal-miżuri hija ġġustifikata mid-Direttiva 2003/96/KE, li tirrikonoxxi li l-kumpaniji li jħallsu ammont ta' taxxa fuq l-enerġija ugwali għal 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħhom jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjonijiet lil hinn minn dan il-limitu, kemm minħabba n-nuqqas ta' armonizzazzjoni fiskali kif ukoll minħabba r-riskju ta' telf ta' kompetittività fuq livell internazzjonali.
(104) Għaldaqstant, skont Franza, it-tnaqqis tas-CSPE huwa xieraq f'kuntest ta' nuqqas ta' armonizzazzjoni sħiħa tat-tassazzjoni u minħabba d-degradazzjoni sinifikanti tal-kompetittività Ewropea.
Proporzjonalità
(105) Franza tenfasizza mbagħad li t-tnaqqis tas-CSPE huwa proporzjonat. Huwa jikkorrispondi għal kontribuzzjoni medja ta' bejn 31 fil-mija u 34 fil-mija tal-kontribuzzjoni totali, jiġifieri bejn EUR 5,1 u 5,6/MWh (stima tal-2014), meta mqabbla ma' CSPE ta' EUR 16,5/MWh fl-istess data. Franza tindika li din ir-rata ta' 31 fil-mija sa 34 fil-mija hija ogħla mir-rata minima permessa mil-Linji Gwida tal-2008, iżda wkoll mit-Taqsima 3.7.1 u t-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u li għalhekk hija proporzjonata.
(106) Skont Franza, it-tnaqqis jista' għalhekk jitqies bħala proporzjonat safejn iħalli lill-benefiċjarji tiegħu sehem kbir biżżejjed tas-CSPE xi jħallsu.
(107) Franza bagħtet l-ammonti tas-CSPE għal kull benefiċjarju għas-sena 2014. Il-Kummissjoni tinnota għalhekk li, fuq is-sena 2014 biss, tal-inqas 124 benefiċjarju ħallsu livell ta' CSPE taħt il-15 fil-mija previsti fil-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014.
In-natura ta' inċentiv tal-miżuri
(108) Franza tqis li din il-kundizzjoni mhijiex applikabbli f'dan il-każ. Hija tindika li l-miżuri mhumiex maħsuba biex jinkoraġġixxu lill-benefiċjarji jibdlu l-imġiba tagħhom, iżda pjuttost ifittxu li jevitaw, bħala miżura preventiva, d-deterjorament tal-kompetittività tagħhom.
Il-limitazzjoni tal-effetti ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni u l-bilanċ tal-ispiża tal-benefiċċju pożittiv
(109) Franza ssostni f'dan ir-rigward li l-eżenzjonijiet stabbiliti tas-CSPE jippermettu li jiġu limitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Fil-kummenti tagħha hija tinnota fil-fatt li minkejja dawn il-limiti massimi tas-CSPE, id-diskrepanzi fil-prezz bejn Franza u l-Amerka ta' Fuq baqgħu konsiderevoli, madwar EUR 10/MWh, għall-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv. Franza tikkwota wkoll studju tal-ICF sabiex tindika li Franza tagħti inqas eżenzjonijiet mill-Ġermanja, mill-Italja u mid-Danimarka.
Il-kompatibbiltà tal-limiti massimi tas-CSPE meta din tiġi allokata għal għanijiet oħrajn minbarra l-finanzjament tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, minbarra l-appoġġ għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali
(110) Finalment, fir-rigward tal-komponenti l-oħra tas-CSPE, deskritti fil-premessa 11(1) sa 11(3), Franza pprovdiet it-tagħrif li ġej:
(110)
(1) Fir-rigward tal-appoġġ għall-inċinerazzjoni tal-iskart bijodegradabbli, Franza tenfasizza l-ewwel nett l-eżistenza ta' interess komuni għall-porzjon tal-inċinerazzjoni li jkopri l-enerġiji rinnovabbli. Għall-inċinerazzjoni li tirrigwarda l-iskart mhux bijodegradabbli, Franza tenfasizza mbagħad li l-appoġġ għaliha għandu għan ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija. Franza spjegat li l-miżuri kienu proporzjonati safejn it-tariffa tax-xiri tippermetti li tintlaħaq rata ta' redditu bejn is-6 u s-7 fil-mija. Fl-aħħar nett il-miżuri ma għandhomx effett ta' distorsjoni peress li l-impjanti kollha tal-inċinerazzjoni huma eliġibbli għall-iskema.
(2) L-appoġġ għall-faċilitajiet li jintużaw fis-sigħat intensivi jservi l-għan ta' interess komuni tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija. L-appoġġ huwa meħtieġ għat-twettiq tal-investimenti. Fl-aħħar nett Franza qieset li l-qawwa limitata tal-impjanti kkonċernati (78MW fl-2014) tillimita l-effett ta' distorsjoni tagħhom.
(3) Fl-aħħar nett, rigward il-finanzjament tal-kuntratti tal-enerġija garantita, Franza ma speċifikatx il-ħtieġa jew l-adegwatezza ta' dan l-appoġġ.
L-eżenzjonijiet tas-CSPE mogħtija lill-awtokonsumaturi tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat
(111) B'mod preliminari, Franza tirrimarka li din l-eżenzjoni, fil-każ tal-konsum personali għall-produzzjoni tal-elettriku, hija kompletament kompatibbli mad-Direttiva 2003/96/KE, li tipprovdi li l-produtturi ż-żgħar tal-elettriku jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa fuq l-elettriku diment li l-prodotti użati għall-produzzjoni ta' dan l-elettriku jkunu ntaxxati mod ieħor.
(112) Rigward l-eżistenza tal-għajnuna, Franza tispjega l-ewwel nett li dawn l-eżenzjonijiet tas-CSPE mhumiex għajnuna selettiva. Franza tirrimarka li din l-eżenzjoni hija indipendenti mit-tip ta' attività tal-benefiċjarji u li tapplika fil-prinċipju għall-kumpaniji kollha, b'kapaċità sa 240 GWh. Barra minn hekk dawn il-benefiċjarji ma joħolqu ebda piż żejjed fuq is-sistema elettrika għas-sehem ikkunsmat minnhom stess. Għaldaqstant huwa leġittimu li jkunu ttrattati b'mod differenti mill-konsumaturi li jixtru l-elettriku kollu tagħhom.
(113) Franza mbagħad tqis li l-eżenzjoni tas-CSPE mogħtija lill-kumpaniji li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess ma toħloqx distorsjoni tal-kompetizzjoni, safejn bosta pajjiżi, b'mod partikolari fl-Unjoni Ewropea, japplikaw l-istess tip ta' eżenzjoni. Għaldaqstant, din l-eżenzjoni mhijiex għajnuna mill-Istat.
(114) Rigward il-kompatibbiltà tal-eżenzjoni, Franza tqis li, fl-ipoteżi li l-awtokonsum jikkostitwixxi għajnuna, din għandha għan ta' interess komuni, peress li tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija billi tnaqqas l-effetti tal-ħinijiet intensivi tal-konsum tal-elettriku.
Il-pjan ta' aġġustament wara l-adozzjoni tal-Linji Gwida tal-2014
(115) Wara li kkunsidrat l-ipoteżi ta' bażi ta' kompatibbiltà mas-suq intern ipprovduta b'mod konġunt mit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, kif spjegat fit-Taqsima 4.2.3, Franza nisslet il-konsegwenzi ta' dan f'ittra tas-27 ta' Ottubru 2017 indirizzata lill-Kummissjoni. F'din il-korrispondenza, Franza bagħtet verżjoni ġdida tal-pjan ta' aġġustament, skont it-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014, bl-għan li tikkonverġi t-tnaqqis mogħti taħt il-miżuri, skont regoli oġġettivi, lejn il-livelli ta' eżenzjoni kompatibbli ma' dawn il-Linji Gwida, kif definiti fit-Taqsima 3.7.2 tagħhom.
(116) Dan l-istadju ta' kalkolu tas-CSPE allokata lil diversi għanijiet tippermetti li jiġi kkalkolat l-ammont li jrid jitħallas mill-benefiċjarji tat-tnaqqis tas-CSPE taħt il-pjan ta' aġġustament. Dan l-ammont jinstab bejn l-ammont tas-CSPE diġà mħallas u l-ammont ikkalkolat skont il-Linji Gwida. L-ammont tas-CSPE li għandu jitħallas huwa kkalkolat b'mod differenti skont il-komponenti tas-CSPE ikkonċernati, u stabbilit kif indikat fit-Taqsima 4.4.1.
Applikazzjoni diretta tat-Taqsima 3.7.3 għall-komponent finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli tas-CSPE
(117) Għas-sehem tas-CSPE li jservi biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, inkluża l-inċinerazzjoni tal-iskart bijodegradabbli, Franza qed tikkunsidra pjan ta' aġġustament li jwassal biex sad-data teoretika tal-1 ta' Jannar 2019, wara li s-CSPE tkun twaqqfet fl-1 ta' Jannar 2016, u b'mod progressiv, l-ammont ta' CSPE li jrid jitħallas fl-1 ta' Jannar 2019, ikun dak ikkalkolat skont il-Linji Gwida tal-2014:
(118) Jekk il-kumpanija (i) tappartjeni għal settur ta' attività elenkat fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u għandha intensità elettrika ogħla minn 20 fil-mija jew (ii) għandha intensità elettrika ta' mill-inqas 20 fil-mija u espożizzjoni għall-kummerċ internazzjonali ogħla minn 4 fil-mija (jew li tidher fl-Anness 5 ta' dawn il-Linji Gwida), allura din ikollha tħallas l-inqas valur bejn 15 fil-mija tal-piż jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħha.
(119) Jekk il-kumpanija tappartjeni għal settur elenkat fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u tippreżenta intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija, allura din ikollha tħallas l-inqas valur bejn 15 fil-mija tat-taxxa jew 4 fil-mija tal-valur miżjud tagħha.
(120) Fil-każijiet l-oħrajn, jekk il-kumpanija (i) tappartjeni għal settur ta' attività li mhuwiex elenkat fl-Annessi 3 tal-Linji Gwida, jew (ii) is-settur tagħha huwa elenkat fl-Anness 5 iżda tippreżenta intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija, u (iii) ibbenefikat minn għajnuna qabel l-1 ta' Lulju 2014, allura din trid tħallas tal-inqas 20 fil-mija tat-taxxa.
(121) Fl-aħħar nett, fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-livell ta' CSPE li jrid jintlaħaq fl-1 ta' Jannar 2019, huwa ta' 100 fil-mija.
Applikazzjoni tat-Taqsima 3.7.3 b'analoġija, għall-komponenti koġenerazzjoni, ugwalizzazzjoni tat-tariffi u tariffi soċjali tas-CSPE
(122) Għall-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, il-pjan ta' aġġustament iwassal biex sa mhux aktar tard mill-2019, l-ammont tas-CSPE imħallas ikun ta':
15 fil-mija jekk il-kumpanija hija kumpanija li tuża l-elettriku b'mod intensiv skont il-punti 185 sa 186 tal-Linji Gwida tal-2014. Jekk il-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' aktar minn 20 fil-mija u jekk is-settur tagħha jappartjeni għas-setturi elenkati fl-Anness 3 jew fl-Anness 5 tal-imsemmija Linja Gwida, allura l-ammont tas-CSPE jista' jkun limitat għal 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tal-kumpanija u għal 4 fil-mija jekk il-kumpanija ma jkollhiex intensità fl-użu tal-elettriku li taqbeż 20 fil-mija tal-intensità fl-użu tal-elettriku.
100 fil-mija għall-kumpaniji l-oħrajn.
(123) Franza tqis li dan il-pjan ta' aġġustament huwa ġġustifikat għall-istess raġunijiet esposti fit-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 dwar it-tnaqqis mit-taxxi ntiżi biex jiffinanzjaw l-enerġiji rinnovabbli. B'mod partikolari, il-pjan ta' aġġustament jippermetti li tiġi evitata żieda eċċessiva tat-taxxa li tirriżulta minn applikazzjoni immedjata tal-kriterji esposti fil-punti 185 sa 189 tal-Linji Gwida tal-2014. F'dan is-sens huwa jgħin is-sostenibbiltà finanzjarja tas-CSPE billi jiżgura l-aċċettabbiltà tal-appoġġ u tal-metodi tal-finanzjament tagħha.
In-nuqqas ta' applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament għall-komponenti l-oħrajn tas-CSPE
(124) Rigward madankollu t-tnaqqis tas-CSPE allokat għall-għanijiet deskritti fil-premessi 110(1) sa 110(2), Franza ma ppjanatx li tinkludih fil-pjan ta' aġġustament. Franza kkonfermat li s-CSPE allokata għal dawn l-għanijiet kellha titħallas kollha għall-perjodu kkonċernat tal-2003 sal-2015, u t-tnaqqis tas-CSPE mogħti, għas-CSPE allokata għal dawn l-għanijiet, se jkun irkuprat kollu.
Data tal-bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament
(125) Fl-2011 Franza tat bidu għall-pjan ta' aġġustament għall-komponenti ENR u koġenerazzjoni. F'dan ir-rigward, Franza tibbaża fuq il-punt 248 tal-Linji Gwida tal-2014 u fuq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ġunju 2017 (SA.38635) u tal-21 ta' Settembru 2017 (SA.47887).
(126) Għall-komponenti l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, wara d-dubji li esprimiet il-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha, Franza tat bidu għall-pjan ta' aġġustament fl-2004. Franza tqis li din id-data hija ġġustifikata minħabba l-preskrizzjoni ta' 10 snin applikabbli f'dan il-każ taħt il-preskrizzjoni ta' għaxar snin ipprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kumsill (UE) 2015/1589.
It-trattament tal-konsum proprju bħala parti mill-pjan ta' aġġustament Eżenzjoni tas-CSPE għall-konsum tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku.
(127) Skont Franza, b'mod konformi mal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2003/96/KE, li jipprovdi li l-konsum tal-elettriku użat għall-produzzjoni tal-elettriku, kif ukoll biex tinżamm il-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku, għandu jkun eżentat kompletament mit-taxxa, il-benefiċjarji tal-eżenzjoni b'konsum personali li huma produtturi tal-elettriku (Kodiċi NACE 3511) jistgħu jkunu eżentati mis-CSPE fuq l-elettriku għall-konsum personali. Franza kkunsidrat li għalhekk m'hemmx bżonn li tinkludi lil dawn il-benefiċjarji fil-pjan ta' aġġustament.
Elettriku prodott u kkunsmat personalment minn ENR
(128) Fil-każ tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jipproduċu l-elettriku minn ENR, l-elettriku prodott u kkunsmat personalment jista' jkun eżentat mis-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ENR, peress li dan l-elettriku ma bbenefika minn ebda sostenn pubbliku filwaqt li s-CSPE kienet tiffinanzja parti mill-appoġġ għall-ENR.
(129) Madankollu Franza inkludiet fil-pjan ta' aġġustament l-eżenzjoni għall-bqija tas-sehem tas-CSPE, sakemm il-vantaġġ korrispondenti ma jkunx inqas mil-limitu massimu tal-għajnuna de minimis.
Elettriku prodott u kkunsmat personalment mill-koġenerazzjoni
(130) Bl-istess mod, għall-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jipproduċu l-elettriku mill-koġenerazzjoni, l-elettriku prodott u kkunsmat personalment jista' jiġi eżentat mis-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-koġenerazzjoni sakemm din ma tkunx ingħatat sostenn pubbliku.
(131) Madankollu Franza inkludiet fil-pjan ta' aġġustament l-eżenzjoni għall-bqija tas-sehem tas-CSPE, sakemm il-vantaġġ korrispondenti ma jkunx inqas mil-limitu massimu tal-għajnuna de minimis.
Metodoloġija tat-tqassim tas-CSPE teoretikament dovuta skont il-politika, minbarra l-eżenzjoni
(132) Għas-CSPE li trid titħallas, minbarra l-eżenzjoni, Franza għamlet kalkolu għal kull kumpanija, ibbażat fuq rata annwali u l-konsum tal-kumpanija. Dan l-ammont teoretiku tas-CSPE huwa mqassam skont kull politika u t-tqassim mibgħut mis-CRE, li ġie mgħarraf lill-Kummissjoni fl-20 ta' Diċembru 2016: ENR (%) Inċinerazzjoni (%) Koġenerazzjoni (%) Ugwalizzazzjoni tar-rati (%) Tariffi soċjali (%) Produzzjoni fil-ħinijiet intensivi (%) Oħrajn (%) 2003 11 2 57 27 0 2 1 2004 16 3 50 28 0 2 1 2005 11 2 48 30 6 3 1 2006 4 1 57 32 3 2 1 2007 0 – 3 38 63 – 1 2 1 2008 7 – 1 29 59 3 3 1 2009 18 0 30 47 3 1 1 2010 21 – 1 40 35 3 1 1 2011 43 1 27 27 1 0 1 2012 48 0 20 29 2 0 0 2013 52 1 16 28 3 0 0 2014 58 1 10 27 4 0 0 2015 61 1 9 24 5 0 0 Total 41,9 0,6 23,0 30,5 2,9 0,7 0,5 Piż annwali ta' kull politika, nota tal-awtoritajiet Franċiżi tal-20 ta' Diċembru 2016
(133) Franza tenfasizza li l-ENR, il-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni u t-tariffi soċjali jirrappreżentaw 98,2 fil-mija tal-ammonti tas-CSPE appoġġjata sa mill-2003.
