Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1073 tas-17 ta’ Lulju 2020 li tagħti deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (Il-verżjoni bl-Olandiż biss hija awtentika)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/1073@2020-07-17/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Deroga
- Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni
- Artikolu 3 Definizzjonijiet
- Artikolu 4 Kundizzjonijiet ġenerali tad-deroga
- (2)
- Artikolu 5 Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni
- Artikolu 6 Għoti tal-awtorizzazzjonijiet
- Artikolu 7 Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra
- 4.
- 6.
- Artikolu 8 Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art
- Artikolu 9 Kundizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka biex jitnaqqsu d-depożiti tan-nutrijenti fl-ilma wkoll
- 1.
- Artikolu 10 Monitoraġġ
- 1.
- Artikolu 11 Kontrolli u spezzjonijiet
- Artikolu 12 Rappurtar
- 1.
- Artikolu 13 Perjodu ta’ applikazzjoni
- Artikolu 14 Destinatarju
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,
Billi:
(1) Bid-Deċiżjoni 2005/880/KE, il-Kummissjoni tat deroga mitluba min-Netherlands skont id-Direttiva 91/676/KEE bl-iskop li tippermetti t-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 70 % ta’ bwar.
(2) Bid-Deċiżjoni 2010/65/UE, il-Kummissjoni emendat id-Deċiżjoni 2005/880/KE u estendiet id-deroga sal-31 ta’ Diċembru 2013.
(3) Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/291/UE, li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2017, in-Netherlands ingħataw deroga skont id-Direttiva 91/676/KEE li tippermetti t-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar sa limitu ta’ 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija loess u sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra. Din id-deroga kienet tirrigwarda 19564 azjenda agrikola fl-2016, li kienu jikkorrispondu għal 47 % taż-żona agrikola netta totali tan-Netherlands.
(4) Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/820, li ma baqgħetx tapplika fl-1 ta’ Jannar 2020, in-Netherlands ingħataw deroga skont id-Direttiva 91/676/KEE li tippermetti t-tidmil bid-demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar sa limitu ta’ 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija loess u sa limitu ta’ 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-azjendi agrikoli li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra. Din id-deroga kienet tirrigwarda 18818 -il azjenda agrikola fl-2019, li kienu jikkorrispondu għal 44,7 % taż-żona agrikola netta totali tan-Netherlands.
(5) Kif ġie rrikonoxxut fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/820, fis-snin reċenti l-implimentazzjoni min-Netherlands tal-politika tagħha għall-ġestjoni tad-demel ġarrbet xi tfixkil li wassal għal sitwazzjoni fejn kien hemm tħassib dwar frodi possibbli. Minħabba din is-sitwazzjoni n-Netherlands kellhom iżidu l-isforzi tagħhom fil-prevenzjoni tal-frodi fl-implimentazzjoni tal-politika tagħhom dwar id-demel. Filwaqt li s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands diġà jipprevedi miżuri mmirati għar-rinfurzar tal-kontroll u tal-ispezzjonijiet sabiex titjieb il-konformità ġenerali mar-regoli tal-politika tan-Netherlands dwar id-demel, inħtieġu iktar sforzi biex jitrawmu implimentazzjoni effettiva u konformità sħiħa. Dawn l-isforzi kienu jinkludu l-istabbiliment ta’ strateġija tal-infurzar imsaħħa, u kienu jqisu wkoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. L-istrateġija kellha tkun ibbażata fuq valutazzjoni indipendenti tal-konformità mar-regoli tal-politika tan-Netherlands dwar id-demel u kellu jkun fiha miżuri speċifiċi bl-għan li jissaħħu aktar l-ispezzjonijiet u l-kontrolli, u metodoloġija ċara biex jiġu stabbiliti pieni u sanzjonijiet dissważivi biżżejjed. Għalhekk, kien iġġustifikat li l-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/820 jiġi limitat sabiex in-Netherlands ikunu jistgħu jimplimentaw bis-sħiħ l-istrateġija tal-infurzar imsaħħa.
(6) B’ittra tal-4 ta’ Frar 2020, in-Netherlands ressqu talba lill-Kummissjoni, skont it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE, għat-tiġdid tad-deroga għall-perjodu mill-2020 sal-2021(it-talba tan-Netherlands)
(7) F’konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 91/676/KEE, in-Netherlands japplikaw programm ta’ azzjoni fit-territorju kollu tagħhom. Il-leġiżlazzjoni tan-Netherlands li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE tinkludi standards ta’ applikazzjoni kemm għan-nitroġenu kif ukoll għall-fosfat.
