Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1044 tat-8 ta’ Mejju 2020 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-valuri għall-potenzjali ta’ tisħin globali u l-linji gwida tal-inventarju u fir-rigward tas-sistema tal-inventarju tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/1044@2020-05-08/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Kamp ta’ applikazzjoni
- Artikolu 2 Potenzjali ta’ tisħin globali
- Artikolu 3 Linji gwida tal-Inventarju ta’ Gassijiet Serra
- Artikolu 4 Objettivi tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità
- 1.
- Artikolu 5 Mili tal-lakuni
- 1.
- Artikolu 6 Kontrolli inizjali
- Artikolu 7 Tħassir
- Artikolu 8 Dispożizzjoni tranżizzjonali
- Artikolu 9 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
- ANNEX
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(6)(b) u l-Artikolu 37(7) tiegħu,
Billi:
(1) Il-mekkaniżmu għall-monitoraġġ u għar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi r-regoli għall-monitoraġġ u għar-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fil-kuntest tal-politika dwar il-klima. Id-dispożizzjonijiet ta’ dak il-mekkaniżmu huma integrati bis-sħiħ fir-Regolament (UE) 2018/1999, li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 mill-1 ta’ Jannar 2021. Fi ħdan dak il-mekkaniżmu, jeħtieġ li jiġu adottati valuri għall-potenzjali tat-tisħin globali u li jiġu speċifikati l-linji gwida tal-inventarju.
(2) Rigward il-potenzjali ta’ tisħin globali, l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-UNFCCC) li serviet bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tal-2015 wara l-wieħed u għoxrin Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (il-Ftehim ta’ Pariġi) stabbiliet metrika komuni għat-traduzzjoni ta’ gassijiet serra fl-ekwivalenti tas-CO2 għall-finijiet tar-rapportar tal-inventarji ta’ gassijiet serra. Dik il-metrika komuni tissejjes fuq il-valuri għall-potenzjal ta’ tisħin globali stabbiliti fil-Ħames Rapport ta’ Valutazzjoni tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC). Jenħtieġ li l-valuri għall-potenzjali ta’ tisħin globali jqisu dik il-metrika komuni.
(3) Jenħtieġ li l-linji gwida tal-inventarju ta’ gassijiet serra jiġu speċifikati f’konformità mal-iżviluppi internazzjonali. Minbarra l-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jenħtieġ iqisu l-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 tal-Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (id-Deċiżjoni 18/CMA.1). Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jużaw is-Suppliment tal-2013 għal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC: Artijiet mistagħdra.
(4) Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-inventarju tal-Unjoni, jenħtieġ li jiġu stabbiliti aktar objettivi tal-programm tal-Unjoni ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità.
(5) Sabiex jiġi żgurat li l-inventarju tal-Unjoni jiġi kkompletat skont id-Deċiżjoni 18/CMA.1, jeħtieġ li jiġu stabbiliti l-metodoloġiji u d-data li għandhom jintużaw mill-Kummissjoni meta tħejji l-istimi għad-data nieqsa minn inventarju ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999.
(6) Sabiex jiġu żgurati l-puntwalità, it-trasparenza, l-akkuratezza, il-konsistenza, il-komparabilità u l-kompletezza tal-inventarju tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi speċifikat il-kontenut tal-kontrolli inizjali mwettqa fuq id-data tal-inventarju ta’ gassijiet serra imressqa mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tal-akkuratezza bħala parti mill-kontrolli inizjali tiżgura li l-Istati Membri ma jissopravalutawx jew ma jissottovalutawx sistematikament l-emissjonijiet u l-assorbimenti reali b’rabta mal-kategoriji ewlenin tal-Unjoni. Barra minn hekk, billi r-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar mis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (il-LULUCF) huwa parti integrali tar-rapportar tal-inventarju ta’ gassijiet serra u minħabba l-inklużjoni tas-settur tal-LULUCF fil-mira tal-klima tal-2030, jenħtieġ li l-kontrolli inizjali fis-settur tal-LULUCF jiġu allinjati ma’ dawk imwettqa fis-setturi l-oħra. Fis-settur tal-LULUCF, id-data dwar l-attività rrapportata dwar l-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art tista’ titqabbel mal-informazzjoni miksuba mill-programmi u mill-istħarriġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri, bħal Copernicus u LUCAS.