(134) Rigward l-inċinerazzjoni, Franza tenfasizza li l-istatistika tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u tal-Eurostat tippermetti li wieħed jikkunsidra li nofs l-enerġija prodotta mis-settur tal-UIOM (Unité d'Incinération d'Ordures Ménagères — Taqsima tal-Inċinerazzjoni tal-Iskart Domestiku), irriċiklata fil-forma ta' sħana jew elettriku, tkun kontabilizzata bħala rinnovabbli. Għaldaqstant, 50 fil-mija tas-CSPE allokata għall-appoġġ tal-inċinerazzjoni hija inkluża fis-sehem tal-ENR. Barra minn hekk, l-appoġġ għall-inċinerazzjoni ta' skart mhux bijodegradabbli, użat għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, huwa allokat għall-komponent tal-koġenerazzjoni tas-CSPE. Din l-ipoteżi twassal biex Franza tagħżel it-tqassim li ġej: ENR (%) Koġenerazzjoni (%) Ugwalizzazzjoni + Miżuri soċjali (%) Inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli (%) Oħrajn (%) 2003 12 57 27 1 3 2004 17 50 28 2 2 2005 12 48 35 1 4 2006 5 57 35 1 3 2007 – 2 38 62 – 2 3 2008 6 29 62 – 1 4 2009 18 30 50 0 2 2010 21 40 38 – 1 2 2011 43 27 28 1 1 2012 48 20 31 0 1 2013 52 16 31 0 0 2014 59 10 31 0 0 2015 61 9 29 0 0
L-applikazzjoni tal-limiti de minimis
(135) Franza tispeċifika li għal kull tnaqqis tas-CSPE mogħti, ġie applikat il-limitu de minimis previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013: għall kull benefiċjarju, l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-aħħar tliet snin kontinwi jitqabbel mal-ammont ta' EUR 200000. F'każ li l-ammont tal-għajnuna mogħtija għall-aħħar tliet snin kontinwi jkun inqas minn EUR 200000, allura l-ammont ta' rimborż ikun żero f'dawk it-tliet snin. Franza tiddikjara li se tqis ukoll id-Deċiżjoni N 7/2009 tal-Kummissjoni Ewropea li tipprovdi żieda tal-limitu de minimis għal EUR 500000, għas-snin 2009 u 2010, minħabba l-kuntest tal-kriżi ekonomika ta' dak iż-żmien.
Il-progress tal-pjan ta' aġġustament
(136) Għall-benefiċjarji li ma jistgħux jitqiesu bħala kumpaniji b'użu intensiv tal-elettriku, fit-tifsira tal-punti 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, jew li ma jikkonformawx għalkollox mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 3.7.2 ta' dawn il-Linji Gwida, Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jwassal għal żieda progressiva tal-kontribuzzjoni tagħhom (ara l-premessi 117 u 118).
(137) Dan il-pjan ta' aġġustament japplika għall-komponenti kollha tas-CSPE. Huwa jikkoreġi l-limiti massimi u l-eżenzjonijiet kollha mogħtija taħt il-miżura. Ikopri wkoll il-politiki kollha ffinanzjati mis-CSPE.
(138) Il-punt ta' tluq tal-pjan ta' aġġustament huwa s-CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji matul is-sena li fiha beda l-pjan (2004 jew 2011 skont il-każ).
(139) Dan il-pjan ta' aġġustament għat-tipi differenti ta' tnaqqis mis-CSPE mogħti għandu jwassal sabiex sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, l-ammonti mħallsa jilħqu l-livelli ta' kontribuzzjonijiet minimi konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Irid jintlaħaq l-ammont tas-CSPE meħtieġ skont ir-regoli deskritti fil-premessi 118 sa 122.
(140) Din iż-żieda tinkiseb billi tiġi applikata r-regola ta' progressjoni li ġejja:
(141) Ammont li għandu jitħallas għal kull sena għal kull politika ffinanzjata = ammont imħallas
(142) + (l-ammont li jrid jitħallas – l-ammont imħallas) × [(e^n)-1]/[(e^N)-1] fejn n: numru tas-sena tal-pjan ta' aġġustament (eżempju: għal pjan li beda fl-2011 u b'applikazzjoni totali fl-2019, fl-2011 n = 0, fl-2012 n = 1, …, fl-2019 n = 8) u N: numru ta' snin tal-pjan (eżempju: għall-istess eżempju ta' hawn fuq, N = 8)
(143) Din ir-regola tagħmel mod li l-ammont ta' CSPE li jrid jitħallas maż-żmien joqrob lejn il-livell teoretiku ta' CSPE li trid titħallas sal-2019. Peress li s-CSPE tneħħiet fl-2016, il-pjan ta' aġġustament mhux se jiġi applikat wara l-2015.
(144) Il-funzjoni użata biex wieħed imur minn dan il-punt ta' tluq sal-punt tal-wasla teoretika hija progressiva.
Kalkolu tas-somom li jridu jiġu rkuprati
(145) Il-pjan ta' aġġustament jipprovdi li l-ammonti ta' CSPE eżentati lil hinn mil-livelli awtorizzati mill-pjan ta' aġġustament, se jkunu rkuprati.
(146) L-ammont li jrid jiġi rrimborżat, huwa d-differenza bejn (i) is-CSPE li trid titħallas deskritta fit-taqsimiet 4.4.1 sa 4.4.7 u (ii) is-CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji. Dan l-ammont huwa kkalkolat għal kull benefiċjarju u għal kull sena.
(147) Fil-każ tal-benefiċjarji tal-eżenzjoni fuq il-konsum personali għall-produzzjoni tal-elettriku minn ENR jew mill-koġenerazzjoni, il-livell minimu ta' CSPE huwa żero għas-CSPE li tiffinanzja rispettivament l-ENR u l-koġenerazzjoni.
(148) Fl-ipoteżi fejn, għal benefiċjarju f'sena partikolari, l-ammont imħallas għal politika partikolari jkun ogħla mill-ammont li jrid jitħallas fil-livell minimu ta' CSPE meħtieġ jew daqsu, allura l-ammont magħżul għall-pjan ta' aġġustament huwa l-livell minimu meħtieġ ta' CSPE li jrid jitħallas għal dik is-sena. F'dan il-każ l-eċċess imħallas ma jitnaqqasx mill-ammont tal-irkupru dovut minn dan il-benefiċjarju, li jirriżulta mill-kalkolu maħdum għas-snin l-oħra.
(149) Fin-nota tagħha tal-11 ta' Ottubru, Franza bagħtet stima preliminari tas-somom li kellha tirkupra, li kienu jammontaw għal madwar EUR 31 miljun. Madwar 700 kumpanija huma affettwati mill-proċedura ta' rkupru. Madankollu Franza spjegat li l-evalwazzjoni ta' dan l-ammont għad trid tiġi finalizzata meta l-informazzjoni dwar it-tnaqqis għal kull benefiċjarju tkun inġabret kollha u għas-snin kollha.
L-EVALWAZZJONI TAL-KUMMISSJONI L-eżistenza tal-għajnuna
(150) Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.
(151) Il-Kummissjoni eżaminat il-kwalifika ta' għajnuna tat-tnaqqis differenti tas-CSPE, fid-dawl ta' dawn id-dispożizzjonijiet:
Il-kwalifika ta' għajnuna mill-Istat għal-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat
(152) Fit-taqsima 3.1.1 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-2014, il-Kummissjoni kienet iddeċidiet li l-CSPE kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.
(153) Il-Kummissjoni tinnota l-ewwel nett li ebda parti kkonċernata ma tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-premessa preċedenti.
(154) Il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi pubbliċi biss jistgħu jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
(155) Is-sempliċi fatt li vantaġġ mhuwiex iffinanzjat direttament minn riżorsi tal-Istat mhuwiex biżżejjed biex jeskludi l-involviment ta' riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li mhux meħtieġ li jiġi stabbilit li sar trasferiment ta' fondi mill-baġit ġenerali tal-Istat jew minn entità pubblika, biex vantaġġ mogħti lil kumpanija waħda jew aktar jista' jitqies għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE.
(156) Skont il-ġurisprudenza u prattika deċiżjonali kostanti tal-Kummissjoni, il-prodotti derivati minn imposti mill-Istat, ġestiti u allokati skont id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 107(1) TFUE kemm jekk ikunu ġestiti minn entità pubblika kemm jekk tkun privata (Essent, Vent de Colère).
(157) Madankollu, f'dak li jirrigwarda s-CSPE, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tikkonferma li kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat. Fil-fatt, fil-każ li ta lok għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta' Diċembru 2013, Vent de Colère, u li kien jirrigwarda l-obbligu tax-xiri tal-elettriku li ġej mir-riħ deskritt fil-premessa 10 a) aktar 'il fuq u ffinanzjat mis-CSPE, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-CSPE kienet tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.
(158) It-tielet, il-Kummissjoni tinnota li l-vantaġġ huwa imputabbli lill-Istat, peress li l-limiti massimi jirriżultaw mil-liġi u minn atti amministrattivi ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-iskema u r-regoli ta' implimentazzjoni tagħhom.
(159) In-natura statali tas-CSPE hija kkonfermata wkoll mis-sistema implimentata minn Franza biex tiġborha. Kif spjegat fil-premessi 14 u 15, il-ġbir tas-CSPE huwa ċentralizzat mill-Caisse des Dépôts et Consignations, entità pubblika, b'mod li l-ġestjoni finanzjarja tas-CSPE issir minn entità pubblika u kkontrollata mill-Gvern, li jsaħħaħ il-kwalifika ta' riżorsa tal-Istat.
(160) Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet li kienet spjegat fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha. Is-CSPE, u a fortiori l-limiti tagħha, huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.
Vantaġġ ekonomiku u selettiv
(161) Rigward il-valutazzjoni tal-eżistenza ta' vantaġġ, il-Kummissjoni tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-miżuri li, f'forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż ta' kumpanija u li, għalkemm mhux strettament sussidji, huma simili għal għajnuna mill-Istat għalhekk huma meqjusa bħala għajnuna mill-Istat.
(162) F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108 (kif emendat mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jistabbilixxi l-prinċipju li s-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju Franċiż, u li l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata tal-kwantità tal-elettriku kkunsmat. Bl-eżenzjoni tal-elettriku kkunsmat mis-CSPE għal dak kollu li jaqbeż il-limitu għal kull sit jew għall-kumpaniji industrijali li jużaw l-elettriku b'mod intensiv ta' 0,5 % tal-valur miżjud tagħhom, l-Istat naqqas it-taxxi tas-CSPE li l-kumpaniji benefiċjarji kien ikollhom iħallsu kieku kien mod ieħor. Il-limiti massimi għal kull sit u skont il-valur miżjud huma għalhekk vantaġġ għall-kumpaniji benefiċjarji.
(163) Fir-rigward tal-eżistenza ta' vantaġġ selettiv, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016, fil-kawżi Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group kif ukoll Il-Kummissjoni vs Banco Santander u Santusa, li biex tiġi stabbilita s-selettività ta' miżura fiskali jew ta' imposta, irid jiġi stabbilit jekk din toħloqx differenza mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din l-iskema bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata, huma f'sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili.
(164) Madankollu, il-kunċett ta' għajnuna mill-Istat ma jirreferix għal miżuri li jintroduċu differenzazzjoni bejn l-impriżi fir-rigward tat-taxxi meta din id-differenzjazzjoni tirriżulta min-natura jew mill-istruttura tas-sistema ta' tassazzjoni inkwistjoni. Huwa, f'dan il-kuntest, l-Istat Membru li jkun introduċa distinzjoni bejn l-impriżi fil-qasam tal-ispejjeż meta din id-distinzjoni tirriżulta min-natura u mill-istruttura tal-iskema tal-ħlasijiet inkwistjoni.
(165) Il-Kummissjoni tinnota li l-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 2000-108 (kif emendat mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jistabbilixxi li s-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinsabu fit-territorju Franċiż, u li l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata tal-kwantità ta' elettriku kkunsmat. Is-CSPE isservi biex jiġu ffinanzjati l-miżuri li ġejjin:
(165)
(a) L-obbligu li għandha EDF jew l-impriżi ta' distribuzzjoni lokali li jixtru l-elettriku mingħand ċerti tipi ta' impjanti li jipproduċu elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
(b) Il-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja;
(c) Il-kumpens tal-ġeneraturi tal-elettriku fiż-żoni mhux interkonnessi (Korsika jew id-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej), sabiex ma jġarrbux spejjeż ta' ġenerazzjoni ogħla, meta mqabbla mal-ispejjeż ta' produzzjoni mġarrba fi Franza u riflessi fil-prezz tal-elettriku mħallas mill-konsumatur aħħari (l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi);
(d) L-implimentazzjoni tat-tariffa soċjali msejħa prodott essenzjali, kif ukoll parti mill-ispejjeż imġarrba mill-fornituri tal-elettriku minħabba l-parteċipazzjoni finanzjarja tagħhom fl-iskema stabbilita għall-persuni f'sitwazzjoni prekarja.
(e) Għanijiet oħrajn, appoġġ għall-inċinerazzjoni, għall-produzzjoni prinċipalment fil-ħinijiet intensivi li jammontaw għal inqas minn tnejn fil-mija (2 %) tas-CSPE miġbura.
(166) Il-Kummissjoni tinnota li l-kumpaniji li jibbenefikaw mil-limiti massimi tas-CSPE b'0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit huma fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-konsumaturi finali l-oħrajn fir-rigward tal-għanijiet tas-CSPE. Minn naħa, dawn huma konsumaturi tal-elettriku u m'hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li dawn il-konsumaturi li jibbenefikaw minn dawn il-limiti huma differenti mill-konsumaturi li ma jibbenefikawx minnhom fid-dawl tal-għanijiet ta' finanzjament ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali. Għaldaqstant dawn il-benefiċjarji għandhom jikkontribwixxu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku tal-elettriku fl-istess proporzjon tal-konsumaturi finali l-oħrajn.
(167) Barra minn hekk, il-kriterji ta' eliġibbiltà għal-limiti, għal 0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit, joħolqu diskriminazzjonijiet oħrajn fil-grupp ta' kumpaniji li jistgħu jkunu affettwati minn dawn il-limiti.
(168) L-ewwel nett, il-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, li suppost jirrigwarda lill-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv, fil-fatt huwa riżervat biss għall-kumpaniji l-kbar, minħabba l-limitu minimu ta' konsum eliġibbli ta' 7 GWh fis-sena. Għalhekk il-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv u li għalihom is-CSPE taqbeż 0,5 % tal-valur miżjud, iżda li għandhom konsum annwali aktar baxx, mhumiex eliġibbli għal-limitu massimu tal-valur miżjud anki jekk jużaw l-elettriku bl-istess intensità u huma attivi fl-istess settur. Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa riżervat għall-kumpaniji industrijali, esklużi l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv attivi fis-settur tas-servizzi pereżempju. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li ebda waħda minn dawn id-distinzjonijiet ma tista' tiġi spjegata min-natura u l-għan tas-CSPE.
(169) It-tieni, rigward il-limitu massimu għal kull sit, il-Liġi Nru 2000-108 (kif emendata mill-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 2003-8) jillimita s-CSPE għal € 500000 — ammont inizjali — għal kull sit ta' konsum. Il-Kummissjoni tinnota li skont l-informazzjoni addizzjonali li għaddiet Franza, dan il-limitu, ibbażat fuq il-valur tal-limitu massimu u tas-CSPE tal-2013, jikkorrispondi għal konsum annwali ta' 42 GWh (Giga Watt fis-siegħa). Tali konsum jintlaħaq biss minn ċerti setturi ekonomiċi, kif tikkonferma Franza fl-informazzjoni li bagħtet dwar is-setturi kkonċernati. Dan il-limitu jagħti vantaġġ selettiv lil ċerti kumpaniji jew lil ċerti setturi, u ma jistax ikun spjegat mil-loġika tas-CSPE. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li, għal dan it-tieni limitu, ebda waħda minn dawn id-distinzjonijiet stabbiliti mil-liġi ma tista' tiġi spjegata min-natura u l-għan tas-CSPE.
(170) Rigward l-argument espost minn Franza fil-premessa 77, li l-limiti massimi tas-CSPE huma ġġustifikati mill-applikazzjoni tal-prinċipju li l-ħlasijiet jinġabru skont il-kapaċità kontributorja tal-kontribwent, il-Kummissjoni tinnota li Franza ma urietx li dan il-prinċipju huwa prinċipju sottostanti għas-CSPE. Franza lanqas ma uriet li l-kumpaniji li ma jibbenefikawx minn dan il-limitu massimu jistgħu jħallsuha, li huwa meħtieġ biex ikun iġġustifikat li dawn il-limiti massimi huma fil-loġika tas-sistema. Fl-aħħar nett, Franza ma urietx li l-kumpaniji li jibbenefikaw mil-limitu massimu kollha mhumiex kapaċi jħallsu ammmont ogħla ta' CSPE.
(171) Barra minn hekk, il-limitu massimu għal kull sit huwa applikat mingħajr ebda rabta mal-kapaċità kontributorja tal-kontribwent. Fir-realtà, filwaqt li jista' jiġi aċċettat li hemm rabta bejn il-kapaċità kontributorja u l-fatturat jew il-valur miżjud ta' kumpanija, il-limitu massimu għal kull sit iwassal għall-eżenzjoni tas-CSPE lil hinn mil-limitu massimu, irrispettivament mit-tkabbir fil-fatturat jew mill-valur miżjud. Għaldaqstant l-argument ippreżentat minn Franza fil-premessa 77 mhuwiex ammissibbli.
(172) Fl-aħħar nett, rigward il-limitu massimu għall-valur miżjud, il-Kummissjoni tinnota li effettivament jidher li hemm rabta mal-kapaċità kontributorja tal-kumpanija kkonċernata. Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE hija bbażata fuq il-prinċipju tal-kapaċità kontributorja, li Franza ma stabbilietx, il-limitu massimu tal-valur miżjud ma jkunx inqas selettiv peress li mhuwiex applikat b'mod nondiskriminatorju għall-kumpaniji kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali u ġuridika. Fil-fatt, il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa limitat għall-kumpaniji industrijali biss, esklużi l-kumpaniji mhux industrijali. Madankollu dawn jistgħu jkollhom konsum tal-elettriku b'tali mod li jkun iġġustifikat li jieħdu l-benefiċċju tal-limitu massimu ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. Barra minn hekk, dan il-limitu massimu tal-valur miżjud huwa wkoll limitat għall-kumpaniji li huma kbar biżżejjed li jilħqu konsum annwali ta' 7 GWh, esklużi l-kumpaniji iżgħar li ma jilħqux dan il-limitu ta' konsum anki meta s-CSPE tilħaq 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tagħhom.
(173) Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diversi limiti massimi previsti mil-liġi huma vantaġġ selettiv li jiffavorixxu ċerti kumpaniji jew setturi tal-ekonomija u għalhekk tikkonferma l-analiżi tagħha esposta fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tas-16 ta' Settembru 2014. Il-miżuri huma fil-fatt vantaġġ għall-benefiċjarji tagħhom, meta mqabbla mas-sistema ta' referenza li tipprovdi li l-konsumaturi finali kollha jridu jipparteċipaw fis-sistema sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet tas-CSPE. F'dan is-sens il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni ta' ALFI esposta fil-premessa 68, u lanqas ta' Franza esposta fil-premessi 74 sa 78.