(8) Skont id-data pprovduta min-Netherlands, fil-perjodu bejn l-2016 u l-2019, l-għadd ta’ bhejjem tal-ifrat fil-pajjiż naqas b’0,2 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2015. L-għadd ta’ ħnieżer u tjur tat-trobbija fin-Netherlands żdied b’0,6 % u bi 3,4 % rispettivament fl-istess perjodu. Mill-2006 ’l hawn, il-leġiżlazzjoni tan-Netherlands stabbiliet limiti fuq l-għadd ta’ ħnieżer u ta’ pollam. Barra minn hekk, minn Jannar tal-2015 ’l hawn, il-leġiżlazzjoni tan-Netherlands tirrikjedi li jiġi pproċessat sehem xieraq mid-demel żejjed tas-settur tal-ħalib. Barra minn hekk, sistema ta’ drittijiet għall-produzzjoni tal-fosfat għall-baqar tal-ħalib ġiet introdotta fin-Netherlands mill-1 ta’ Jannar 2018 ’l hawn. Dawk il-miżuri kollha għandhom l-għan li jipprevjenu t-tniġġis tal-korpi tal-ilma
(9) In-Netherlands irrappurtaw li, fil-perjodu bejn l-2014 u l-2017, l-użu tan-nitroġenu mid-demel tal-bhejjem fin-Netherlands kien ta’ 417000 tunnellata, li jfisser żieda ta’ 4,04 % meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn l-2010 u l-2013. L-użu tal-fertilizzant kimiku N fin-Netherlands żdied b’madwar 3,3 % fil-perjodu mill-2014 sal-2017 meta mqabbel mal-perjodu mill-2010 sal-2013.
(10) Skont id-data xjentifika pprovduta mill-awtoritajiet tan-Netherlands, il-klima fin-Netherlands, ikkaratterizzata minn kwantità annwali ta’ xita mqassma ndaqs matul is-sena u minn firxa relattivament żgħira ta’ temperaturi annwali, tippromwovi staġun twil ta’ tkabbir tal-ħaxix ta’ 250 ġurnata fis-sena.
(11) Barra minn hekk, l-informazzjoni mogħtija min-Netherlands fil-kuntest tad-deroga ta’ qabel li ngħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/291/UE turi li d-deroga ma wasslitx għal deterjorament tal-korpi tal-ilma tan-Netherlands. Pereżempju, il-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fiż-żona tal-għeruq fl-impriżi mmonitorjati koperti mill-awtorizzazzjonijiet naqset mill-2006 ’l hawn u bħala medja kienet anqas minn 50 mg/l fl-2017 u fl-2018. Madankollu, id-data provviżorja tindika żieda fil-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-2019 fil-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u fil-ħamrija loess minħabba l-effetti tan-nixfa tal-2018.
(12) Id-data rrappurtata min-Netherlands skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 91/676/KEE turi li, fil-perjodu bejn l-2012 u l-2015, madwar 88 % mill-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-ilma ta’ taħt l-art fin-Netherlands kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 50 mg/l u li 79 % minn dawk l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 25 mg/l. Id-data turi wkoll li, fil-perjodu bejn l-2012 u l-2015, 99 % mill-istazzjonijiet tal-monitoraġġ tal-ilma tal-wiċċ fin-Netherlands kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 50 mg/l u li 96 % minn dawk l-istazzjonijiet tal-monitoraġġ kellhom konċentrazzjonijiet medji tan-nitrati ta’ inqas minn 25 mg/l. Id-data tindika xejra stabbli jew ta’ tnaqqis fil-konċentrazzjoni tan-nitrati fl-ilma ta’ taħt l-art u fl-ilma tal-wiċċ meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2011. Madankollu, fil-perjodu tar-rappurtar mill-2012 sal-2015, 60 % tal-ilmijiet ħelwin kienu ewtrofiċi, 13 % kienu potenzjalment ewtrofiċi u 27 % ma kinux ewtrofiċi.