(7) L-istimi biex tiġi kkompletata d-data nieqsa tal-inventarju nazzjonali biex jiġi kkompilat l-inventarju tal-Unjoni jitħejjew f’konformità mal-linji gwida tal-inventarju ta’ gassijiet serra. Dawk l-istimi ma jistgħux jiġu ddeterminati mingħajr ma jiġu applikati l-valuri għall-potenzjal ta’ tisħin globali ta’ gassijiet serra. Peress li r-regoli dwar il-potenzjali ta’ tisħin globali, il-linji gwida tal-inventarju u s-sistema tal-inventarju tal-Unjoni huma marbutin b’mod sostantiv, jixraq li dawn jiġu inklużi f’Regolament Delegat wieħed.
(8) Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2018/1999, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
(9) F’konformità mal-Artikoli 57 u 58 tar-Regolament (UE) 2018/1999, ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, li għandu japplika għar-rapporti li jkun fihom data mis-snin 2018, 2019 u 2020. Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 666/2014 jitħassar mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jenħtieġ li l-Artikoli 6 u 7 tiegħu jissoktaw ikollhom effett għar-rapporti li jkun fihom id-data meħtieġa għas-snin 2019 u 2020,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika għar-rapporti mressqa mill-Istati Membri li jinkludu d-data meħtieġa mis-sena 2021 ’l quddiem.
Artikolu 2 Potenzjali ta’ tisħin globali
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jużaw il-potenzjali ta’ tisħin globali elenkati fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament bl-għan li tiġi stabbilita u rrapportata d-data tal-inventarji ta’ gassijiet serra skont il-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999.
Artikolu 3 Linji gwida tal-Inventarju ta’ Gassijiet Serra
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jistabbilixxu l-inventarji ta’ gassijiet serra msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999, f’konformità ma’:
(a) il-Linji Gwida tal-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) tal-2006 għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra;
(b) il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 tal-Konferenza tal-Partijiet li sservi bħala l-laqgħa tal-Partijiet għall-Ftehim ta’ Pariġi (id-Deċiżjoni 18/CMA.1).
Artikolu 4 Objettivi tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità
1. Il-Kummissjoni għandha tiġġestixxi, iżżomm u tfittex li kontinwament ittejjeb is-sistema tal-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra abbażi tal-objettivi li ġejjin tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità li:
1.
(a) l-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra jkun komplut billi, fejn ikun rilevanti, tiġi applikata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999, b’konsultazzjoni mal-Istat Membru kkonċernat;
(b) is-sistema tal-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra tipprovdi kemm aggregazzjoni trasparenti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar kif ukoll ħarsa ġenerali tad-deskrizzjonijiet metodoloġiċi għall-kategoriji ewlenin tal-Unjoni, u tirrifletti b’mod trasparenti l-kontribut tal-emissjonijiet tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għall-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra;
(c) l-ammont totali tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-Unjoni mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għal sena ta’ rapportar huwa daqs is-somma tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar kif irrapportat skont il-paragrafi 3, 4 u 5 tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2018/1999 għal dik l-istess sena;
(d) l-inventarju tal-Unjoni ta’ gassijiet serra jinkludi serje kronoloġika konsistenti ta’ emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar għas-snin kollha rrapportati.
2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iżidu, fejn possibbli, il-komparabilità tal-inventarji nazzjonali ta’ gassijiet serra billi jfittxu sinerġija tal-metodi, tad-data dwar l-attività, tal-ispjegi u tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar mill-Istati Membri, fejn xieraq.
3. L-objettivi tal-programm ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità tal-inventarju tal-Unjoni għandhom jikkumplimentaw l-objettivi tal-programmi ta’ assigurazzjoni tal-kwalità u ta’ kontroll tal-kwalità implimentati mill-Istati Membri.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kwalità tad-data dwar l-attività, tal-fatturi ta’ emissjoni u ta’ parametri oħra li jintużaw għall-inventarju nazzjonali tagħhom ta’ gassijiet serra.
Artikolu 5 Mili tal-lakuni
1. L-istimi tal-Kummissjoni biex tkun kompluta d-data tal-inventarju mressqa minn Stat Membru kif imsemmija fl-Artikolu 37(5) tar-Regolament (UE) 2018/1999 għandhom jissejsu fuq il-metodoloġiji u fuq id-data li ġejjin:
1.