(174) Fl-aħħar nett, kif spjegat fil-premessa 164, Franza ma urietx li din id-differenza ta' trattament kienet tirriżulta mis-sistema ta' ħlas. L-oneru tal-prova f'dan il-każ jibqa' responsabbiltà tal-Istat Membru.
L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri
(175) Il-kumpaniji ffavoriti mil-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud huma f'kompetizzjoni ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn (metallurġija, industrija tal-karta, industrija agroalimentari, industrija kimika, eċċ.). Għaldaqstant il-limiti massimi għal kull sit u l-valur miżjud jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(176) Għaldaqstant il-Kummissjoni ma taqbilx mal-pożizzjoni ta' Franza, esposta fil-premessa 79.
Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna
(177) Għar-raġunijiet imfakkra fil-premessi 48 sa 50, il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet magħmula fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tagħha u tqis għalhekk li l-limiti massimi għal kull sit u tal-valur miżjud huma għajnuna mill-Istat.
Eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali maħsub għall-produzzjoni tal-elettriku Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat
(178) Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fit-taqsima 5.1.1.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.
L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri
(179) Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet tas-CSPE (b'mod partikolari produtturi tal-elettriku li jużaw ċentrali nukleari u ċentrali idroelettriċi li jużaw l-ippumpjar) jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
(180) Franza mbagħad tqis li l-eżenzjoni mis-CSPE mogħtija lill-kumpaniji li jużaw l-elettriku huma stess ma toħloqx distorsjoni fil-kompetizzjoni, peress li ħafna pajjiżi fl-Unjoni Ewropea b'mod partikolari japplikaw l-istess tip ta' eżenzjoni, kif spjegat fil-premessa 79.
(181) Skont ġurisprudenza kostanti, miżura implimentata minn Stat titqies li toħloq distorsjoni meta din ittejjeb il-pożizzjoni kompetittiva ta' benefiċjarju, fir-rigward tal-kompetituri tiegħu. Dan huwa l-każ ta' miżura meta din tnaqqas l-ispejjeż li normalment iġġorr kumpanija. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri individwali li permezz tagħhom Stat Membru jallinja l-kundizzjonijiet kompetittivi ta' settur ma' dawk eżistenti fi Stati Membri oħrajn, ma jistgħux ma jikkwalifikawx bħala għajnuna mill-Istati.
Vantaġġ ekonomiku u selettività
(182) Il-Kummissjoni tinnota li l-eżenzjoni tikkostitwixxi mal-ewwel daqqa t'għajn vantaġġ għal dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess. Kif diġà msemmi fil-premessa 162, is-CSPE hija dovuta mill-konsumaturi finali tal-elettriku li jinstabu fit-territorju Franċiż u l-ammont tas-CSPE huwa kkalkolat prorata għall-kwantità ta' elettriku kkunsmat. Bl-eżenzjoni ta' parti mill-konsum personali mis-CSPE, l-Istat naqqas l-ispejjeż tas-CSPE li l-kumpaniji benefiċjarji kien ikollhom iħallsu kieku ma kienx hekk.
(183) Imbagħad il-Kummissjoni eżaminat jekk dan il-vantaġġ kienx selettiv. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tenfasizza li s-sistema ta' referenza, is-CSPE, ġiet deskritta fil-premessa 165. Din tikkonsisti f'taxxa li trid titħallas mill-konsumaturi finali kollha tal-elettriku fuq il-konsum tal-elettriku tagħhom. It-taxxa tinġabar biex tiffinanzja miżuri ta' appoġġ b'għanijiet speċifiċi.
(184) It-tieni, il-Kummissjoni trid tivverifika jekk il-benefiċjarji tal-eżenzjoni li jużaw l-elettriku personalment biex jipproduċu l-elettriku humiex parti mil-loġika ta' sistema ta' taxxa fuq l-elettriku. Il-konsum tal-elettriku għall-produzzjoni tal-elettriku huwa konsum (finali) tal-elettriku. Bħala tali, il-konsum tal-elettriku ta' produttur tal-elettriku mhuwiex differenti mill-konsum tal-elettriku ta' konsumatur ieħor fir-rigward tal-għanijiet tas-CSPE u l-eżenzjoni parzjali tal-konsum personali tal-elettriku għall-produzzjoni tal-elettriku tidher li toħloq differenza mhux iġġustifikata fir-rigward tal-għan tas-CSPE. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-miżura tidher li hija prima facie selettiva peress li toħloq distinzjoni bejn kumpaniji li huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili fir-rigward tal-għan tas-CSPE.
(185) Franza targumenta madankollu li l-eżenzjoni hija maħsuba biex tevita t-tassazzjoni doppja, li huwa prinċipju ġeneralment aċċettat fis-sistemi fiskali.
(186) Fil-fatt, mingħajr eżenzjoni, l-elettriku kkunsmat mill-konsumatur finali jkollu d-doppju tas-CSPE: darba fuq l-elettriku A użat għall-produzzjoni tal-elettriku B u darba fuq l-elettriku B ġġenerat mill-elettriku A.
(187) Il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li t-tħassib dwar il-prevenzjoni tat-tassazzjoni doppja huwa prinċipju li ġeneralment jinsab f'sistemi ta' imposti fuq il-konsum tal-elettriku, iżda wkoll f'sistemi oħrajn tat-taxxa. Dan huwa wkoll il-prinċipju li wassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 14(1)(a) tad-Direttiva 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003. Għaldaqstant il-Kummissjoni tapprova l-argument espost minn Franza fil-premessa 111.
(188) Il-Kummissjoni tikkunsidra għalhekk li l-eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji li jikkunsmaw l-elettriku huma stess għall-produzzjoni tal-elettriku, huma ġġustifikati min-natura u l-istruttura tas-sistema ta' ħlasijiet tas-CSPE.
(189) Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjonijiet għall-konsum personali tal-elettriku ntiż għall-konsum tal-elettriku mhumiex vantaġġ selettiv. Hija tikkonkludi li l-eżenzjonijiet tas-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku huma stess u li jużaw l-elettriku biex jipproduċu l-elettriku, mhumiex għajnuna mill-Istat.
Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna
(190) Għar-raġunijiet imsemmija fil-premessi 178 sa 189, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali ntiż għall-produzzjoni tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat.
(191) Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet ta' Franza, esposti fil-premessa 127, li ebda pjan ta' aġġustament ma huwa meħtieġ għal dawn il-benefiċjarji.
Eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum personali tal-elettriku awtoġenerat mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u minn enerġiji rinnovabbli għas-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament ta' dawn l-għanijiet. Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat
(192) Għall-istess raġunijiet bħal dawk spjegati fit-taqsima 5.1.2.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat.
Vantaġġ ekonomiku u selettività
(193) Kif diġà ntqal fil-premessi 182 sa 189, il-Kummissjoni tqis prima facie li l-eżenzjoni parzjali mis-CSPE mogħtija lil dawk li jikkunsmaw l-elettriku personalment hija ta' vantaġġ għalihom.
(194) Il-Kummissjoni mbagħad eżaminat jekk dan il-vantaġġ kienx selettiv għall-konsum personali tal-elettriku awtoġenerat mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u minn sorsi rinnovabbli.
(195) L-ewwel nett, is-sistema ta' referenza ġiet deskritta fil-premessa 165. Is-sistema ta' referenza, is-CSPE, jiġifieri taxxa ffinanzjata mill-konsumaturi kollha tal-elettriku u li għandha għanijiet speċifiċi.
(196) It-tieni, fir-rigward tal-eżenzjoni mis-CSPE, għall-konsum personali ta' elettriku prodott minn impjanti li jużaw enerġiji rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għas-sehem tas-CSPE użat għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli u tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tqis li l-benefiċjarji ta' din l-eżenzjoni huma fl-istess sitwazzjoni fattwali u legali tal-kontributuri l-oħrajn għas-CSPE fir-rigward tal-għan tagħha li jipprovdi li l-konsumaturi finali kollha tal-elettriku għandhom jipparteċipaw fis-sistema sabiex jiffinanzjaw l-għanijiet tas-CSPE.
(197) Il-Kummissjoni tinnota li l-awtoprodutturi li għażlu li jużaw enerġija rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għall-konsum personali tal-elettriku jikkontribwixxu direttament għall-għanijiet ta' żewġ miżuri li s-CSPE trid tiffinanzja, jiġifieri l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Madankollu Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi ma kinux jibbenefikaw minn miżuri ta' appoġġ għall-parti kkunsmata minnhom stess. L-elettriku injettat fin-netwerk biss jista' jikseb appoġġ iffinanzjat mis-CSPE. Peress li l-awtoproduzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tikkontribwixxi bl-istess mod bħall-elettriku injettat fin-netwerk għall-għanijiet ta' protezzjoni ambjentali u ta' effiċjenza fl-enerġija tal-miżuri ta' appoġġ iffinanzjati mis-CSPE, il-Kummissjoni tqis għalhekk li huwa fil-loġika u fin-natura tas-CSPE li l-awtoprodutturi li jużaw enerġiji rinnovabbli jew il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja għall-konsum tagħhom stess (u li ma jibbenefikaw minn ebda appoġġ iffinanzjat mis-CSPE għal dan l-elettriku) jiġu eżentati mis-sehem tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli u għall-koġenerazzjoni rispettivament. Għaldaqstant din l-eżenzjoni ma tikkostitwixxix vantaġġ selettiv.
(198) Għalkemm huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, dan ma japplikax għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli ħlief jekk l-impjant ta' koġenerazzjoni juża wkoll enerġiji rinnovabbli. Bl-istess mod, għalkemm huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża enerġiji rinnovabbli jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabli, dan ma japplikax għall-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-koġenerazzjoni, ħlief jekk l-impjant huwa nnifsu huwa impjant ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.
(199) Barra minn hekk, lanqas ma huwa ġġustifikat li awtoproduttur li juża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew enerġiji rinnovabbli jiġi eżentat mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-għanijiet l-oħrajn (jiġifieri t-tariffi soċjali u l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi). Fil-fatt, fir-rigward tal-finanzjament ta' dawn l-għanijiet l-oħrajn, l-awtoprodutturi li jużaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jew enerġiji rinnovabbli huma f'sitwazzjoni fattwali u legali simili għall-konsumaturi tal-elettriku l-oħrajn, minħabba li l-awtoproduzzjoni tagħhom ma tikkontribwixxix għal dawn l-għanijiet l-oħrajn.
(200) Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku huma stess ma jistgħux ikunu ġġustifikati minn għan ta' interess komuni relatat mat-titjib tal-ġestjoni tad-domanda massima, kif allegat minn Franza, peress li dan l-għan ta' interess komuni mhuwiex għan tas-sistema ta' referenza tas-CSPE. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE hija bbażata fuq għan bħal dan, l-eżenzjoni tal-konsum proprju fiha nfisha mhijiex biżżejjed biex jiġu ġestiti l-ħinijiet tad-domanda massima. Fil-fatt, dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess huma dejjem konnessi man-netwerk sabiex ikunu jistgħu kemm jinjettaw il-produzzjoni żejda kif ukoll jibbenefikaw mill-elettriku tan-netwerk f'każ ta' manutenzjoni jew ħsara fl-impjanti tagħhom jew sempliċiment biex jissupplimentaw l-impjant ta' konsum proprju. Madankollu l-eżenzjoni mhijiex soġġetta għall-kundizzjoni li ma jikkunsmawx elettriku min-netwerk f'każ ta' konsum massimu.
(201) Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali tal-awtoproduzzjoni kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoprodutturi għażlu li ma jibbenefikawx mis-servizz pubbliku tal-elettriku. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li Franza ma stabbilietx li s-CSPE kienet stabbilita skont il-grad ta' użu tas-servizz pubbliku tal-elettriku. B'hekk, Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni parzjali tal-awtoproduzzjoni kienu konnessi man-netwerk pubbliku, b'mod li kollha għandhom il-possibbiltà li jużaw in-netwerk jekk ikun meħtieġ biex jinjettaw il-produzzjoni żejda tagħhom tal-elettriku jew biex jikkunsmaw l-elettriku tan-netwerk jekk l-impjant tagħhom ikollu xi ħsara jew bżonn ta' xi manutenzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li fir-rigward tas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi mat-territorji extra-Ewropej, l-awtoprodutturi u l-konsumaturi finali fi Franza kontinentali huma fl-istess sitwazzjoni peress li ħadd minnhom ma jibbenefika minn dan is-servizz iżda jkollhom jiffinanzjawh bi spirtu ta' solidarjetà.
(202) Fl-aħħar nett, Franza qieset li l-eżenzjoni (parzjali) kienet iġġustifikata minħabba d-Direttiva 2003/96/KE li tipprovdi li l-produtturi ż-żgħar tal-elettriku jistgħu jkunu eżentati mit-taxxa fuq l-elettriku diment li l-prodotti użati biex jiġi prodott dan l-elettriku jkunu ntaxxati minn band'oħra (ara l-premessi 76 u 111). Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota li, bħalma Franza kienet qed tindika diġà fil-kitbiet tagħha qabel il-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali, id-Direttiva 2003/96/KE mhijiex bħala tali applikabbli għas-CSPE. Barra minn hekk, li kieku kienet applikabbli għas-CSPE jew kien ikun xieraq li jiġu applikati l-prinċipji gwida tad-Direttiva 2003/96/KE b'analoġija, għandu jiġi konkluż li l-eżenzjoni mhijiex iġġustifikata. Peress li s-CSPE titħallas biss fuq l-elettriku, hija ma tapplikax fuq il-prodotti (minbarra l-elettriku) użati għall-produzzjoni ta' dan l-elettriku. B'hekk, l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96/KE fir-realtà twassal għall-konferma li s-CSPE trid titħallas fuq l-elettriku.
L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri
(203) Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet mis-CSPE jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Il-konsumaturi li jikkunsmaw l-elettriku tagħhom stess u ttrattati hawnhekk mhumiex produtturi tal-elettriku iżda industrijalisti, attivi fis-setturi li ġejjin: kimika, siderurġija, petrokimika prinċipalment, kif spjegat minn Franza u mfakkar fil-premessa 78. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna
(204) Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija rispettivament għall-konsum proprju tal-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli u mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u ntiż għall-produzzjoni tal-elettriku mhumiex għajnuna mill-Istat, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja rispettivament l-enerġija rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Iżda l-eżenzjoni mis-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-komponenti tas-CSPE għajr rispettivament l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli u l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
(205) Il-Kummissjoni għalhekk tapprova l-konklużjonijiet magħmula minn Franza fil-premessi 128 sa 131.
Eżenzjonijiet mogħtija għall-konsum proprju minn sorsi oħrajn minbarra l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u l-enerġiji rinnovabbli Għajnuna imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz tar-riżorsi tal-Istat
(206) Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fit-taqsima 5.1.2.1, il-Kummissjoni tikkonferma li dawn l-eżenzjonijiet huma imputabbli lill-Istat u mogħtija permezz ta' riżorsi tal-Istat.
Vantaġġ ekonomiku u selettività
(207) Kif diġà msemmi fil-premessa 193 il-Kummissjoni tqis li l-eżenzjoni parzjali mis-CSPE mogħtija lill-konsumaturi proprji hija ta' vantaġġ għalihom.
(208) Il-Kummissjoni tqis ukoll li l-eżenzjonijiet mogħtija lill-konsumaturi proprji, meta l-konsum proprju ma jkunx maħsub biex (i) jipproduċi l-elettriku, jew meta l-elettriku prodott u kkunsmat mill-konsumaturi nfushom ma jkunx ġej (ii) minn enerġiji rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, jagħtu vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħhom, meta mqabbla mal-kontributuri għas-CSPE li huma fl-istess sitwazzjoni fattwali tal-kompetituri tagħhom li jħallsu s-CSPE.
(209) Is-sistema ta' referenza ġiet deskritta fil-premessa 165. Bħala tfakkira, is-CSPE hija taxxa li tapplika bi prinċipju għall-konsum kollu tal-elettriku fi Franza u li għandha l-għan li tiffinanzja l-miżuri li għandhom għanijiet speċifiċi.
(210) Meta l-benefiċjarju tal-eżenzjoni jkun awtokonsumatur għall-produzzjoni tal-elettriku, jew meta l-elettriku prodott u kkunsmat mill-produttur stess ma jkunx ġej minn enerġiji rinnovabbli u lanqas mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, ikun f'sitwazzjoni fattwali u legali bħall-konsumaturi l-oħrajn fir-rigward tal-għan tas-CSPE. B'mod partikolari, huwa jikkonsma l-elettriku u l-awtoproduzzjoni tiegħu ma tikkontribwixxi għall-ebda għan tal-miżuri ffinanzjati mis-CSPE.
(211) Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku proprju ma jistgħux ikunu ġġustifikati mis-servizz ta' għan ta' interess komuni marbut mat-titjib tal-ġestjoni tad-domanda massima, kif allegat minn Franza, peress li dan l-għan ta' interess komuni mhuwiex għan relatat mas-sistema ta' referenza tas-CSPE. Barra minn hekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tibbaża fuq tali għan, l-eżenzjoni tal-konsum proprju fiha nfisha ma tgħinx biex tiġi ġestita d-domanda massima. Fil-fatt, dawk li jikkunsmaw l-elettriku huma stess huma dejjem konnessi man-netwerk sabiex ikunu jistgħu kemm jinjettaw il-produzzjoni żejda kif ukoll jibbenefikaw mill-elettriku tan-netwerk f'każ ta' manutenzjoni jew ħsara fl-impjanti tagħhom jew sempliċiment biex jissupplimentaw l-impjant ta' konsum proprju. Madankollu l-eżenzjoni mhijiex soġġetta għall-kundizzjoni li ma jikkunsmawx elettriku min-netwerk f'każ ta' konsum massimu.