(13) Wara l-eżami tar-rikjesta tan-Netherlands u fid-dawl tas-Sitt Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands u tal-esperjenza miksuba mid-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/291/UE, il-Kummissjoni tqis li l-ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu propost min-Netherlands, li jikkorrispondi għal 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar li jinsabu fuq il-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru u fuq il-ħamrija loess u għal 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena f’azjendi agrikoli b’tal-anqas 80 % ta’ bwar li jinsabu fuq tip ta’ ħamrija oħra, mhux se jippreġudika l-kisba tal-għanijiet tad-Direttiva 91/676/KEE, dejjem jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti min-Netherlands, u huwa ġġustifikat fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.
(14) In-Netherlands jenħtieġ li jiżguraw li ma tiżdiedx il-pressjoni fuq il-korpi tal-ilma minħabba ż-żieda fl-għadd ta’ bhejjem u fil-produzzjoni tad-demel assoċjat magħha. Għal dan il-għan, in-Netherlands jenħtieġ li jiżguraw li l-produzzjoni totali tad-demel kemm f’termini tan-nitroġenu kif ukoll f’termini tal-fosforu, ma tiżdiedx aktar mil-livell tal-2002. Għalhekk, il-leġiżlazzjoni l-ġdida li timplimenta s-6 Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands jenħtieġ li tipprevedi limitu vinkolanti għall-produzzjoni tad-demel li ma għandux jinqabeż u li jista’ jiġi invokat kontra l-bdiewa individwali meta jkun meħtieġ.
(15) L-awtorizzazzjonijiet lill-bdiewa individwali huma soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet li għandhom l-għan li jiżguraw li l-fertilizzazzjoni fil-livell tal-azjenda agrikola tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-għelejjel u li jonqos u li jiġi evitat l-ammont ta’ nitroġenu u fosfru li jispiċċa fl-ilma. Għalhekk, dawk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jinkludu r-rekwiżiti li pjan dwar il-fertilizzanti jkun ġie stabbilit fil-livell tal-azjenda agrikola, li l-prattiki fir-rigward tal-fertilizzanti jiġu rreġistrati permezz ta’ kontijiet tal-fertilizzanti, li jitwettqu analiżijiet perjodiċi tal-ħamrija, li tiġi applikata kopertura veġetali fix-xitwa wara l-qamħirrum, li jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-ħrit tal-ħaxix, li ma jiġix applikat id-demel qabel il-ħrit tal-ħaxix, li l-fertilizzazzjoni tkun tqis il-kontribut tal-għelejjel leguminużi u li ma jiġux applikati fosfati mill-fertilizzanti kimiċi fl-art.
(16) Ir-rapport dwar l-impatt tad-Direttiva 91/676/KEE fuq l-emissjonijiet gassużi tan-N ikkonkluda li f’xi reġjuni b’densità għolja ta’ bhejjem, id-deroga tista’ tirriżulta f’emissjonijiet gassużi ogħla. Dik il-konsegwenza possibbli tad-deroga fuq l-emissjonijiet tal-ammonijaka ġiet ikkonfermata f’rapport tat-12 ta’ Frar 2020 imħejji mill-Commissie Deskundigen Meststoffenwet tan-Netherlands, li ġie pprovdut lill-Kummissjoni. Dawk l-emissjonijiet jirriżultaw f’depożiti tan-nitroġenu addizzjonali li jħallu impatt negattiv fuq is-siti tan-Natura 2000 u li jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-ilma, u dan iwassal għall-ewtrofikazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li jittieħdu l-miżuri x-xierqa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-ammonijaka, inklużi tekniki għat-tixrid ta’ emissjonijiet baxxi, fejn meħtieġ flimkien ma’ temperatura massima li fiha jkun jista’ jiġi applikat id-demel.
(17) F’konformità mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/820, in-Netherlands innotifikaw l-istrateġija tal-infurzar imsaħħa tagħhom fit-28 ta’ Settembru 2018. L-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dik l-istrateġija ġie ppreżentat fit-28 ta’ Ġunju 2019. Aġġornament ieħor ta’ dak ir-rapport ta’ progress ġie ppreżentat fit-18 ta’ Novembru 2019. Ir-rapport ta’ progress wera li, minkejja xi sforzi li saru, kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u n-Netherlands ma kinux f’pożizzjoni li juru tnaqqis fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ irregolaritajiet.