(a) meta fis-sena ta’ rapportar preċedenti, Stat Membru jkun ressaq serje kronoloġika konsistenti ta’ stimi għall-kategorija tas-sorsi rilevanti u:
(a)
(i) dak l-Istat Membru jkun ressaq inventarju approssimat ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999 li jinkludi l-istima nieqsa, skont id-data minn dak l-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra;
(ii) dak l-Istat Membru ma jkunx ressaq inventarju approssimat ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 skont l-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, iżda l-Unjoni tkun stmat emissjonijiet approssimati ta’ gassijiet serra għas-sena X – 1 għal dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 26(2) tar-Regolament (UE) 2018/1999, skont id-data minn dak l-inventarju approssimat tal-Unjoni ta’ gassijiet serra;
(iii) l-użu tad-data mill-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra tal-Istat Membru ma jkunx possibbli jew jista’ jwassal għal stima xejn akkurata, għall-istimi nieqsa fis-settur tal-enerġija, skont id-data statistika dwar l-enerġija miksuba f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1099/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(iv) l-użu tad-data mill-inventarju approssimat ta’ gassijiet serra ma jkunx possibbli jew jista’ jwassal għal stima tassew mhux akkurata, għall-istimi nieqsa fis-setturi li mhumiex tal-enerġija, dwar metodoloġiji ta’ stima konsistenti mal-parir tekniku dwar il-mili tal-lakuni fit-Taqsima 2.2.3 tal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC (Vol. 1) bl-użu, fejn xieraq, tal-istatistika Ewropea;
(b) meta stima ta’ emissjoni mis-sors jew l-assorbiment mill-bjar għall-kategorija rilevanti tkun ġiet soġġetta għal korrezzjonijiet tekniċi f’konformità mal-Artikolu 38(2)(d) tar-Regolament (UE) 2018/1999 fl-aħħar eżami mill-ġdid qabel it-tressiq u l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ressaq stima riveduta, skont il-metodu użat mit-tim ta’ esperti tekniċi għall-eżami mill-ġdid għall-kalkolu tal-korrezzjoni teknika;
(c) meta ma tkunx disponibbli serje kronoloġika konsistenti ta’ stimi rapportati għall-kategorija tas-sorsi rilevanti, dwar il-metodoloġiji tal-istima konsistenti mal-parir tekniku dwar il-mili tal-lakuni li hemm fit-Taqsima 2.2.3 tal-Linji Gwida għall-Inventarji Nazzjonali ta’ Gassijiet Serra tal-2006 tal-IPCC (Vol. 1).
2. Il-Kummissjoni għandha tħejji l-istimi msemmija fil-paragrafu 1 sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ rapportar, f’konsultazzjoni u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat.
3. L-Istat Membru kkonċernat għandu juża l-istimi msemmija fil-paragrafu 1 għat-tressiq tiegħu tal-inventarji nazzjonali lis-Segretarjat tal-UNFCCC skont l-Artikolu 26(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999.
Artikolu 6 Kontrolli inizjali
Il-kontrolli inizjali mwettqa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 37(4) tar-Regolament (UE) 2018/1999 jistgħu jinkludu:
(a) valutazzjoni dwar jekk il-kategoriji kollha meħtieġa skont il-modalitajiet, il-proċeduri u l-linji gwida għall-qafas ta’ trasparenza għall-azzjoni u għall-appoġġ imsemmija fl-Artikolu 13 tal-Ftehim ta’ Pariġi stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1 u għall-gassijiet serra kollha msemmija fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999 humiex irrapportati mill-Istat Membru;
(b) valutazzjoni dwar jekk is-serje kronoloġika tad-data tal-emissjonijiet mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar hijiex konsistenti;
(c) valutazzjoni dwar jekk il-fatturi tal-emissjoni implikati fl-Istati Membri humiex komparabbli meta jitqiesu l-fatturi prestabbiliti tal-emissjonijiet tal-IPCC għal ċirkostanzi nazzjonali differenti;