(212) Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali għall-awtoproduzzjoni kienet iġġustifikata minħabba l-fatt li l-awtoprodutturi għażlu li ma jibbenefikawx mis-servizz pubbliku tal-elettriku. Il-Kummissjoni tinnota madankollu li Franza ma stabbilietx li s-CSPE kienet stabbilita skont il-grad ta' użu tas-servizz pubbliku tal-elettriku. Barra minn hekk, Franza kkonfermat li l-awtoprodutturi kollha li jibbenefikaw mill-eżenzjoni parzjali għall-awtoproduzzjoni kienu konnessi man-netwerk pubbliku, b'mod li kollha għandhom il-possibbiltà li jużaw in-netwerk jekk ikun meħtieġ biex jinjettaw il-produzzjoni tal-elettriku żejda jew biex jikkunsmaw l-elettriku tan-netwerk jekk l-impjant tagħhom ikollu xi ħsara jew bżonn ta' xi manutenzjoni. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li s-CSPE hija maħsuba wkoll li tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi mat-territorji extra-Ewropej. Madankollu, f'dak li jirrigwarda l-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi, l-awtoprodutturi u l-konsumaturi finali fi Franza kontinentali huma fl-istess sitwazzjoni, peress li ħadd minnhom ma jibbenefika minn dan is-servizz iżda huma obbligati jiffinanzjawh, fi spirtu ta' solidarjetà. Barra minn hekk, l-awtokonsumaturi msemmija hawnhekk lanqas ma jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp tal-enerġija rinnovabbli jew tal-koġenerazzjoni, peress li l-produzzjoni tagħhom, li b'definizzjoni hija ta' oriġini fossili u ma tużax il-koġenerazzjoni, tmur saħansitra kontra dawn l-għanijiet.
(213) Franza sostniet ukoll li l-eżenzjoni parzjali tal-awtoġenerazzjoni sa 240 GWh, kienet tapplika b'mod ġenerali. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni tinnota li Franza kkonfermat li l-eżenzjoni fil-fatt kienet tirrigwarda biss ċerti setturi tal-ekonomija (ara l-premessi 35 u 36). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza tagħha tal-21 ta' Diċembru 2016 (Il-Kummissjoni vs World Duty Free Group), li miżura fiskali jew ħlas ikun selettiv jekk jiġi stabbilit li dan jintroduċi bejn operaturi li fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata jkunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, distinzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din is-sistema u intwera, fil-premessi 161 u 162, li l-eżenzjoni tintroduċi bejn operaturi li, fid-dawl tal-għan imfittex mis-sistema fiskali ġenerali kkonċernata jinsabu f'sitwazzjoni fattwali u legali komparabbli, distinzjoni mhux iġġustifikata min-natura u l-istruttura ta' din is-sistema.
(214) Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-argument ta' Franza mfakkar fil-premessi 111 u 112.
L-impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri
(215) Il-kumpaniji li jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet mis-CSPE jikkompetu ma' kumpaniji minn Stati Membri oħrajn. Il-konsumaturi proprji ttrattati hawnhekk mhumiex produtturi tal-elettriku iżda industrijalisti attivi fis-setturi li ġejjin: il-kimika, is-siderurġija, il-petrokimika prinċipalment, kif spjegat minn Franza u mfakkar fil-premessa 78 ta' din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, dawn l-eżenzjonijiet jistgħu jkollhom impatt fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri.
Konklużjoni dwar l-eżistenza ta' għajnuna
(216) Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-eżenzjonijiet mis-CSPE mogħtija għall-konsum proprju tal-elettriku li mhuwiex maħsub għall-produzzjoni tal-elettriku u prodott minn sorsi oħrajn minbarra enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, huma għajnuna mill-Istat.
Konklużjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta' għajnuna għad-diversi komponenti tas-CSPE u dwar l-ammont stmat tagħha
(217) Il-limiti massimi tas-CSPE għal kull sit u ta' 0,5 % tal-valur miżjud huma għajnuna mill-Istat.
(218) L-eżenzjonijiet mogħtija lis-siti li jikkunsmaw l-elettriku proprju huma għajnuna ħlief jekk l-elettriku kien ikkunsmat sabiex jiġi prodott l-elettriku u jekk l-eżenzjoni tirrigwarda l-elettriku proprju prodott minn enerġiji rinnovabbli jew mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja rispettivament.
Illegalità tal-għajnuna
(219) Minħabba li t-tnaqqis tas-CSPE ġie implimentat qabel ma ntbagħtet notifika lill-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi ma rrispettawx l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 108(3) TFUE.
(220) Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li l-limiti massimi tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud u għal kull sit, kif ukoll l-eżenzjonijiet mogħtija lill-konsumaturi proprji li huma għajnuna mill-Istat, huma għajnuna illegali.
Analiżi tal-miżuri ta' għajnuna skont id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida applikabbli għat-tnaqqis tat-taxxa ambjentali.
(221) Il-Kummissjoni l-ewwel ivverifikat jekk is-CSPE setgħetx titqies bħala taxxa ambjentali skont it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 6 tal-Linji Gwida tal-2001.
Is-CSPE mhijiex taxxa ambjentali skont it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 6 tal-Linji Gwida tal-2001.
(222) It-taxxi ambjentali skont il-Linji Gwida tal-2014 (punt 167) huma imposti sabiex iżidu l-kostijiet ta' mġiba li tagħmel ħsara lill-ambjent, u b'hekk jiskoraġġixxu mġiba bħal din u jżidu l-livell ta' ħarsien ambjentali. Il-kwalifika ta' taxxa ambjentali skont il-punt 167 moqri flimkien mal-punt 19(15) tal-Linji Gwida timplika għalhekk li l-miżuri jibdlu l-imġiba b'mod li jkun inqas ta' ħsara għall-ambjent u tinkludi l-ispejjeż ambjentali tal-prodott jew tas-servizz ikkonċernat. Definizzjoni simili tal-kunċett ta' taxxa ambjentali tinsab ukoll fil-Linji Gwida tal-2008 (ara l-punt 70(14) moqri flimkien mal-punt 151 tal-Linji Gwida) u fil-Linji Gwida tal-2001 (punt 6).
(223) F'dan il-każ, l-ammont tas-CSPE mhuwiex iddeterminat minn effett ta' inċentiv maħsub biex inaqqas l-imġiba ta' tniġġis, u lanqas biex jinternalizza l-impatti ambjentali tal-elettriku kkunsmat. Il-bażi taxxabbli speċifika mhux bilfors għandha effett negattiv fuq l-ambjent ladarba s-CSPE trid titħallas ukoll fuq l-elettriku ġġenerat minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Fir-realtà, is-CSPE trid titħallas fuq il-konsum kollu tal-elettriku, irrispettivament mill-impatt tal-elettriku kkunsmat fuq l-ambjent. Barra minn hekk is-CSPE mhix maħsuba biex tiggwida lill-manifatturi jew lill-konsumaturi lejn attivitajiet li jirrispettaw aktar l-ambjent. Għall-kuntrarju, tnaqqis tal-konsum ikun jeħtieġ żieda fis-CSPE dovuta biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-enerġija rinnovabbli u tal-politiki l-oħrajn li jridu jiġu ffinanzjati.
(224) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-punt 181 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifika b'mod espliċitu li il-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli għalkemm imposti mhux immirat lejn esternalità negattiva u għalhekk ma għandu l-ebda effett ambjentali dirett.
(225) Għaldaqstant is-CSPE mhijiex taxxa ambjentali fis-sens tal-punti 167 u 181 tal-Linji Gwida tal-2014, u lanqas fis-sens tal-punti 70(14) u 151 tal-Linji Gwida tal-2008 u tat-Taqsima E.3.2. tal-Linji Gwida tal-2001 anki jekk is-CSPE tirriżulta f'żieda fil-prezzijiet tal-elettriku.
(226) Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma taqbilx mal-evalwazzjoni ta' Franza dwar in-natura tas-CSPE, imfakkra fil-premessa 82.
Franza ma urietx li s-CSPE kienet taxxa ambjentali armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE
(227) Il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett li Franza fl-ebda ħin ma ddikjarat jew uriet li s-CSPE kienet taxxa ambjentali armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE. Għall-kuntrarju, Franza ssostni li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96/KE japplikaw b'analoġija, u b'hekk tammetti, bħal qabel il-ftuħ tal-proċedura, li s-CSPE mhijiex taxxa armonizzata fuq l-enerġija skont id-Direttiva 2003/96/KE.
(228) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li s-CSPE ma tistax titqies bħala taxxa armonizzata skont id-Direttiva 2003/96/KE, peress li d-dħul miġbur mhuwiex allokat għall-baġit ġenerali.
(229) B'hekk il-Kummissjoni tikkonferma l-konklużjonijiet li kienet għamlet fil-premessa 155 tad-Deċiżjoni tal-ftuħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tikkonfermax il-kummenti ta' Franza magħmula fil-premessi 81, u 84 sa 87.
In-nuqqas ta' applikabbiltà tat-Taqsimiet 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-Linji Gwida preċedenti bħala bażi għall-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern In-nuqqas ta' applikabbiltà tat-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014 u tal-Linji Gwida preċedenti bħala bażi tal-kompatibbiltà tal-miżura
(230) Billi s-CSPE mhijiex taxxa ambjentali, it-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, dwar it-tnaqqis tat-taxxi ambjentali, ma tapplikax.
(231) Bl-istess mod, il-punt 151 tal-Linji Gwida tal-2008, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà tat-tnaqqis tat-taxxi ambjentali qabel id-dħul fis-seħħ tal-Linji Gwida tal-2014, ma japplikax.
(232) Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u li huma esposti fil-premessi 88 u 90.
In-nuqqas ta' applikabbiltà, diretta jew b'analoġija, tal-punti 173 sa 175 tal-Linji Gwida tal-2014, tal-punti 152 sa 153 tal-Linji Gwida tal-2008 u tal-punt 49 tal-Linji Gwida tal-2001 bħala bażi ta' kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern
(233) Peress li ma ntweriex li s-CSPE hija taxxa ambjentali armonizzata u lanqas taxxa ambjentali, kif spjegat fit-Taqsima 5.3.2, il-punti 173 sa 175 tal-Linji Gwida tal-2014, il-punti 152 sa 153 tal-Linji Gwida tal-2008 u l-punt 49 tal-Lini Gwida tal-2001 ma japplikawx għas-CSPE peress li dawn japplikaw biss għat-taxxi ambjentali armonizzati.
(234) Anki kieku s-CSPE kellha tkun analizzata bħala taxxa ambjentali, hija tkun taxxa ambjentali mhux armonizzata li għaliha l-Linji Gwida tal-2014 jipprovdu kriterji ta' kompatibbiltà speċifiċi fil-punti 176 sa 178 tagħhom. Għaldaqstant, il-punti 173 sa (175) tal-Linji Gwida tal-2014 fl-ebda każ ma jistgħu jiġu applikati b'analoġija.
(235) Għall-istess raġunijiet, il-punti 152 u 153 tal-Linji Gwida tal-2008, dwar it-tnaqqis ta' taxxi armonizzati u applikabbli qabel l-1 ta' Lulju 2014, ma jistgħux jipprovdu bażi ta' kompatibbiltà mas-suq intern valida għat-tnaqqis tas-CSPE, li mhuwiex taxxa ambjentali armonizzata. Il-Linji Gwida tal-2008 kienu jinkludu wkoll kriterji ta' kompatibbiltà għal taxxi ambjentali mhux armonizzati. Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tista' titqies bħala taxxa ambjentali, peress li mhijiex armonizzata, trid tiġi analizzata mhux b'analoġija mal-punti 152 u 153 tal-Linji Gwida tal-2008, iżda fid-dawl tal-punti 154 sa 159 tal-Linji Gwida tal-2008.
In-nuqqas ta' konformità tal-miżuri mal-punti 176 sa 178 tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Linji Gwida preċedenti fl-ipoteżi li s-CSPE titqies bħala taxxa ambjentali mhux armonizzata
(236) Il-Kummissjoni tinnota li, kieku s-CSPE kellha tkun kwalifikata bħala taxxa ambjentali mhux armonizzata, li ma ntweriex minn Franza f'dan il-każ, it-tnaqqis tas-CSPE ma jistax jitqies kompatibbli.
In-nuqqas ta' konformità mal-punti 176 sa 178 tal-Linji gwida tal-2014.
(237) L-ewwel nett ma ntweriex, kif speċifikat fil-punt 177(a) tal-Linji Gwida tal-2014, li l-għajnuna tingħata bl-istess mod għall-kompetituri kollha fl-istess settur jekk ikunu jinsabu f'sitwazzjoni fattwali simili. B'mod partikolari, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, applikabbli biss għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, joħloq diskriminazzjoni bejn il-kompetituri attivi fl-istess settur tas-suq: għalkemm is-CSPE tirrappreżenta l-istess piż meta mqabbla mal-valur miżjur tagħhom, l-eżenzjoni tingħata biss meta l-konsum jilħaq ċertu limitu li de facto jeskludi lill-iżgħar kumpaniji ta' settur partikolari mill-benefiċċju tal-eżenzjoni.
(238) It-tieni, kif speċifikat fil-punt 177(b) tal-Linji Gwida tal-2014, l-impatt tal-ħlas ambjentali żejjed mingħajr tnaqqis, fuq iż-żieda tal-kostijiet ta' produzzjoni, ikkalkulat bħala proporzjon tal-valur gross miżjud, għal kull benefiċjarju u għall-perjodu kollu ta' bejn l-2003 u l-2015, ma ġiex ikkwantifikat biżżejjed f'dan il-każ. B'mod ġenerali, kif speċifikat fil-punt 177(c) tal-Linji Gwida tal-2014, ma ntweriex li din iż-żieda fil-kostijiet tal-produzzjoni ma setgħetx tgħaddi għand il-konsumaturi mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali fil-bejgħ;
(239) It-tielet, it-tnaqqis tas-CSPE ma jiżgurax il-ħlas minimu ta' 20 fil-mija meħtieġ fil-punt 178(a). Għall-kuntrarju jidher li f'numru kbir ta' każijiet, lanqas tħallas il-minimu ta' 20 fil-mija. Bħala eżempju, l-informazzjoni pprovduta minn Franza turi li fl-2014, 203 benefiċjarju ħallsu livell ta' CSPE inqas minn 20 fil-mija;
(240) Għalhekk, anki jekk wieħed jassumi li s-CSPE tikkwalifika bħala taxxa mhux armonizzata fuq l-enerġija, ma ġietx stabbilita l-konformità tat-tnaqqis tas-CSPE mat-Taqsima 3.7.1-2 tal-Linji Gwida tal-2014.
In-nuqqas ta' konformità mal-Linji Gwida tal-2008.
(241) L-ewwel nett, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet magħmula fil-punt 155 ta' dawn il-Linji Gwida li skonthom Franza trid tipprovdi deskrizzjoni preċiża tal-lista tas-setturi għal kull benefiċjarju u tiddeskrivi s-sitwazzjoni tal-benefiċjarji, ma ġewx issodisfati.
(242) It-tieni nett, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 158(a) tal-Linji Gwida tal-2008, li l-għajnuna mogħtija hija applikabbli bl-istess mod għall-kompetituri kollha tal-istess settur li jinsabu fl-istess sitwazzjoni fattwali. B'mod partikolari, il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, applikabbli biss għall-klijenti industrijali li jikkunsmaw aktar minn 7 GWh, joħloq diskriminazzjoni bejn kompetituri attivi fl-istess settur jew suq (ara wkoll il-premessa 237).
(243) It-tielet, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 158(b) tal-Linji Gwida tal-2008, li t-taxxa mingħajr tnaqqis toħloq żieda sostanzjali tal-kostijiet ta' produzzjoni, għal kull settur jew għal kull kategorija ta' benefiċjarji individwali li jibbenefikaw mil-limitu massimu għal kull sit.
(244) Ir-raba', ma ntweriex, kif speċifikat fil-punt 158(c) tal-Linji Gwida tal-2008, li ż-żieda tal-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni tas-CSPE ma tistax tgħaddi għand il-konsumaturi mingħajr ma tirriżulta fi tnaqqis sostanzjali tal-bejgħ.
(245) Il-ħames, ma ntweriex, kif speċifikat mill-punt 159(a) tal-Linji Gwida tal-2008, li l-ammont ta' CSPE imħallas mill-benefiċjarji tal-għajnuna huwa ekwivalenti għall-prestazzjoni ambjentali ta' kull benefiċjarju meta mqabbel mal-prestazzjoni relatata mat-teknika bl-aħjar prestazzjoni, u lanqas li kull benefiċjarju jħallas mill-inqas 20 % tas-CSPE. Għall-kuntrarju, huwa stabbilit li ċerti benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % tas-CSPE, kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tal-punt 178(a). Pereżempju, l-informazzjoni li bagħtet Franza turi li, għal ċerti snin, numru konsiderevoli ta' benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % CSPE fl-2014.
(246) Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u esposti fil-premessa 90.
Nuqqas ta' konformità mal-Linji Gwida tal-2001
(247) L-ewwel nett, minħabba l-livelli xi drabi insinifikanti ħafna tas-CSPE imħallsa mill-benefiċjarji, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tas-CSPE ma jirrispettax id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 51(1)(b) ta' dawn il-Linji Gwida, li jispeċifika li l-azjenda eliġibbli għat-tnaqqis tista', madankollu, tħallas proporzjon sinnifikanti mit-taxxa nazzjonali. Bħala eżempju, għas-snin li għalihom Franza bagħtet informazzjoni dettaljata għal kull benefiċjarju, jidher li 202 benefiċjarji ħallsu inqas minn 20 % tas-CSPE.
(248) It-tieni, it-taxxa inkwistjoni għandu jkollha effett pożittiv f'termini ta' protezzjoni tal-ambjent, kif ipprovdut fil-paragrafu 51(2)(b). Fil-fatt, is-CSPE, jew tal-inqas parti mit-taxxa li sservi għall-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffa u tat-tariffi soċjali, m'għandhiex l-għan esklussiv li jkollha effett pożittiv f'termini ta' protezzjoni tal-ambjent. Barra minn hekk, mhijiex it-taxxa bħala tali li għandha effett pożittiv fuq l-ambjent iżda biss il-miżuri parzjalment iffinanzjati mis-CSPE, b'mod li l-punti 51 u dawk sussegwenti tal-Linji Gwida tal-2001 ma japplikawx f'dan il-każ.
(249) It-tielet, rigward il-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, li ġie introdott wara l-introduzzjoni tas-CSPE, Franza ma urietx li l-eżenzjoni kienet deċiża waqt it-tfassil tas-CSPE u lanqas li hija ġġustifikata minn bidla kbira fil-kundizzjonijiet ekonomiċi illi jpoġġu lill-kumpaniji f'sitwazzjoni kompetittiva partikolarment diffiċli. L-ammont tat-tnaqqis tas-CSPE ma jaqbiżx iż-żieda fl-ispejjeż li tirriżulta mill-bidla fil-kundizzjonijiet ekonomiċi wara l-introduzzjoni tat-taxxa. Għaldaqstant ma ntweriex li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti minn Franza fil-perjodu ta' bejn l-2003 u l-2011 jirrispetta l-paragrafu 51(2)(b) tal-Linji Gwida tal-2001. Barra minn hekk, il-limitu massimu għal kull sit tas-CSPE, ma kienx limitat għal għaxar snin kif ipprovdut mill-paragrafu 51(1) tal-Linji Gwida tal-2001.
