Gelex

Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (PESK) 2020/1010 tat-2 ta’ Lulju 2020 dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 (BiH/29/2020)

In forceVersion 2020-07-02from 2020-07-18
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/1010@2020-07-02/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUMITAT POLITIKU U TA’ SIGURTÀ,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 38 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2004/570/PESK tat-12 ta’ Lulju 2004 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina, u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha,

Billi:

(1) Skont l-Artikolu 6(1) tal-Azzjoni Konġunta 2004/570/PESK, il-Kunsill awtorizza lill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) biex jieħu deċiżjonijiet rilevanti dwar il-ħatra tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

(2) Fit-8 ta’ Ottubru 2018, il-KPS iddeċieda fil-prinċipju li l-Viċi Kap tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE) jenħtieġ li jinħatar bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE mid-29 ta’ Marzu 2019, dment li n-NATO jikkonferma d-disponibbiltà tiegħu.

(3) Fis-7 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana kkonferma d-disponibbiltà tal-Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE biex jassumi r-rwol tiegħu ta’ Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE taħt l-Arranġamenti Berlin plus, mid-29 ta’ Marzu 2019.

(4) Fis-7 ta’ Frar 2019, il-KPS adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 dwar il-ħatra tal-Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE, il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTIMANN, bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mid-29 ta’ Marzu 2019.

(5) Fil-15 ta’ Mejju 2020, in-NATO ddeċidiet li taħtar il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET bħala Viċi Kap tal-Persunal ta’ SHAPE, biex jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN mit-18 ta’ Lulju 2020. Minn dik id-data, il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET jenħtieġ ukoll jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN fil-kapaċità tiegħu bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina.

(6) Fis-26 ta’ Mejju 2020, il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea qabel li jirrakkomanda n-nomina tal-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE tal-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mit-18 ta’ Lulju 2020.

(7) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 titħassar.

(8) F’konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka ma tiħux sehem fl-elaborazzjoni u fl-implimentazzjoni ta’ deċiżjonijiet u azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet ta’ difiża.

(9) Fit-12 u t-13 ta’ Diċembru 2002, il-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen adotta dikjarazzjoni li tgħid li l-arranġamenti Berlin plus u l-implimentazzjoni tagħhom ser japplikaw biss għal dawk l-Istati Membri tal-Unjoni li huma wkoll membri tan-NATO jew inkella li huma partijiet fis-Sħubija għall-Paċi, u li konsegwentement ikkonkludew arranġamenti bilaterali dwar is-sigurtà man-NATO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-Maġġur Ġeneral Brice HOUDET, il-Viċi Kap tal-Persunal tal-Kwartieri Ġenerali Supremi tal-Potenzi Alleati fl-Ewropa (SHAPE), huwa b’dan maħtur biex jieħu post il-Logutenent Ġeneral Olivier RITTMANN bħala Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE għall-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina mit-18 ta’ Lulju 2020.

Artikolu 2 Id-Deċiżjoni (PESK) 2019/264 hija b’dan imħassra.

Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-18 ta’ Lulju 2020.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2020. Għall-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà Il-President S. From-Emmesberger

Versions

  1. 2020-07-02