(d) valutazzjoni tal-użu tal-ispjegi Mhux Stmati fejn il-metodoloġiji tal-Grad 1 tal-IPCC jeżistu u fejn l-użu tal-ispjegi mhuwiex ġustifikat f’konformità mal-punt 32 tal-Anness tad-Deċiżjoni 18/CMA.1;
(e) analiżi tal-kalkoli mill-ġdid imwettqa għat-tressiq tal-inventarju ta’ gassijiet serra, inkluż jekk il-kalkoli mill-ġdid humiex ibbażati fuq bidliet metodoloġiċi;
(f) tqabbil tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra verifikati rrapportati skont l-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-Unjoni Ewropea mal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra rrapportati skont l-Artikolu 26(3) tar-Regolament (UE) 2018/1999;
(g) tqabbil tar-riżultati tal-approċċ ta’ referenza tal-Eurostat mal-approċċ ta’ referenza tal-Istati Membri;
(h) tqabbil tar-riżultati tal-approċċ settorjali tal-Eurostat mal-approċċ settorjali tal-Istati Membri;
(i) valutazzjoni dwar jekk l-Istat Membru implimentax kwistjonijiet minn kontrolli inizjali u eżamijiet mill-ġdid preċedenti tal-Unjoni kif ukoll rakkomandazzjonijiet minn eżamijiet mill-ġdid tal-UNFCCC;
(j) valutazzjoni tal-akkuratezza tal-istimi tal-emissjonijiet tal-Istati Membri mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar fir-rigward tal-kategoriji ewlenin tal-Unjoni;
(k) valutazzjoni tat-trasparenza u tal-kompletezza tad-deskrizzjonijiet metodoloġiċi rrapportati mill-Istati Membri għall-kategoriji ewlenin tal-Unjoni;
(l) valutazzjoni tal-monitoraġġ u tar-rapportar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mis-sorsi u l-assorbimenti mill-bjar fis-settur tal-użu tal-art, tat-tibdil fl-użu tal-art u tal-forestrija (il-LULUCF) skont il-Parti 3 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2018/1999, inkluż l-assenjament tal-kategoriji ewlenin, il-metodoloġija tal-Grad applikata, u t-tqabbil tad-data dwar l-attività rrapportata dwar l-użu tal-art u t-tibdil fl-użu tal-art mal-informazzjoni miksuba mill-programmi u mill-istħarriġ tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
Artikolu 7 Tħassir
Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 666/2014 jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021, soġġett għad-dispożizzjoni tranżizzjonali stipulata fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8 Dispożizzjoni tranżizzjonali
B’deroga mill-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament, l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 666/2014 għandhom jissoktaw ikollhom effett għar-rapporti li jkun fihom id-data meħtieġa għas-snin 2019 u 2020.
Artikolu 9 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Mejju 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS POTENZJALI TA’ TISĦIN GLOBALI
Akronomu, isem komuni jew isem kimiku Potenzjal ta’ tisħin globali Diossidu tal-Karbonju (CO2) 1 Metan (CH4) 28 Ossidu nitruż (N2O) 265 Eżafluworur tal-kubrit (SF6) 23500 Trifluworur tan-nitroġenu (NF3) 16100 Idrofluworokarburi (HFCs): HFC-23 CHF3 12400 HFC-32 CH2F2 677 HFC-41 CH3F 116 HFC-125 CHF2CF3 3170 HFC-134 CHF2CHF2 1120 HFC-134a CH2FCF3 1300 HFC-143 CH2FCHF2 328 HFC-143a CH3CF3 4800 HFC-152 CH2FCH2F 16 HFC-152a CH3CHF2 138 HFC-161 CH3CH2F 4 HFC-227ea CF3CHFCF3 3350 HFC-236cb CF3CF2CH2F 1210 HFC-236ea CF3CHFCHF2 1330 HFC-236fa CF3CH2CF3 8060 HFC-245fa CHF2CH2CF3 858 HFC-245ca CH2FCF2CHF2 716 HFC-365mfc CH3CF2CH2CF3 804 HFC-43-10mee CF3CHFCHFCF2CF3 jew (C5H2F10) 1650 Perfluworokarburi (PFCs): PFC-14, Perfluworometan, CF4 6630 PFC-116, Perfluworoetan, C2F6 11100 PFC-218, Perfluworopropan, C3F8 8900 PFC-318, Perfluworoċiklobutan, c-C4F8 9540 Perfluworoċiklopropan c-C3F6 9200 PFC-3-1-10, Perfluworobutan, C4F10 9200 PFC-4-1-12, Perfluworopentan, C5F12 8550 PFC-5-1-14, Perfluworoeżan, C6F14 7910 PFC-9-1-18, C10F18 7190