(250) Għalhekk il-Kummissjoni ma taqbilx mal-kummenti li għamlet Franza u esposti fil-premessa 89.
Konformità tat-tnaqqis tas-CSPE mat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE
(251) Il-Kummissjoni vvalutat il-konformità tat-tnaqqis sa fejn is-CSPE isservi biex tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli fuq il-bażi tat-Taqsimiet 3.7.2 (Għajnuna fil-forma ta' tnaqqis fil-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli) u 3.7.3 (Regoli tranżitorji għal għajnuna mogħtija biex jitnaqqas il-piż relatat mal-appoġġ finanzjarju għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli) tal-Linji Gwida tal-2014. Hija vvalutat ukoll il-konformità tat-tnaqqis sa fejn is-CSPE isservi biex tiffinanzja l-miżuri ta' appoġġ għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3) TFUE.
Konformità tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn is-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli
(252) It-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 tispjega kif il-Kummissjoni tanalizza l-kompatibbiltà ta' għajnuna fil-forma ta' tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet li jintużaw għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli mas-suq intern. Peress li parti mis-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, il-Kummissjoni analizzat il-kompatibbiltà tat-tnaqqis tas-CSPE allokata għall-finanzjament tal-ġenerazzjoni mill-enerġiji rinnovabbli fid-dawl tat-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014.
(253) Il-punt 182 tal-Linji Gwida tal-2014 jispjega li sal-punt li l-kostijiet ta' finanzjament tal-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli jiġu rkuprati minn konsumaturi tal-enerġija, huma għandhom jiġu rkuprati b'mod li ma jiddiskriminawx bejn il-konsumaturi tal-enerġija. Madankollu, jista' jkun meħtieġ xi tnaqqis immirat f'dawn il-kostijiet biex tiġi żgurata bażi ta' finanzjament suffiċjenti għal appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli u għalhekk jgħin biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija li tiġġedded stabbiliti fil-livell tal-UE. Fuq naħa, sabiex jiġi evitat li l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-kostijiet tal-finanzjament tal-appoġġ tal-enerġija rinnovabbli jitpoġġew fi żvantaġġ kompetittiv sinifikanti, l-Istati Membri jista' jkollhom ix-xewqa li jagħtu kumpens parzjali għal dawn l-kostijiet addizzjonali. Mingħajr tali kumpens il-finanzjament ta' appoġġ rinnovabbli jista' ma jkunx sostenibbli, u l-aċċettazzjoni pubblika għat-twaqqif ta' miżuri ambizzjużi ta' appoġġ dwar l-enerġija rinnovabbli tista' tkun limitata.
Tnaqqis limitat għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli
(254) L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li Franza ssostni li l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart għandu jkun ta' 50 % biex jitqies bħala appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Il-Kummissjoni taqbel ma' din l-analiżi, peress li Franza ġġustifikat dan il-perċentwal abbażi ta' statistika pubblika (l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u l-Eurostat), kif spjegat fil-premessa 134, li tindika li l-iskart maħruq jirrappreżenta 50 % tal-iskart bijodegradabbli u huwa għalhekk sors ta' enerġija rinnovabbli skont il-paragrafu 19(5) u 19(6) tal-Linji Gwida tal-2014.
(255) Il-paragrafu 184 tal-Linji Gwida tal-2014 jipprovdi li sabiex ikun żgurat li l-għajnuna sservi biex tiffaċilita l-finanzjament ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, l-Istati Membri se jkollhom juru li l-kostijiet addizzjonali riflessi fi prezzijiet tal-elettriku ogħla li jiffaċċjaw il-benefiċjarji jirriżultaw biss mill-appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli. Il-kostijiet addizzjonali ġġenerati mill-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli ma jistgħux għalhekk jaqbżu l-ammont tal-kontribuzzjonijiet li jiffinanzjaw l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli.
(256) F'dan il-każ, is-CRE ivverifikat li l-kontribuzzjonijiet miġbura mingħand il-konsumaturi finali bħala appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli mhumiex ogħla mill-kost tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabli (u mill-politiki kollha l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE), kif spjegat fil-premessi 14 u 15. B'mod partikolari, is-CRE ivverifikat li l-ħlasijiet iddikjarati mix-xerrejja obbligati taħt il-finanzjament tal-appoġġ għas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli ma jaqbżux il-kostijiet tal-appoġġ, jiġifieri d-differenza bejn l-ammonti mħallsa mix-xerrejja obbligati lill-produtturi tal-enerġiji rinnovabbli u l-prezz tas-suq li x-xerrejja obbligati kisbu meta biegħu l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Is-CRE żviluppat ukoll metodu biex tiddetermina l-prezz tas-suq ta' referenza li jħeġġeġ lill-operaturi jbiegħu l-elettriku prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli bi prestazzjoni għolja. Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 184 tal-Linji Gwida tal-2014 huma rrispettati.
Għajnuna limitata għas-setturi u l-kumpaniji li jagħmlu użu intensiv mill-elettriku esposti għall-kummerċ internazzjonali
(257) Il-punti 185 u 186 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifikaw li l-għajnuna trid tkun limitata għal setturi li huma esposti għal riskju biex iżommu l-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fis-suq, minħabba l-kostijiet li jirriżultaw mill-iffinanzjar ta' appoġġ għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli.
(258) Barra minn hekk, l-għajnuna tista' tingħata biss jekk l-impriża taqa' taħt is-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014, jew jekk l-impriża jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 % u tkun tappartjeni għal settur b'intensità tal-kummerċ ta' mill-inqas 4 % fil-livell tal-Unjoni.
(259) Lista tas-setturi tal-minjieri u tal-manifattura li mhumiex inklużi fil-lista tal-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 li għandhom intensità kummerċjali internazzjonali ta' mill-anqas 4 % hija pprovduta fl-Anness 5 tal-Linji Gwida tal-2014.
(260) Il-Kummissjoni tinnota li Franza rrikonoxxiet li xi kumpaniji bbenefikaw minn tnaqqis jew eżenzjonijiet tas-CSPE meta ma kinux eliġibbli skont il-kriterji stabbiliti mil-Linji Gwida tal-2014, jew għax ma kinux attivi f'xi wieħed mis-setturi elenkati fl-Annessi 3 u 5 tal-Linji Gwida tal-2014, jew għax kienu attivi f'settur tal-Anness 5 tal-Linji Gwida tal-2014 iżda ma kinux jilħqu intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 %.
Proporzjonalità fir-rigward tat-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida 2014.
(261) Il-punt 188 tal-Linji Gwida 2014 jispeċifika li l-Kummissjoni tikkunsidra l-għajnuna bħala proporzjonali jekk il-benefiċjarji tal-għajnuna jħallsu mill-inqas 15 % tal-kostijiet addizzjonali mingħajr tnaqqis.
(262) Il-punt 189 tal-Linji Gwida 2014 jirrikonoxxi wkoll li minħabba ż-żieda sinifikanti tal-ħlasijiet addizzjonali għar-rinnovabbli, kontribuzzjoni proprja ta' 15 % ta' soprataxxa rinnovabbli sħiħa tista' tmur lil hinn minn dak li jistgħu jifilħu l-impriżi affettwati b'mod partikolari mill-piż. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jillimitaw ulterjorment l-ammont tal-kostijiet għal 4 % tal-valur gross miżjud tal-impriża jekk din ikollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 %, u sa 0,5 % tal-valur gross miżjud tal-impriża kkonċernata jekk din ikollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' mill-anqas 20 %.
(263) F'dan il-każ, il-Kummissjoni tinnota li, għas-sena 2014 biss, mill-inqas 124 benefiċjarju ħallsu CSPE (intiża għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli) ta' inqas minn 15 fil-mija u għalhekk ma jirrispettawx il-punt 188 tal-Linji Gwida tal-2014. Barra minn hekk, Franza tat tnaqqis ta' CSPE ta' 0,5 fil-mija tal-valur miżjud skont kriterju ta' konsum, u mhux skont kriterju espliċitu ta' intensità fl-użu tal-elettriku. Bl-istess mod, il-kriterju tal-limitu minimu għal kull sit tas-CSPE ma jikkorrispondix għall-kriterju tal-intensità fl-użu tal-elettriku tal-Linji Gwida tal-2014. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza ma urietx li r-regoli ta' proporzjonalità stabbiliti mil-Linji Gwida tal-2014 kienu rrispettati għal kollox. Għalhekk il-Kummissjoni ma tapprovax il-kummenti magħmula minn Franza u miġbura fil-qosor fil-premessi 105 u 106.
Pjan ta' aġġustament
(264) Il-punti 193 u 194 tal-Linji Gwida tal-2014, jipprovdu li l-Istati Membri għandhom japplikaw kriterji ta' eliġibbiltà u proporzjonalità stabbiliti fit-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Il-Kummissjoni tinnota li Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jipprovdi għal żieda gradwali tal-kontribuzzjoni minima li trid titħallas, sabiex it-tnaqqis applikat għall-parti tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jkun konformi mar-rekwiżiti tat-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014 sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Barra minn hekk hija ddeċidiet li twaqqaf is-CSPE fl-2016.
(265) Il-punt 195 tal-Linji Gwida tal-2014 jippermetti lill-pjan ta' aġġustament jilħaq b'mod progressiv il-livelli tal-għajnuna li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-kriterji ta' eliġibbiltà u proporzjonalità stabbiliti fit-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014, sabiex tiġi evitata żieda f'daqqa fil-ħlas addizzjonali li jrid isir mill-kumpaniji individwali.
(266) Barra minn hekk, il-punt 196 tal-Linji Gwidatal-2014 jispeċifika li, sal-punt li l-għajnuna ġiet mogħtija fir-rigward tal-perjodu qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, il-pjan għandu wkoll jipprevedi l-applikazzjoni progressiva tal-kriterji ta' eliġibbiltà u ta' proporzjonalità għal dak il-perjodu.
(267) Taħt il-punt 197 tal-Linji Gwida tal-2014, sal-punt li għajnuna fil-forma ta' tnaqqis jew eżenzjoni mill-piż relatat mal-appoġġ finanzjarju għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli ġiet mogħtija qabel id-data tal-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014 għal impriżi li mhumiex eliġibbli taħt it-Taqsima 3.7.2. tal-Linji Gwida tal-2014, tali għajnuna tista' tiġi ddikjarata kompatibbli sakemm il-pjan ta' aġġustament jipprevedi minimu ta' kontribuzzjoni proprja ta' 20 % tal-kostijiet addizzjonali tas-soprataxxa mingħajr tnaqqis, li għandha tiġi stabbilita progressivament u mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019.
(268) L-informazzjoni li bagħtet Franza, għal ċerti snin li għalihom biss għandha statistika, uriet li għal dawn is-snin, numru sinifikanti ta' benefiċjarji kisbu tnaqqis akbar mil-livelli ta' tnaqqis permessi mil-Linji Gwida tal-2014. Għalhekk, fl-2004, pereżempju, 124 benefiċjarju tal-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud ħallsu CSPE ta' inqas minn 15 fil-mija u 202 ħallsu CSPE ta' inqas minn 20 fil-mija tal-livell massimu tagħha. Barra minn hekk, 27 benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit ħallsu inqas minn 15 fil-mija tas-CSPE, 39 oħra inqas minn 20 fil-mija tas-CSPE. Barra minn hekk il-Kummissjoni tinnota li d-934 benefiċjarju tal-limitu massimu tas-CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud jappartjenu għal 135 settur ta' attività differenti (131 kodiċi NACE), jiġifieri bażi usa' minn dik permessa mill-Annessi 3 (68 kodiċi NACE) tal-Linji Gwida tal-2014.
(269) Għaldaqstant, Franza bagħtet pjan ta' aġġustament intiż biex iġib il-livelli ta' tnaqqis mogħti bħala parti mill-miżura inkwistjoni, f'livelli konformi mal-Linji Gwida tal-2014 u biex jistabbilixxi l-livelli ta' CSPE li għandhom jitħallsu. Id-dettalji u l-metodi ta' dan il-pjan ta' aġġustament ġew ippreżentati fit-Taqsima 4.4. Il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett li dan il-pjan ta' aġġustament jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014. Franza għamlet ħilitha b'mod partikolari biex tivverifika li għall-benefiċjarji li jappartjenu f'wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 3 tal-Linji Gwida tal-2014 u għall-benefiċjarji li għandhom intensità ta' użu tal-elettriku ta' mill-inqas 20 fil-mija u li fl-istess ħin jappartjenu għal wieħed mis-setturi elenkati fl-Anness 5 tal-Linji Gwida 2014, l-ammont imħallas ta' CSPE maħsub għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jilħaq tal-inqas wieħed mill-valuri li ġejjin:
15 fil-mija tal-ammont tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli;
4 fil-mija tal-valur miżjud tagħha jekk il-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' inqas minn 20 fil-mija;
0,5 fil-mija tal-valur miżjud jekkil-kumpanija jkollha intensità fl-użu tal-elettriku ta' 20 fil-mija jew aktar.
(270) Jekk dan ma jkunx il-każ, hija ntrabtet li tivverifika li l-ammont imħallas ta' CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli jilħaq tal-inqas il-livell ta' kontribuzzjoni meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament ibbażat fuq il-formula ta' progressjoni deskritta fil-premessa 140. Fl-aħħar nett, Franza spjegat li jekk il-kontribuzzjoni mħallsa minn benefiċjarju ma tikkorrispondix għall-ammont meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament, id-differenza bejn il-kontribuzzjoni diġà mħallsa u l-kontribuzzjoni dovuta taħt il-pjan ta' aġġustament għandha tiġi rkuprata.
(271) Skont il-paragrafu 197 tal-Linji Gwida tal-2014, Franza ntrabtet li tivverifika jekk il-benefiċjarji mhux eliġibbli skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 iżda li peress li bbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE qabel l-1 ta' Lulju 2014, iħallsux tal-inqas 20 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Meta dan ikun il-każ, ma jkun meħtieġ ebda aġġustament addizzjonali. Jekk dan ma jkunx il-każ, jiġi applikat pjan ta' aġġustament progressiv li jżid b'mod progressiv l-ammont annwali ta' CSPE li trid titħallas biex, sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019, ikunu jistgħu jintlaħqu 20 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Jekk il-kontribuzzjoni mħallsa minn benefiċjarju ma tikkorrispondix għall-ammont meħtieġ mill-pjan ta' aġġustament, Franza tipprovdi li tirkupra d-differenza bejn il-kontribuzzjoni diġà mħallsa u l-kontribuzzjoni dovuta skont il-pjan ta' aġġustament. Peress li Franza ddeċidiet li twaqqaf is-CSPE fl-2016, il-pjan ta' aġġustament jista' jieqaf japplika fil-31 ta' Diċembru 2015.
(272) Il-benefiċjarji mhux eliġibbli skont it-Taqsima 3.7.2 tal-Linji Gwida tal-2014 u li ma bbenefikawx mit-tnaqqis tas-CSPE qabel l-1 ta' Lulju 2014 se jkollhom iħallsu 100 fil-mija tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019.
(273) Il-Kummissjoni tinnota li l-verżjoni tal-pjan ta' aġġustament proposta minn Franza fit-23 ta' Novembru 2017, u spjegata fit-Taqsima 4.4, hija bbażata fuq analiżi estensiva u dettaljata tas-sitwazzjoni ta' kull benefiċjarju fir-rigward tas-CSPE. Għaldaqstant il-Kummissjoni tqis li Franza rrispettat il-paragrafi 198 sa 200 tal-Linji Gwida tal-2014.
(274) Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota li l-paragrafu 248 tal-Linji Gwida 2014 jawtorizza bidu tal-pjan ta' aġġustament fl-2011. Skont dan l-istess paragrafu, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis applikat fuq il-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli qabel l-1 ta' Jannar 2011 jista' jiġi ddikjarat kompatibbli mas-suq intern.
Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern
(275) Abbażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 115 sa 148, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan ta' aġġustament ippreżentat minn Franza u deskritt fit-Taqsima 4.4 huwa kompatibbli mat-Taqsima 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 sa fejn jikkonċerna l-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Bl-istess mod, l-eżenzjonijiet mis-CSPE sa fejn is-CSPE tiffinanzja l-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli huma kompatibbli mat-Taqsima 3.7.3. tal-Linji Gwida tal-2014 u mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, diment li t-tnaqqis mogħti ma jaqbiżx it-tnaqqis permess fuq il-bażi tal-pjan ta' aġġustament u li l-ammont minimu tal-parti tas-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli kif deskritt fil-premessi 269 sa 272 ikun tħallas.
(276) Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkonkludi li kwalunkwe ammont ta' għajnuna ogħla mil-livelli permessi mill-pjan ta' aġġustament huwa meqjus inkompatibbli mas-suq intern u għandu jiġi rkuprat. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvalida l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' aġġustament, kif spjegati minn Franza, fit-Taqsima 4.4 ta' din id-Deċiżjoni.
Il-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn tiffinanzja politiki oħrajn tal-enerġija minbarra l-iżvilupp tal-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli
(277) Il-Kummissjoni tinnota, l-ewwel nett, li l-kompatibbiltà mas-suq intern tat-tnaqqis tas-CSPE sa fejn din tiffinanzja l-iskemi ta' appoġġ minbarra l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli, ma tistax tiġi evalwata la fid-dawl tat-Taqsima 3.7.1 tal-Linji Gwida tal-2014, u lanqas fid-dawl tat-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 ta' dawn l-istess Linji Gwida:
(278) Minn naħa, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis tas-CSPE mogħti għall-iskemi ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, ma jistax jitqies bħala taxxa ambjentali għar-raġunijiet diġà esposti fil-premessi 223 sa 225.
(279) Min-naħa l-oħra, it-Taqsimiet 3.7.2 u 3.7.3 tal-Linji Gwida tal-2014 japplikaw biss għat-tnaqqis tat-taxxi maħsuba biex jiffinanzjaw l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli. Għaldaqstant ma jkoprux it-tnaqqis tal-ħlasijiet żejda maħsuba għall-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.
