Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2019/962 tat-12 ta' Ġunju 2019 li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-twaqqif ta' żewġ gruppi funzjonali ġodda tal-addittivi tal-għalf (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2019/962@2019-06-12/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 fuq l-addittivi għall-użu fl-għalf tal-annimali, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(3) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jipprevedi l-allokazzjoni tal-addittivi fl-għalf f'kategoriji u anke fi gruppi funzjonali fi ħdan dawk il-kategoriji skont il-funzjonijiet u l-proprjetajiet tagħhom.
(2) Minħabba l-iżvilupp teknoloġiku u xjentifiku, hemm diversi sustanzi li jista' jkollhom effett teknoloġiku fuq l-għalf li mhuwiex deskritt b'rabta ma' xi grupp funzjonali li jeżisti diġà. Għaldaqstant, jixraq li jinħoloq grupp funzjonali ġeneriku ġdid fil-kategorija tal-addittivi teknoloġiċi biex jinkludi lil dawn is-sustanzi.
(3) Minbarra l-prattiki tajba tal-biedja li jiżguraw il-benessri tal-annimali u r-rispett tad-dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali fl-UE, l-istudji xjentifiċi juru li xi addittivi tal-għalf jistgħu jgħinu lill-annimali f'saħħithom biex iżommu kundizzjoni fiżjoloġika tajba, jikkontribwixxu għall-benessri tal-annimali, jaffettwaw favorevolment ir-reżiljenza tal-annimali għall-fatturi tal-istress jew jappoġġaw il-benessri tagħhom f'ċerti sitwazzjonijiet. Peress li l-funzjoni ewlenija ta' dawn l-addittivi tal-għalf ma tista' tiġi allokata lill-ebda wieħed mill-gruppi funzjonali speċifiċi previsti mir-Regolament (KE) Nru 1831/2003, jixraq li jinħoloq grupp funzjonali ġdid fil-kategorija tal-addittivi żootekniċi. Dan għandu jippermetti li jkun hemm definizzjoni aħjar tal-iskop intiż għal dawk l-addittivi, li jiġu stabbiliti l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-effikaċja u li tinħoloq iċ-ċarezza ġuridika għall-applikanti.
(4) Sabiex jiġu introdotti dawk iż-żewġ gruppi funzjonali l-ġodda, jenħtieġ li l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 jiġi emendat skont dan.
(5) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Emendi lir-Regolament (KE) Nru 1831/2003
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1831/2003 huwa emendat kif ġej:
(1)(o) fil-punt 1 jiddaħħal il-punt li ġej: addittivi teknoloġiċi oħrajn: sustanzi jew, meta applikabbli, mikroorganiżmi, miżjuda mal-għalf għal skop teknoloġiku u li jaffettwaw b'mod pożittiv il-karatteristiċi tal-għalf.
(2)(e) fil-punt 4 jiddaħħal il-punt li ġej: stabilizzaturi tal-kundizzjoni fiżjoloġika: sustanzi jew, meta applikabbli, mikroorganiżmi, li, meta jingħataw lill-annimali f'saħħithom, jaffettwaw b'mod pożittiv il-kundizzjoni fiżjoloġika tagħhom, inkluż ir-reżiljenza tagħhom għall-fatturi tal-istress.
Artikolu 2 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Ġunju 2019. Għall-Kummissjoni Il-President Jean-Claude Juncker