(18) Għalhekk huma meħtieġa salvagwardji u garanziji addizzjonali li l-istrateġija verament se twassal biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-frodi. Dawn għandhom jinkludu l-iffissar ta’ skadenzi għall-implimentazzjoni sħiħa tal-istrateġija u tal-miri li jippermettu li tiġi vvalutata l-effettività tagħha. Jeħtieġ ukoll li tiġi prevista reviżjoni tal-istrateġija qabel tmiem l-2021, li għandha tinkludi tisħiħ ulterjuri tal-kontrolli jekk ikun meħtieġ fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tagħha.
(19) Kull sena għandu jiġi ppreżentat rapport ta’ aġġornament dwar l-implimentazzjoni ulterjuri tal-istrateġija tal-infurzar imsaħħa, li jkun jinkludi l-impatt possibbli tal-miżuri biex jiġi evitat ir-riskju ta’ tixrid tal-virus tal-COVID-19 fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija.
(20) Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tipprevedi approċċ transfruntier u komprensiv għall-ħarsien tal-ilma li huwa organizzat madwar id-distretti tal-baċiri tax-xmajjar, bl-għan li l-korpi tal-ilma Ewropej jiksbu status tajjeb. It-tnaqqis tan-nutrijenti huwa parti integrali minn dak l-għan. L-għoti ta’ deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60/KE u ma jeskludix li jista’ jkun hemm bżonn ta’ miżuri addizzjonali biex jiġu ssodisfati l-obbligi li joħorġu minn dik id-Direttiva.
(21) Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi r-regoli ġenerali maħsuba għall-istabbiliment tal-Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fl-Unjoni għall-finijiet tal-politiki ambjentali tal-Unjoni u tal-politiki jew tal-attivitajiet tal-Unjoni li jaf iħallu impatt fuq l-ambjent. Meta applikabbli, jenħtieġ li l-informazzjoni ġeografika miġbura fil-kuntest ta’ din id-Deċiżjoni tkun konformi mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f’dik id-Direttiva. Sabiex inaqqsu l-piż amministrattiv u jżidu l-koerenza tad-data, jenħtieġ li n-Netherlands, huma u jiġbru d-data neċessarja skont din id-Deċiżjoni, fejn xieraq, jużaw l-informazzjoni ġġenerata bis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont il-Kapitolu II tat-Titolu V tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(22) Meta wieħed iqis li r-rikjesta tan-Netherlands tikkonċerna tiġdid tad-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/820 għall-perjodu mill-2020 sal-2021, din id-Deċiżjoni għandha tapplika għal sentejn mill-1 ta’ Jannar 2020 ’il quddiem.
(23) Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati mwaqqaf skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Deroga
Id-deroga mitluba min-Netherlands permezz tal-ittra tal-4 ta’ Frar 2020, bl-għan li tiġi awtorizzata l-applikazzjoni fuq l-art ta’ ammont ta’ nitroġenu mid-demel tal-bhejjem li jirgħu li jkun iktar minn dak previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tad-Direttiva 91/676/KEE (id-deroga), qed tingħata, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni. L-għoti ta’ deroga skont din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60/KE.
Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni
Id-deroga tapplika għall-azjendi tal-bwar li għalihom ingħatat awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6.
Artikolu 3 Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) azjenda tal-bwar tfisser kull azjenda fejn mill-inqas 80 % mir-raba’ li jista’ jiddemmel ikun ħaxix;
(2) bhejjem li jirgħu tfisser bhejjem tal-ifrat (għajr għall-għoġġiela tas-simna), nagħaġ, mogħoż, żwiemel, ħmir, ċriev u bufli Indjani;
(3) raba’ tfisser l-erja li tkun proprjetà tal-bidwi, jew mikrija jew ġestita minnu abbażi ta’ kuntratt individwali bil-miktub, li fiha l-bidwi jkollu r-responsabbiltà diretta tal-ġestjoni;
(4) ħaxix tfisser bur permanenti jew temporanju li ilu inqas minn ħames snin;
(5) pjan tal-fertilizzazzjoni tfisser kalkolu tal-użu ppjanat u tad-disponibbiltà tan-nutrijenti;
(6) kont tal-fertilizzazzjoni tfisser il-bilanċ tan-nutrijenti abbażi tal-użu reali u tal-assorbiment tan-nutrijenti;
(7) ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u taċ-ċentru tfisser ħamrija indikata bħala ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali fil-leġiżlazzjoni tan-Netherlands li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE;
(8) ħamrija loess tfisser ħamrija indikata bħala ħamrija loess fil-leġiżlazzjoni tan-Netherlands li timplimenta d-Direttiva 91/676/KEE.