(280) Peress li ebda linja gwida oħra ma setgħet tiġi applikata għat-tnaqqis mogħti fuq dawn il-komponenti tas-CSPE, il-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mas-suq intern fid-dawl tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. Il-Kummissjoni tista' tiddikjara miżura ta' għajnuna kompatibbli direttament skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE jekk din tikkontribwixxi għal għan ta' interess komuni, hija adegwata u meħtieġa biex jintlaħaq dan l-għan u proporzjonata, u jekk l-effetti pożittivi tagħha jisbqu l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ.
(281) Il-Kummissjoni diġà kkonkludiet li eżenzjonijiet minn taxxi oħrajn għajr dawk maħsuba għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli setgħu jitqiesu li jsegwu għan ta' interess komuni. B'mod partikolari, il-Kummissjoni nnutat, fid-Deċiżjonijiet SA.38635 u SA.42393 tagħha li t-tnaqqis tat-taxxi fuq l-elettriku maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jista' jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-għan ta' interess komuni, li huwa adegwat u meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan jekk huwa meħtieġ biex jinżammu l-ħlasijiet li jiżguraw il-finanzjament tal-appoġġ għal din il-politika li fiha nfisha hija politika ta' interess komuni.
(282) Il-Kummissjoni vverifikat jekk is-CSPE li sservi biex tiffinanzja l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, isservix għan ta' interess komuni u jekk it-tnaqqis kienx meħtieġ għaż-żamma tal-istabilità tal-finanzjament ta' dawn il-politiki:
Għan ta' interess komuni
(283) Il-premessa 38 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tiddefinixxi l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja bħala li tippermetti l-iffrankar tal-enerġija, ikkalkulat skont l-Anness II tad-Direttiva. Skont l-Anness II, din il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja trid tissodisfa żewġ kriterji. L-ewwel nett, il-produzzjoni ta' koġenerazzjoni minn unitajiet ta' koġenerazzjoni trid tipprovdi ffrankar tal-enerġija primarja ta' mill-inqas 10 % meta mqabbel mar-referenzi għall-produzzjoni separata tas-sħana u l-elettriku. It-tieni, il-produzzjoni minn unitajiet ta' skala żgħira u mikro koġenerazzjoni li jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja, tista' tikkwalifika bħala koġenerazzjoni ta' effiċjenza għolja.
(284) F'dan il-każ, kif spjegat fil-premessa 10(b), Franza spjegat li l-impjanti ta' koġenerazzjoni ffinanzjati mis-CSPE kienu kemm l-impjanti ta' koġenerazzjoni li l-effiċjenza fl-enerġija tagħhom kienet ogħla minn 65 fil-mija kif ukoll l-impjanti ta' koġenerrazzjoni bil-gass naturali b'effiċjenza fl-enerġija għolja ta' aktar minn 12 MW. Franza kkonfermat li dawn l-impjanti kollha kienu jissodisfaw il-kriterji tal-impjanti b'effiċjenza fl-enerġija għolja kif definiti mid-Direttiva 2012/27/UE.
(285) Il-Kummissjoni taqbel ukoll ma' Franza li l-appoġġ għall-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli iżda bl-użu tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja jista' wkoll jitqies bħala appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja (ara wkoll il-premessa 134).
(286) Il-Kummissjoni tinnota li l-promozzjoni tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja hija rikonoxxuta bħala għan ta' interess komuni minħabba li din tikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-produzzjoni tal-enerġija u tnaqqas l-emissjonijiet tal-karbonju iżda li dawn l-esternalitajiet pożittivi mhumiex riflessi b'mod sħiħ fil-prezzijiet, b'mod li l-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja ġeneralment ma tiżviluppax spontanjament mingħajr appoġġ addizzjonali (ara l-paragrafu 51 tal-Linji Gwida tal- 2008). Huwa għalhekk li l-Kummissjoni tippermetti għajnuna operattiva għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza fl-enerġija għolja (ara l-punti 138, 139 u 151 tal-Linji Gwida tal-2014, it-Taqsima 3.1.7. tal-Linji Gwida tal-2008, it-Taqsima E.3.4. tal-Linji Gwida tal-2001). Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza fil-premessa 99(1).
(287) Il-Kummissjoni tosserva l-ewwel nett li l-finanzjament ta' miżuri li jillimitaw il-kosti tal-enerġija fir-reġjuni mbiegħda għandu tabilħaqq għan ta' interess komuni. Dan il-finanzjament huwa ġġustifikat l-ewwel nett mill-prijorità ta' koeżjoni reġjonali msemmija fl-Artikolu 3(3) TUE. Barra minn hekk, l-Artikolu 174 TFUE jiddikjara li l-Unjoni Ewropea għandha tiżviluppa u tfittex li twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fi ħdanha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandha jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti. Fost ir-reġjuni konċernati, għandha tingħata attenzjoni partikolari lil żoni rurali, lil żoni milquta minn transizzjoni industrijali, u lil reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti bħal per eżempju r-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b'densità ta' popolazzjoni baxxa ħafna, u reġjuni insulari, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 349 TFUE jinsisti fuq il-ħtieġa li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u r-restrizzjonijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi.
(288) F'dak li jirrigwarda r-reġjuni ultraperiferiċi, li jibbenefikaw b'mod sinifikanti mill-ugwalizzazzjoni tat-tariffi, il-Kummissjoni nfisha fil-Komunikazzjoni reċenti tagħha dwar ir-reġjuni ultraperiferiċi, tinsisti fuq il-bżonn ċar li jittejbu l-isforzi biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jiksbu l-benefiċċji kollha tas-sħubija fl-UE u jisfruttaw il-globalizzazzjoni. F'dak li jirrigwarda s-settur tal-enerġija, il-Komunikazzjoni tirrikonoxxi b'mod espliċitu l-problema relatata ma' konnessjoni insuffiċjenti ta' dawn it-territorji man-netwerks tal-elettriku tal-kontinent u għalhekk il-ħtieġa li jirċievu sussidji sabiex jiġu evitati prezzijiet għoljin tal-elettriku.
(289) Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà approvat miżuri ffinanzjati mill-Istati Membri għat-territorji li mhumiex konnessi biżżejjed, immirati biex jillimitaw il-prezzijiet tal-elettriku, sabiex tiġi evitata differenza kbira wisq mill-prezzijiet tal-kontinent.
(290) Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm għan ta' interess komuni segwit mis-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi.
(291) Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza fil-premessa 99(2).
(292) Il-Kummissjoni tenfasizza l-ewwel nett li l-komponent tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja t-tariffi soċjali għandu għan ta' interess komuni. Dan huwa espress b'mod ċar mill-Artikoli 3 TUE u 174 TFUE, li jistabbilixxu b'mod espliċitu l-koeżjoni soċjali u ekonomika bħala għan tal-Unjoni Ewropea.
(293) Dawn l-għanijiet huma wkoll ripetuti fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni Ewropea applikabbli fil-qasam tal-elettriku. B'mod partikolari, id-Direttiva 2009/72/KE (id-Direttiva dwar l-Enerġija) tistipula fil-premessa 45 li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li klijenti domestiċi u (…) impriżi żgħar, igawdu d-dritt li jkunu fornuti b'elettriku ta' kwalità speċifikata bi prezzijiet komparabbli b'mod ċar, trasparenti u raġonevoli.. Il-premessa 53 ta' din id-Direttiva tippromwovi l-adozzjoni ta' miżuri u l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali biex jiġi indirizzat il-faqar fl-enerġija. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva jobbliga b'mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-konsumaturi finali, u b'mod partikolari lill-klijenti vulnerabbli. Fl-aħħar nett il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Enerġija nadifa għall-Ewropej kollha tinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-klijenti vulnerabbli, tinsisti wkoll fuq il-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi l-aktar vulnerabbli.
(294) Għaldaqstant il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm għan ta' interess komuni segwit mis-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tat-tariffi soċjali.
(295) Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti magħmula mill-assoċjazzjoni UNIDEN, esposti fil-premessi 71, u dawk magħmula minn Franza, esposti fil-premessi 99(3).
Natura xierqa u neċessità
(296) Il-Kummissjoni mbagħad ivverifikat jekk it-tnaqqis tas-CSPE jistax jitqies meħtieġ biex tiġi żgurata ż-żamma tal-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.
(297) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li tnaqqis tas-CSPE allokat għall-finanzjament tat-tariffi soċjali, mogħtija lill-kumpaniji b'intensità tal-elettriku għolja jista' jkun iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti tal-miżura, billi jiġi evitat li ammont għoli tas-CSPE jimponi piż kbir wisq għall-kumpaniji partikolarment sensittivi għas-soprataxxi tal-konsum tal-elettriku, jiġifieri l-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv esposti għall-kummerċ internazzjonali. Piż kbir wisq jista' jwassal għall-għeluq tal-kumpaniji u jipperikola s-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-miżuri ta' appoġġ u fl-aħħar mill-aħħar l-għanijiet segwiti mill-miżuri ta' appoġġ.
(298) Sabiex jiġi evitat li l-konsumaturi tal-elettriku partikolarment affettwati mill-kostijiet ta' finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, jiġifieri kemm kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv kif ukoll esposti għall-kompetizzjoni internazzjonali, jistgħu jsibu ruħhom f'sitwazzjoni ta' falliment jew ta' rilokazzjoni barra l-Unjoni Ewropea, jista' jkun meħtieġ tnaqqis fil-ħlasijiet imposti fuq il-konsum tal-elettriku. Fil-fatt, il-falliment jew ir-rilokazzjoni ta' numru kbir ta' kumpaniji jista' jherri l-bażi finanzjarja. Minflok ma jħallsu ammont inqas tas-CSPE, il-kumpaniji affettwati lanqas ikkontribwew għall-finanzjament tagħha, li jimplika finanzjament aktar sinifikanti mingħand il-konsumaturi sabiex jiġi ffinanzjat l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, biex b'hekk tonqos l-aċċettabbiltà tal-miżuri għall-bqija tal-kontributuri.
(299) Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, stabbiliet għan ta' 20 fil-mija ta' effiċjenza fl-enerġija u pprovdiet għanijiet nazzjonali, li l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja tista' tgħin b'mod sinifikanti biex jintlaħqu. Fit-23 ta' Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa wkoll għan ta' 27 fil-mija titjib tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030.
(300) Għaldaqstant, il-ħtiġijiet tal-finanzjament tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja jistgħu jkunu sinifikanti. Dan huwa l-każ fi Franza, peress li 25 fil-mija tas-CSPE hija allokata għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni, jiġifieri EUR 1,7 biljun. Barra minn hekk, fi Franza il-ħlas addizzjonali maħsub biex jiffinanzja l-koġenerazzjoni jiżdied mal-komponenti l-oħrajn tas-CSPE, fosthom dak li jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli (EUR 2,7 biljun).
(301) Dan il-ħlas jiżdied aktar bil-finanzjament tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u tat-tariffi soċjali li jiżdiedu mal-komponenti l-oħrajn tas-CSPE. Dawn il-komponenti tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u tat-tariffi soċjali tas-CSPE flimkien irrappreżentaw 34 fil-mija tas-CSPE fuq il-perjodu tal-2003 sal-2014 u EUR 12,7 biljun.
(302) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li minħabba l-kobor relattiv tas-CSPE (l-ammont tas-CSPE ta' EUR 19,5/MWh, meta mqabbel ma' prezz Day-ahead fuq Bażi ta' EUR 38,8/MWh għall-istess sena) u ż-żieda kbira tagħha matul il-perjodu tal-2003 u l-2015 (+ 550 fil-mija), Franza setgħet tqis neċessarju li tipprovdi tnaqqis tas-CSPE għall-kumpaniji l-aktar sensittivi għal din iż-żieda fil-ħlas.
(303) Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-miżuri huma xierqa biex jintlaħaq l-għan ta' interess komuni mfittex. Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li l-miżuri kollha ta' appoġġ huma relatati mas-servizz pubbliku tal-elettriku fi Franza: il-promozzjoni tal-koġenerazzjoni sabiex titjieb l-effiċjenza fl-enerġija tal-produzzjoni tal-elettriku Franċiża u l-impatt tagħha fuq l-ambjent, il-ġlieda kontra l-faqar fl-enerġija permezz tal-istabbiliment ta' tariffi soċjali tal-elettriku, il-garanzija ta' aċċess għal elettriku bi prezz ekwivalenti għat-Territorji extra-Ewropej inqas konnessi u li m'għandhomx park ta' produzzjoni ekwivalenti għall-park disponibbli fil-Metropoli. F'dan ir-rigward huwa konsistenti li Franza tkun trid tiżgura l-finanzjament tal-miżuri kkonċernati permezz ta' kontribuzzjoni obbligatorja fuq il-konsum tal-elettriku fi Franza.
(304) Abbażi ta' dawn l-elementi, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis tas-CSPE maħsub għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali jista' jitqies bħala li jikkontribwixxi għall-għan ta' interess komuni peress li jista' jitqies bħala meħtieġ biex jinżammu l-komponenti tas-CSPE, u b'hekk jiżgura l-appoġġ għal dawn il-politiki.
(305) Il-Kummissjoni taqbel għalhekk mal-kummenti li għamlet Franza, esposti fil-premessa 99(1) sa 99(3).
(306) Madankollu għandu jiġi enfasizzat li għalkemm l-ilħuq tal-għanijiet ta' effiċjenza fl-enerġija, tal-ġlieda kontra l-faqar fl-enerġija u taż-żamma tal-koeżjoni territorjali permezz ta' tariffi tal-elettriku ta' livell ekwivalenti bejn Franza kontinentali u t-Territorji extra-Ewropej jistgħu jitqiesu bħala li għandhom għan ta' interess komuni, it-titjib jew iż-żamma tal-kompetittività ta' kumpanija fiha nfisha u b'mod ġenerali ma tistax titqies bħala li hija għan ta' interess komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
(307) Il-Kummissjoni tenfasizza li l-evalwazzjoni tal-għanijiet ta' interess komuni ma tistax tkun rikonoxximent ġenerali u sistematiku ta' kwalunkwe tnaqqis tat-taxxa jew tas-soprataxxa mħallsa mill-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv.
(308) L-eżistenza ta' għan ta' interess komuni għal tnaqqis tas-CSPE ġiet rikonoxxuta biss sakemm dan it-tnaqqis jippermetti li tiġi żgurata l-istabilità tal-finanzjament ta' miżuri ta' appoġġ li għandhom għan ta' interess komuni ppruvat li jaqa' taħt il-politiki tal-Unjoni dwar l-enerġija.
(309) F'dan is-sens, il-Kummissjoni titbiegħed mill-kummenti ta' ALFI, esposti fil-premessa 67, ta' UNIDEN, esposti fil-premessa 71, u ta' Franza, esposti fil-premessi 100 sa 102, li tikkunsidra l-prevenzjoni ta' riskju fuq il-kompetittività u r-rilokazzjoni bħala għan ta' interess komuni. Madankollu, it-titjib tal-kompetittività ta' ċerti kumpaniji għad-detriment tal-kompetituri tagħhom ma jistax fih innifsu jitqies bħala għan ta' interess komuni fis-sens tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
Effett ta' inċentiv, proporzjonalità u nuqqas ta' effett mhux iġġustifikat fuq id-distorsjoni tal-kompetizzjoni
(310) Il-Kummissjoni tosserva li għalkemm it-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali huwa kbir wisq, jew ingħataw lil għadd kbir ta' setturi jew ta' benefiċjarji, il-piż globali maħsub biex jiffinanzja dawn il-miżuri jista' wkoll ikun mhedded u l-aċċettazzjoni tal-pubbliku għal dawn il-miżuri tista' tkun ipperikolata. B'mod parallel, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ, maħluqa minn dan it-tnaqqis jistgħu jkunu sinifikanti.
(311) Sabiex tevalwa l-kompatibbiltà mas-suq intern ta' dan it-tip ta' tnaqqis, il-Kummissjoni indikat fid-Deċiżjonijiet tagħha SA. 42393 u SA.38635 li d-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014 huma bażi ta' analiżi rilevanti għall-identifikazzjoni tal-kumpaniji l-aktar sensittivi għall-introduzzjoni ta' taxxi għoljin fuq il-konsum tal-elettriku u sabiex jiġi stabbilit l-effett ta' inċentiv tal-għajnuna. Dan jidher partikolarment iġġustifikat minħabba li minn naħa l-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali huwa kollu ffinanzjat mis-CSPE u għandhom għan ta' interess komuni marbut mas-settur tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, u min-naħa l-oħra, is-CSPE allokata għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali tiżdied mal-komponenti tal-enerġija rinnovabbli tas-CSPE. Dawn il-komponenti kollha tas-CSPE huma strutturati u jinġabru b'mod identiku u indifferenzjat. Peress li s-CSPE tinġabar fi proporzjon tal-elettriku kkunsmat, din se taffettwa b'mod partikolari lill-kumpaniji li għalihom il-kost tal-enerġija jirrappreżenta parti sinifikanti tal-valur miżjud u li ma jistgħux jittrasferixxu faċilment dawn il-kostijiet fuq il-konsumaturi finali mingħajr ma jitilfu ishma mis-suq, minħabba li s-setturi li fihom joperaw huma esposti għall-kummerċ internazzjonali. Dawn huma kumpaniji li jistgħu jiġu identifikati permezz tal-kriterji speċifikati fil-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014.
(312) Il-Kummissjoni indikat ukoll fid-Deċiżjonijiet tagħha SA.42393 u SA.38635 li tista' tuża l-paragrafi 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 bħala bażi biex tevalwa l-proporzjonalità tat-tnaqqis tal-ħlasijiet addizzjonali maħsuba biex jiffinanzjaw il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali. Dan jidher xieraq billi, minn naħa waħda l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali għandhom għanijiet ta' interess komuni fis-settur tal-enerġija, bħall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, li wkoll huwa kopert mis-CSPE, u min-naħa l-oħra t-tnaqqis mogħti u mmirat biex jiżgura s-sostenibbiltà tal-finanzjament ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ billi jnaqqas it-taxxa għall-kumpaniji partikolarment affettwati mill-ħlasijiet addizzjonali għall-enerġija, iżda xorta waħda jeżiġi mingħandhom kontribuzzjoni suffiċjenti. F'dan ir-rigward, il-kriterji stabbiliti fil-punti 188 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 iservu biex jiddefinixxu dan il-bilanċ.
(313) Il-Kummissjoni tinnota f'dan ir-rigward li numru kbir ta' benefiċjarji eliġibbli huma kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014 u li ċertu numru ta' benefiċjarji jikkontribwixxu għall-minimu meħtieġ, jiġifieri 15 fil-mija tat-taxxa.
Pjan ta' aġġustament
(314) Għall-benefiċjarji li ma jikkwalifikawx bħala kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, u għal dawk li, għalkemm jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont dawn il-paragrafi, ma ħallsux tal-inqas 15 fil-mija tas-CSPE, jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud, skont il-każ, Franza ppreżentat pjan ta' aġġustament li jippermetti żieda gradwali tal-kontribuzzjoni tagħhom (ara t-Taqsima 4.4) sabiex jintlaħqu l-15 fil-mija (għall-kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014) u 100 fil-mija (għall-kumpaniji li ma jużawx l-elettriku b'mod intensiv) sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2019. Peress li s-CSPE tneħħiet fl-1 ta' Jannar 2016, il-pjan ta' aġġustament se jkun japplika sal-31 ta' Diċembru 2015.
(315) Dan il-pjan ta' aġġustament huwa aġġustament kumulattiv li jirrigwarda t-tnaqqis kollu tas-CSPE, li tiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli, il-koġenerazzjoni, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali kollha flimkien, u li l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern diġà ġiet evalwata mill-Kummissjoni fit-Taqsimiet 5.4.1 u 5.4.2.
(316) Il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' aġġustament huwa ġġustifikat għall-istess raġunijiet ta' dak implimentat għall-komponent tal-enerġija rinnovabbli tas-CSPE. B'mod partikolari, dan il-pjan ta' aġġustament jevita żieda kbira u f'daqqa tal-piż finanzjarju li l-konsumaturi jridu jġorru ladarba ma jibqgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis tas-CSPE wara l-applikazzjoni tal-kriterji ta' proporzjonalità,stabbiliti fil-paragrafi 185 u 189 tal-Linji Gwida tal-2014 u f'dan is-sens jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tal-appoġġ għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali, filwaqt li jinżammu l-aċċettabbiltà tal-appoġġ u l-finanzjament assigurat u kontinwu tiegħu.
(317) Il-Kummissjoni tapprova d-dati ta' bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament:
(318) Rigward il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tqis li l-punt tal-bidu tal-pjan ta' aġġustament, stabbilit għall-2011, għat-tnaqqis tas-CSPE immirata għall-finanzjament tal-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni, huwa ġġustifikat. Fil-fatt, f'Ġunju 2010 il-Kunsill Ewropew aċċetta mira ta' 20 fil-mija ta' effiċjenza fl-enerġija li trid tintlaħaq sal-2020. Matul l-2010 u l-2011, l-Unjoni Ewropea adottat diversi Pjanijiet ta' Azzjoni u Komunikazzjonijiet fejn insistiet fuq l-importanza tal-effiċjenza fl-enerġija u l-ħtieġa li jissaħħu l-isforzi f'dan is-sens, anki ffinanzjati b'taxxi, f'dak li jirrigwarda l-ġenerazzjoni tal-elettriku biex tiżdied din l-effiċjenza fl-enerġija. Meqjus flimkien mad-Direttiva dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu l-miżuri ta' appoġġ tagħhom, u jikkontribwixxu għaż-żieda fil-kostijiet ta' finanzjament ta' dawn l-ispejjeż, it-tnedija ta' dan il-pjan fl-2011 huwa ġġustifikat.
(319) Il-Kummissjoni tqis ukoll li, fid-dawl tal-progress limitat ta' dawn il-miżuri, qabel l-2011 (qabel l-implimentazzjoni tal-mira ta' 20 fil-mija), l-ammonti ta' tnaqqis mogħti qabel dawn is-snin ta' referenza jistgħu jitqiesu li ma jikkonformawx mal-kriterji tal-Artikolu 107(1) TFUE, iżda li huma koperti mill-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 li kien applikabbli dak iż-żmien (għajnuna de minimis) jew li huma konformi mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE minħabba li dan it-tnaqqis mogħti bejn Diċembru 2008 u Diċembru 2010 kien jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Qafas Temporanju tal-UE għall-miżuri ta' Għajnuna mill-Istat intiżi biex jappoġġjaw l-aċċess għall-finanzjament fil-kriżi ekonomika u finanzjarja (b'mod partikolari t-Taqsima 4.2.2. tiegħu) u kien kopert mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N7/2009.
(320) Rigward il-komponenti l-oħrajn iffinanzjati mis-CSPE, il-Kummissjoni tqis li l-punt ta' tluq tal-pjan ta' aġġustament, stabbilit fl-2004, għat-tnaqqis tas-CSPE intiża biex tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, huwa wkoll iġġustifikat, din id-darba minħabba l-preskrizzjoni ta' għaxar snin applikabbli f'dan il-każ, ipprovduta fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2015/1589.
(321) Għall-benefiċjarji kkwalifikati bħala kumpaniji li jużaw l-elettriku b'mod intensiv skont il-paragrafi 185 sa 187 tal-Linji Gwida tal-2014, Franza uriet li ċerti benefiċjarji jħallsu mill-inqas 15 fil-mija tas-CSPE, 4 fil-mija jew 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. Għall-benefiċjarji li jħallsu ammont inqas minn dawn il-limiti, Franza pproponiet l-implimentazzjoni ta' pjan ta' aġġustament li jadatta l-kontribuzzjoni tagħhom b'mod gradwali għall-minimu meħtieġ (ara t-Taqsima 4.4), b'mod li fid-data teoretika tal-1 ta' Jannar 2019, huma se jkollhom iħallsu mill-inqas 15 fil-mija tas-CSPE jew 0,5/4 fil-mija tal-valur miżjud skont il-każ.
(322) Abbażi tal-elementi esposti, b'mod partikolari l-impenn li jiġi implimentat pjan ta' aġġustament, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet li t-tnaqqis tat-taxxi tas-CSPE intiżi għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, huwa meħtieġ, xieraq, għandu effett ta' inċentiv u ma joħloqx distorsjoni indebita fil-kompetizzjoni u li għaldaqstant huwa kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE, sakemm ma jaqbżux it-tnaqqis previst fil-pjan ta' aġġustament.
(323) Il-Kummissjoni żżid li fil-każijiet l-oħrajn kollha, il-kumpanija trid tilħaq il-100 fil-mija tat-taxxa fl-1 ta' Jannar 2019. Għaldaqstant it-tnaqqis mis-CSPE mogħti f'dawn il-każijiet l-oħrajn irid jiġi rkuprat. F'dan ir-rigward il-Kummissjoni tapprova l-pożizzjoni proposta minn Franza, spjegata fil-premessi 122 u 124.
(324) Għaldaqstant, il-Kummissjoni tapprova l-arranġamenti għall-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament kif ippreżentati fil-premessi 117 sa 124, kif ukoll fit-Taqsimiet 4.4.5. sa 4.4.8.
Il-kompatibbiltà tat-tnaqqis mis-CSPE għas-sehem tas-CSPE allokat għall-għanijiet l-oħrajn minbarra l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli, il-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u l-finanzjament tat-tariffi soċjali mas-suq intern
(325) Il-Kummissjoni tqis li Franza ma urietx li l-komponenti l-oħrajn tas-CSPE jiffinanzjaw miżuri ta' appoġġ li jsegwu għan ta' interess komuni, u lanqas li t-tnaqqis tat-taxxa huwa meħtieġ għall-kisba ta' dawn l-għanijiet u li huwa proporzjonat għal dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan imfittex.
(326) B'mod partikolari, f'dak li jirrigwarda l-parti tas-CSPE li tiffinanzja l-appoġġ għall-produzzjoni tal-enerġija mill-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli u mingħajr użu tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, il-Kummissjoni tinnota li hija ġeneralment tawtorizza biss appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart meta l-iskart ikun bijodegradabbli jew meta tintuża l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja. Fil-fatt, il-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni ta' skart fossili ġeneralment ma teħtieġ ebda appoġġ biex tkun profittabbli u tista toħloq problemi f'dak li jirrigwarda l-ġerarkija tal-iskart. B'mod partikolari, l-inċentiv għall-produzzjoni tal-elettriku minn skart fossili joħloq is-CO2 u jista' jnaqqas l-inċentiv ta' riċiklar jew użu mill-ġdid tal-iskart ikkonċernat; barra minn hekk, jista' jnaqqas l-inċentiv għall-użu tas-sħana diretta minflok tiġi konvertita f'elettriku meta mill-aspett ambjentali l-użu tas-sħana huwa aktar rilevanti minħabba effiċjenza akbar fl-enerġija. Franza ma urietx li l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku mill-inċinerazzjoni tal-iskart fossili (u skart ieħor mhux bijodegradabbli) ma kien jinkludi ebda inċentiv biex tiġi evitata l-ġerarkija tal-iskart u b'mod partikolari li jiġi rriċiklat. Fi kwalunkwe każ ma urietx li kienu meħtieġa miżuri ta' appoġġ ffinanzjati mis-CSPE biex jinċentivaw lill-inċineraturi tal-iskart fossili jipproduċu elettriku fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq.
(327) Hija rrikonoxxiet ukoll fin-nota tagħha tat-23 ta' Novembru 2017 li din il-parti tas-CSPE allokata għall-finanzjament tal-impjanti ta' inċinerazzjoni li jużaw riżorsi mhux bijodegradabbli ma setgħetx titnaqqas.
(328) It-tieni, Franza ma urietx li l-appoġġ iffinanzjat mis-CSPE u ntiż għall-appoġġ tal-impjanti għall-użu fl-eqqel ħinijiet kien meħtieġ biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, fid-dawl tal-miżuri kollha diġà stabbiliti minn Franza sabiex tiżgura s-sigurtà tal-provvista u tal-kundizzjonijiet tas-suq bejn l-2003 u l-2015. Barra minn hekk, Franza ma urietx li l-impatt pożittiv ipotetiku tal-appoġġ għall-mezzi għall-użu fl-eqqel ħinijiet ikkonċernati kien jegħleb l-effett ta' distorsjoni fuq il-kompetizzjoni mill-appoġġ lil dawn il-mezzi ta' produzzjoni (b'mod speċjali l-ġeneraturi li jaħdmu bid-diżil u mibnija fis-snin 90). Franza kkonkludiet ukoll li s-sehem tas-CSPE allokat għal dan l-għan kellu jitħallas kollu, u dan ġie kkonfermat mill-Kummissjoni.
(329) Fl-aħħar nett, Franza ma urietx suffiċjentement li t-tnaqqis mill-parti tas-CSPE allokata għall-miżuri li jinkoraġġixxu l-produzzjoni indipendenti, ta' użu anċillari għas-servizz pubbliku tal-elettriku, ippreżentata fil-premessa 11(3), kellu għan ta' interess komuni. B'mod ġenerali, l-għan imfittex mhuwiex stabbilit b'mod ċar. Lanqas ma ġiet stabbilita l-ħtieġa ta' appoġġ u huwa saħansitra inqas stabbilit li l-effetti pożittivi ipotetiċi ta' dawn il-miżuri ta' appoġġ jgħelbu l-effetti negattivi tagħhom fuq il-kompetizzjoni. Għaldaqstant, lanqas ma huma stabbiliti l-adegwatezza u l-ħtieġa tat-tnaqqis ta' din il-parti tas-CSPE. Franza kkonfermat fin-nota tagħha tat-23 ta' Novembru 2017 li s-CSPE allokata għal dan il-għan kellha titħallas kollha, u dan huwa kkonfermat mill-Kummissjoni.
(330) Il-Kummissjoni tikkonferma b'hekk l-analiżi proposta minn Franza u ppreżentata fil-premessa 124.
Trasparenza
(331) Skont it-Taqsima 3.2.7. tal-Linji Gwida tal-2014, mill-1 ta' Lulju 2016, l-Istati Membri jridu jippubblikaw ċerta informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna. Peress li l-miżuri ma baqgħux japplikaw mill-1 ta' Jannar 2016, it-Taqsima 3.2.7. tal-Linji Gwida tal-2014 mhijiex applikabbli.
Konklużjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern
(332) L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkonkludi li s-sehem tas-CSPE intiż biex jiffinanzja diversi għanijiet, minbarra l-enerġiji rinnovabbli li jinkludu l-inċinerazzjoni ta' skart bijodegradabbli, il-koġenerazzjoni li tinkludi l-inċinerazzjoni ta' skart mhux bijodegradabbli użata fil-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, għandu jitħallas kollu u li dan ma jistax jitnaqqas. Jekk ikun il-każ, irid jiġi rkuprat.
(333) It-tieni, fuq il-bażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 251 sa 274, dwar il-miżuri u l-pjan ta' aġġustament propost, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet biżżejjed li parti mit-tnaqqis tas-CSPE kienet meħtieġa, xierqa, kellha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni u li hija wkoll kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
(334) Iżda l-Kummissjoni tikkonkludi li kwalunkwe ammont ta' għajnuna ogħla mil-livelli awtorizzati mill-pjan ta' aġġustament huwa inkompatibbli u għandu jitħallas lura mill-benefiċjarji tal-miżura. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tivvalida l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' aġġustament, kif spjegati minn Franza, fit-Taqsima 4.4 ta' din id-Deċiżjoni.
L-applikazzjoni tal-livelli de minimis
(335) Il-Kummissjoni tinnota li Franza, kif spjegat fil-premessa (135), uriet l-intenzjoni tagħha li tapplika l-livelli de minimis ipprovduti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1046, meta l-ammont tal-għajnuna jkun inqas minn EUR 200000 fuq tliet snin kontinwi, għal kull tnaqqis.
(336) Il-Kummissjoni tispeċifika li sabiex jitqiesu applikabbli, il-miżuri jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2016/1046.
Konklużjoni ġenerali
(337) Kif spjegat fit-Taqsimiet 5.4.1 u 5.4.2, fuq il-bażi tal-elementi ppreżentati fil-premessi 252 sa 334, rigward kemm il-miżuri kif ukoll il-pjan ta' aġġustament, il-Kummissjoni tikkonkludi li Franza uriet biżżejjed li parti mit-tnaqqis tas-CSPE issegwi għan ta' interess komuni, hija meħtieġa, xierqa, proporzjonata, kellha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni u li hija wkoll kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE.
(338) Iżda Franza ma urietx li l-għajnuna li taqbeż l-ammonti ta' għajnuna permessi mill-pjan ta' aġġustament għandha għan ta' interess komuni, hija meħtieġa, xierqa proporzjonata, għandha effett ta' inċentiv u ma tfixkilx il-kompetizzjoni b'mod li jmur kontra l-interess komuni. Għaldaqstant din l-għajnuna hija inkompatibbli mal-Artikolu 107(3)(c) TFUE. L-istess japplika għat-tnaqqis tas-CSPE mogħti għall-parti tas-CSPE allokata għall-miżuri ta' appoġġ, minbarra l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali.
(339) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tapprova l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-pjan ta' aġġustament, kif deskritti minn Franza fit-Taqsima 4.4 u spjegati fil-premessi 329 u 334.
KONFORMITÀ MAL-ARTIKOLI 30 U 110 TFUE
(340) Skont ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-taxxi ma jaqgħux fl-ambitu tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuniet mill-Istat sakemm dawn ma jkunux il-metodu ta' finanzjament ta' miżura ta' għajnuna, b'mod li jagħmlu parti integrali minn din il-miżura.
(341) Barra minn hekk, il-paragrafu 29 tal-Linji Gwida tal-2014 jispeċifika li jekk għajnuna mill-Istat jew il-kundizzjonijiet marbutin magħha, inkluż il-metodu ta' finanzjament tagħha, jekk dan ikun parti integrali mill-miżura, toħloq b'mod indeferibbli ksur tad-dritt tal-Unjoni, b'mod partikolari tal-Artikoli 30 u 110 TFUE, l-għajnuna ma tistax tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern.
(342) Il-Kummissjoni vverifikat jekk is-CSPE kellhiex titqies bħala li tagħmel parti integrali mill-għajnuna, u jekk allura kellhiex teżamina l-konformità tas-CSPE mal-Artikoli 30 u 110 TFUE, pereżempju.
(343) Il-ġurisprudenza tistipula li sabiex taxxa tista' tiġi kkunsidrata bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta' għajnuna, għandu jkun hemm rabta ta' allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. Id-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament jintuża għall-finanzjament tal-għajnuna. Jekk rabta bħal din teżisti, id-dħul mit-taxxa jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta' din l-għajnuna mas-suq intern.
(344) Il-Kummissjoni tqis li dan mhuwiex il-każ f'din il-kawża għal żewġ raġunijiet:
(345) Minn naħa, is-CSPE hija kontribuzzjoni obbligatorja biex jiġi ffinanzjat l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja u għal politiki oħrajn. Ma ġietx stabbilita biex tiffinanzja l-eżenzjonijiet eżaminati f'din id-Deċiżjoni.
(346) Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li kontribuzzjoni li sservi biex tiffinanzja miżura ta' appoġġ ma tagħmilx part integrali minnha jekk l-ammont ta' din il-miżura ma jiddependix fuq id-dħul mill-kontribuzzjoni obbligatorja. Għalhekk meta tintuża kontribuzzjoni mill-baġit, apparti l-kontribuzzjoni obbligatorja, biex iseħħ il-finanzjament ta' għajnuna, din il-kontribuzzjoni ma tiffurmax parti integrali mill-għajnuna.
(347) Il-Kummissjoni tinnota li f'dan il-każ m'hemmx rabta ta' allokazzjoni vinkolanti bejn is-CSPE u l-iskema ta' appoġġ. Għalkemm is-CSPE hija fil-fatt allokata għall-finanzjament tal-iskema ta' appoġġ, il-Kummissjoni tqis iżda li ma hemmx korrelazzjoni vinkolanti bejn l-ammont tat-taxxa u l-ammont tal-għajnuna. Fil-fatt ma jistax jingħad li l-prodott tas-CSPE jaffettwa direttament il-kobor tal-iskema ta' għajnuna. Il-grafika li ġejja tispjega n-nuqqas ta' rabta ta' allokazzjoni vinkolanti u turi li mill-2007, il-kontribuzzjoni unitarja applikata ma tkoprix il-kost ta' finanzjament reali tal-miżuri appoġġjati: 2014 €/MWh Contribution unitaire appliqée Contribution unitaire nécessaire pour les charges de service public 2015 2013 2012 S2 2012 S1 2011 S2 2011 S1 2010 2009 2008 2007 2006 2005 2004 2003 2002 Évolution de la contribution unitaire Sors: Commission de régulation de l'énergie (Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija)
(348) Id-differenza tħallset direttament minn EDF. Kull sena, is-CRE (il-Kummissjoni Regolatorja tal-Enerġija) iddeterminat l-ammont ta' kontribuzzjoni meħtieġa biex tkopri l-kost reali tal-politiki li jridu jiġu ffinanzjat minnha.
(349) Differenzi bejn is-CSPE miġbura mill-EDF u l-kost reali tal-politiki ffinanzjati
Barra minn hekk, minn perspettiva teknika, is-CSPE tinġabar minn EDF, li hija responsabbli għall-finanzjament tal-politiki li fit-teorija jridu jkunu koperti mis-CSPE. Id-differenza bejn is-CSPE miġbura u l-ammonti li ħallset EDF tammonta għal aktar minn EUR 5,3 biljun. Din id-differenza hija mqassma kif ġej (għal kull sena u għal kull politika): Sors: Nota tal-awtoritajiet Franċiżi lis-servizzi tal-Kummissjoni - 20 ta' Diċembru 2016 ENR Inċinerazzjoni Koġenerazzjoni Ugwalizzazzjoni tar-rati Tariffi soċjali Produzzjoni fil-ħinijiet intensivi Oħrajn Total 2003 26 6 138 66 0 4 3 243 2004 5 1 17 10 0 1 0 34 2005 (22) (4) (98) (60) (12) (5) (3) (204) 2006 (3) (1) (38) (22) (2) (1) (1) (68) 2007 1 6 (70) (115) 1 (4) (1) (182) 2008 (5) 1 (19) (39) (2) (2) (1) (67) 2009 128 3 219 341 18 10 5 724 2010 119 (6) 223 197 17 7 5 562 2011 578 17 368 360 15 6 9 1353 2012 514 2 221 317 21 3 3 1081 2013 381 5 118 209 19 2 1 735 2014 708 7 117 322 54 2 1 1211 2015 (19) 0 (3) (8) (1) 0 0 (31) 2411 37 1193 1578 128 23 21 5391
(350) Id-defiċit ta' EDF imbagħad ġie rimborżat fuq il-bażi tal-baġit tal-Istat (ara l-Artikolu 5 tal-Liġi Finanzjarja ta' rettifika għall-2015 Nru 2015-1786 dwar il-kompożizzjoni tal-kont ta' approprjazzjoni speċjali).
(351) Minħabba n-nuqqas ta' rabta ta' allokazzjoni bejn is-CSPE u l-miżuri appoġġati, il-konformità tas-CSPE mal-Artikoli 30 u 110 TFUE m'għandhiex tiġi vvalutata.
RKUPRU TAL-GĦAJNUNA
(352) Fuq il-bażi tat-TFUE u tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni hija kompetenti biex tiddeċiedi jekk l-Istat Membru kkonċernat għandux jabolixxi jew jibdel l-għajnuna meta tkun sabet li din tkun inkompatibbli mas-suq intern. Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll b'mod konsistenti li l-obbligu ta' Stat Membru li jabolixxi għajnuna kkunsidrata mill-Kummissjoni bħala mhux kompatibbli mas-suq intern, huwa maħsub sabiex terġa' tiġi stabbilita s-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel.
(353) F'dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet li dan l-għan jintlaħaq meta l-benefiċjarju jkun ħallas lura l-ammonti mogħtija taħt l-għajnuna inkompatibbli. B'din ir-rifużjoni, il-benefiċjarju jitilef il-vantaġġ li kien igawdi fuq il-kompetituri tiegħu fis-suq, u tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni li kien hemm qabel il-ħlas tal-għajnuna.
(354) F'konformità ma' dik il-ġurisprudenza, l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2015/1589 jipprevedi li fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f'każijiet ta' għajnuna kontra l-liġi, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju (…).
(355) Il-miżuri inkwistjoni huma għajnuna illegali peress li ġew implimentati bi ksur tal-Artikolu 108 TFUE. Barra minn hekk huma wkoll inkompatibbli u għalhekk għandhom jiġu rkuprati sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni tas-suq qabel ingħataw. L-irkupru għandu jkopri l-perjodu mill-mument li l-benefiċċju ngħata lill-benefiċjarju, jiġifieri mill-mument li fih l-għajnuna kienet disponibbli għall-benefiċjarju sal-irkupru effettiv tagħha, u l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jipproduċu interessi sal-mument tal-irkupru effettiv tagħhom.
(356) Għaldaqstant, l-għajnuna mogħtija minn Franza trid tiġi rkuprata fil-proporzjon inkompatibbli mas-suq intern. L-irkupru għandu jirrigwarda biss it-tnaqqis tas-CSPE mogħti bejn l-2004 u l-2015, għat-tnaqqis tas-CSPE li tiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, u bejn l-2011 u l-2015 għat-tnaqqis tas-CSPE intiża għall-finanzjament tal-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli u permezz tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.
(357) L-ammont li għandu jiġi rkuprat għandu jkun ikkalkulat għal kull sena u għal kull benefiċjarju. Għal kull sena kkonċernata, għandu jkun limitat għad-differenza bejn l-ammont kompatibbli għal kull sena u l-ammont tas-CSPE effettivament imħallas. L-ammont kompatibli ta' CSPE għandu jiġi stabbilit skont l-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament, f'dak li jirrigwarda s-CSPE maħsuba għall-finanzjament tal-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali. F'dak li jirrigwarda s-sehem tas-CSPE li jiffinanzja għanijiet oħrajn għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali, l-ammont ta' CSPE kompatibbli li jrid jitħallas huwa t-total tas-CSPE għas-sehem tas-CSPE allokat għal dawn l-għanijiet l-oħrajn.
(358) Għal kull benefiċjarju, għal kull sena u għal kull politika, għandhom jiġu kkalkolati żewġ ammonti: l-ammont ta' CSPE imħallas, kif ukoll l-ammont tal-livell minimu ta' CSPE li għandu jitħallas abbażi tal-pjan ta' aġġustament miżjud mat-total tas-CSPE li sservi biex tiffinanzja l-appoġġ għall-għanijiet għajr l-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali.
Kalkolu tal-ammonti ta' CSPE effettivament imħallsa
(359) L-ammont tas-CSPE li effettivament tħallas mill-benefiċjarji fuq sena partikolari għandu jinkiseb mill-informazzjoni miġbura mis-servizzi tal-awtoritajiet Franċiżi. Dawn l-ammonti jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-tipi differenti ta' tnaqqis tas-CSPE. Madankollu Franza spjegat li għad m'għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, u semmiet il-fatt li m'għandhiex data f'format elettroniku ta' bejn l-2003 u l-2010. Għaldaqstant jenħtieġ li jsir kalkolu preċiż tal-ammont li jrid jitħallas mill-karti arkivjati.
(360) Rigward il-benefiċjarji tal-limitu massimu ta' CSPE ta' 0,5 % tal-valur miżjud, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għall-minimu bejn CSPE teoretika ddeterminata mill-pjan ta' aġġustament u 0,5 fil-mija tal-valur miżjud. F'każ ta' valur miżjud negattiv, l-ammont ta' CSPE meqjus imħallas għandu jkun żero. Dan l-ammont imbagħad għandu jitqassam bejn il-politiki skont it-tabella ppreżentata fil-premessa 133.
(361) Rigward il-benefiċjarji tal-limitu massimu għal kull sit, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għall-minimu bejn is-CSPE teoretika ddeterminata mill-pjan ta' aġġustament u l-ammont tal-limitu massimu għal kull sit tas-sena kkunsidrata. Dan l-ammont ukoll għandu jitqassam bejn kull politika skont it-tabella ppreżentata minn Franza u li tinsab fil-premessa 133.
(362) Rigward il-benefiċjarji tal-eżenzjoni minħabba l-konsum proprju, is-CSPE effettivament imħallsa hija ugwali għad-differenza bejn il-konsum totali u l-konsum eżentat, immultiplikata bir-rata ta' unità annwali tas-CSPE ippreżentata fil-premessa 133.
(363) Għal kull sit benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit, din tiġi ddeterminata jekk is-sit jappartjeni għal kumpanija li tibbenefika wkoll mil-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud. Għal kull sit benefiċjarju tal-eżenzjoni minħabba l-awtokonsum, din tiġi ddeterminata jekk is-sit jappartjeni għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud u jekk jibbenefika wkoll mil-limitu massimu għal kull sit.
(364) F'każ li sit, benefiċjarju tal-limitu massimu għal kull sit jew tal-eżenzjoni minħabba l-awtokonsum, jappartjeni għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, allura għandu jiġi kkunsidrat il-limitu massimu tal-valur miżjud biex il-benefiċċju mogħti ma jiġix kontabilizzat darbtejn. Jekk fil-fatt il-kumpanija tibbenefika mil-limitu massimu ta' 0,5 % tal-valur miżjud, magħruf fis-sena ta' wara, ir-rimborż li jsir a posteriori għandu jikkonsisti fid-differenza bejn is-CSPE imħallsa u 0,5 fil-mija tal-valur miżjud tal-kumpanija.
(365) F'każ li sit jibbenefika mil-limitu massimu għal kull sit u mill-eżenzjoni minħabba l-konsum proprju, iżda ma jappartjenix għal kumpanija benefiċjarja tal-limitu massimu tal-valur miżjud, allura għandu jiġi kkunsidrat il-limitu massimu għal kull sit.
Il-kalkolu tal-ammonti ta' CSPE dovuti skont l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tal-pjanijiet ta' aġġustament Is-CSPE li għandha titħallas u mhux soġġetta għall-pjan ta' aġġustament
(366) Il-Kummissjoni tqis l-ewwel nett li s-CSPE kollha dovuta mill-benefiċjarji u eskluża mill-pjan ta' aġġustament tirrigwarda s-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-inċinerazzjoni tal-iskart mhux bijodegradabbli jew mhux allokat għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, l-appoġġ għall-impjanti li jintużaw fl-eqqel ħinijiet u l-appoġġ għal diversi miżuri bħall-finanzjament tal-kuntratti ta' enerġija garantita, u ppreżentati fil-premessi 11(1) sa 11(3) u 325 sa 330. Is-CSPE diġà mħallsa mill-benefiċjarji tista' tkun allokata bi prijorità għall-finanzjament ta' dawn il-politiki l-oħrajn għall-applikazzjoni tal-pjan ta' aġġustament u d-determinazzjoni tal-ammont ta' għajnuna li għandu jiġi rkuprat.
Data tal-bidu tal-pjanijiet ta' aġġustament
(367) Il-Kummissjoni tapprova d-data tal-bidu tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' aġġustament ippreżentata fil-premessi 275, 318 sa 321, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja minn naħa, u għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u t-tariffi soċjali min-naħa l-oħra.
Il-kalkolu tal-ammonti ta' CSPE li għandhom jitħallsu u l-progressività tagħhom
(368) Il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tal-ammonti li jridu jitħallsu għad-diversi komponenti tas-CSPE soġġetti għal pjan ta' aġġustament u spjegat fil-premessi 265 sa 274, għas-sehem tas-CSPE maħsub biex jiffinanzja l-enerġiji rinnovabbli u fil-premessi 316 sa 317 għas-sehem tas-CSPE allokat għall-finanzjament tal-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, tat-tariffi soċjali u tal-ugwalizzazzjoni tat-tariffi.
(369) Il-Kummissjoni tapprova l-prinċipju u l-metodu ta' kalkolu tal-progressività tal-ammonti tas-CSPE li għandhom jitħallsu, deskritt fil-premessa 140 u bbażat fuq liġi statistika.
(370) Il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tas-CSPE li għandha titħallas, stabbilta għal kull benefiċjarju f'sena partikolari permezz tal-formola li ġejja: Ammont li għandu jitħallas għal kull sena għal kull politika ffinanzjata = ammont imħallas + (l-ammont li għandu jitħallas – l-ammont imħallas) × [(e^n)-1]/[(e^N)-1] b'n tkun in-numru tas-sena tal-pjan (eżempju: għal pjan li jibda fl-2011 u b'applikazzjoni sħiħa fl-2019, fl-2011 n = 0, fl-2012 n = 1, …, fl-2019 n = 8) u N tkun in-numru ta' snin tal-pjan (eżempju: għall-istess eżempju preċedenti, N = 8).
(371) Il-Kummissjoni tapprova wkoll il-metodu tal-ikkunsidrar tal-livelli de minimis, kif spjegat fil-premessa 135.
Il-kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati
(372) It-total tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati, għal kull benefiċjarju, għandu jkun ugwali (i) għad-differenza bejn l-ammonti ta' CSPE dovuti skont l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u (ii) l-ammonti ta' CSPE effettivament imħallsa mill-benefiċjarji eliġibbli.
(373) F'dan il-każ, il-Kummissjoni tapprova l-metodu ta' kalkolu tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati deskritt minn Franza u ppreżentat fil-premessi 145 sa 148.
KONKLUŻJONIJIET
(374) Il-Kummissjoni ssib li Franza, b'mod illegali, implimentat il-limiti massimi ta'CSPE bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE.
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u s-servizz pubbliku tal-enerġija (il-Liġi Nru 2003-8), ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta l-elettriku eżentat mis-CSPE jiġi kkunsmat mill-produttur stess biex jipproduċi l-elettriku.
Artikolu 2 Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess minn enerġiji rinnovabbli, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn enerġiji rinnovabbli.
Artikolu 3 Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess mill-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, għas-sehem tas-CSPE li jiffinanzja l-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja.
Artikolu 4 Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, fil-każijiet għajr dawk imsemmija fl-Artikoli 1, 2 u 3 ta' din id-Deċiżjoni diment li dawn ġew allokati għall-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali u diment li ma qabżux l-ammonti ta' tnaqqis mis-CSPE permessi mill-pjan ta' aġġustament.
Artikolu 5 Il-miżuri implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-forma ta' limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud, favur konsumaturi tal-elettriku, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat kompatibbli mas-suq intern, skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, diment li dawn ġew allokati għall-finanzjament għall-appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli, għall-koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja, għall-ugwalizzazzjoni tat-tariffi u għat-tariffi soċjali u diment li ma qabżux l-ammonti ta' tnaqqis mis-CSPE permessi mill-pjan ta' aġġustament.
Artikolu 6 Il-Kummissjoni taċċetta l-pjanijiet ta' aġġustament notifikati minn Franza. Franza se jkollha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-pjanijiet skont il-modalitajiet spjegati fl-Artikoli 10 u 11 u fl-iskadenzi speċifikati fl-Artikolu 12.
Artikolu 7 Il-miżuri ta' eżenzjoni mis-CSPE implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE favur dawk li jikkunsmaw l-elettriku prodott minnhom stess, li rriżultaw mill-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 2003-8 tat-3 ta' Jannar 2003 dwar is-swieq tal-gass u tal-elettriku u s-servizz pubbliku tal-enerġija (il-Liġi Nru 2003-8), u l-miżuri implimentati minn Franza bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, fil-forma ta' limiti massimi ta' CSPE għal kull sit u tal-valur miżjud li mhumiex koperti mill-Artikoli 1 sa 5 ta' din id-Deċiżjoni huma għajnuna inkompatibbli. Franza hija obbligata li tirkupra l-għajnuna illegali u inkompatibbli mingħand il-benefiċjarji.
Artikolu 8 Kull għajnuna individwali mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 ma tikkostitwix għajnuna jekk, fil-ħin li tingħata, hija tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati mir-regolament adottat skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 li huwa applikabbli fiż-żmien meta tingħata l-għajnuna.
Artikolu 9 Kull għajnuna individwali mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 li, meta ngħatat, kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati minn Regolament adottat skont l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 jew minn kwalunkwe skema ta' għajnuna approvata oħra hija kompatibbli mas-suq intern sal-intensitajiet massimi tal-għajnuna applikabbli għal dak it-tip ta' għajnuna.
Artikolu 10
1. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu magħhom l-imgħaxijiet mid-data meta tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarji sad-data tal-irkupru effettiv tagħhom.
2. L-imgħax għandu jkun ikkalkulat fuq il-bażi ta' imgħax kompost skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.
3. Franza għandha tħassar il-pagamenti pendenti kollha ta' għajnuna skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 b'effett mid-data tan-notifika ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 11
1. L-irkupru tal-għajnuna mogħtija għandu jkun immedjat u effettiv.
2. Franza għandha tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fl-erba' xhur li jsegwu d-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 12
1. Fi żmien xahrejn min-notifika ta' din id-Deċiżjoni, Franza trid tippreżenta l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:
il-lista finali tal-benefiċjarji tal-għajnuna mogħtija taħt l-iskema msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 7,
l-ammont totali tal-għajnuna riċevut taħt l-iskema msemmija fl-Artikoli 4, 5 u 7,
l-ammont totali tal-għajnuna li kull wieħed minnhom jista' jieħu taħt il-pjan ta' aġġustament,
l-ammonti ta' CSPE li kull wieħed minnhom irċieva u li mhijiex għajnuna taħt l-Artikoli 1 sa 3.
l-ammont totali li għandu jiġi rkuprat mingħand kull wieħed minnhom taħt l-iskema msemmija fl-Artikolu 7
l-ammont ta' rkupru finali totali (kapital u imgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju
deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri ppjanati sabiex ikun hemm konformità ma' din id-Deċiżjoni.
2. Il-proċedura tal-irkupru għandha tkun ġiet implimentata fl-erba' xhur ta' wara n-notifika ta' din id-Deċiżjoni. F'dan il-perjodu, Franza għandha tibgħat lill-Kummissjoni d-dokumenti li juru li l-benefiċjarji ġew ordnati jħallsu lura l-għajnuna u li effettivament ħallsu lura l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata.
3. Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-għajnuna mogħtija skont l-iskema msemmija fl-Artikolu 7 tkun irkuprata kollha. Hija għandha tippreżenta minnufih, sempliċement fuq talba tal-Kummissjoni, l-informazzjoni kollha dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li kienu previsti biex tintlaħaq konformità ma' din id-Deċiżjoni. Għandha wkoll tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta' għajnuna u mgħax diġà rkuprati mill-benefiċjarji.
Artikolu 13 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Lulju 2018. Għall-Kummissjoni Margrethe Vestager Membru tal-Kummissjoni