Artikolu 4 Kundizzjonijiet ġenerali tad-deroga
Id-deroga qed tingħata bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(1) In-Netherlands għandhom jimmonitorjaw l-ammont ta’ demel li jiġi prodott u għandhom jiżguraw li l-produzzjoni tad-demel fil-livell nazzjonali, kemm f’termini tan-nitroġenu kif ukoll f’termini tal-fosfru, ma tiżdiedx aktar mil-livell tal-2002, li kien jikkorrispondi għal 504,4 miljun kg ta’ nitroġenu u għal 172,9 miljun kg ta’ fosfat.
(2) In-Netherlands għandhom jimplimentaw bis-sħiħ strateġija tal-infurzar imsaħħa bl-għan li tissaħħaħ il-konformità mar-regoli tal-politika tan-Netherlands dwar id-demel u li jiġi żgurat li jingħata segwitu effettiv għal kwalunkwe informazzjoni li tkun tindika sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità. L-istrateġija tal-infurzar imsaħħa għandha tinkludi, bħala minimu, l-elementi li ġejjin:
(2)
(a) valutazzjoni indipendenti tal-iskala u tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali mar-regoli nazzjonali dwar id-demel. Din il-valutazzjoni jenħtieġ li titwettaq mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-ispezzjonijiet tar-regoli nazzjonali dwar id-demel, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-investigazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ natura kriminali;
(b) identifikazzjoni tal-oqsma tal-amministrazzjoni u tal-ġestjoni tad-demel li għandhom riskju ogħla ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali mar-regoli nazzjonali dwar id-demel;
(c) tisħiħ tal-kapaċità għall-ispezzjonijiet u għall-kontrolli, li għandha tkun tal-inqas daqs 40 % mill-kapaċità meħtieġa għall-ispezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 11(2), inklużi l-kontrolli aleatorji, u mmirar aħjar ta’ dik il-kapaċità lejn l-oqsma ta’ riskju fl-amministrazzjoni u fil-ġestjoni tad-demel;
(d) metodoloġija ċara għall-istabbiliment ta’ pieni u sanzjonijiet li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi biżżejjed;
(e) l-implimentazzjoni sħiħa tal-infurzar fiż-żoni ta’ riskju għoli ta’ De Peel, Gelderse Vallei u Twente fir-rebbiegħa tal-2020;
(f) ir-responsabbiltà f’ħin reali tat-trasport tad-demel permezz tal-awtomatizzazzjoni sa tmiem l-2020;
(g) deċiżjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika tas-sanzjonijiet sa tmiem Ġunju tal-2020;
(h) spezzjoni individwali ta’ 5,5 % tal-azjendi agrikoli tal-ħnieżer. Il-miżuri għall-prevenzjoni tar-riskju tat-tixrid tal-virus tal-COVID-19 jista’ jkollhom impatt fuq il-fattibbiltà ta’ dan il-perċentwal.
(3) L-istrateġija tal-infurzar imsaħħa għandha tiġi riveduta biex tkun tinkludi kontrolli u miżuri msaħħa, fid-dawl tal-esperjenza miksuba matul l-implimentazzjoni tagħha, b’mod partikolari jekk, sa Diċembru tal-2021, l-għadd ta’ irregolaritajiet jew ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità misjuba ma jkunx qed jonqos. L-istrateġija riveduta għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.
Artikolu 5 Applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni
1. Il-bdiewa tal-bwar jistgħu jibagħtu lill-awtorità kompetenti applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni annwali sabiex jużaw id-demel tal-bhejjem li jirgħu li jkun fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fil-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali u fil-ħamrija loess jew li jkun fih sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fil-ħamrija l-oħra.
2. Flimkien mal-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-applikant għandu jippreżenta dikjarazzjoni bil-miktub li hu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 u li huwa jaċċetta li l-applikazzjoni tal-fertilizzant kif ukoll il-pjan tal-fertilizzazzjoni u l-kont tal-fertilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 7 jistgħu jkunu soġġetti għall-kontrolli.
Artikolu 6 Għoti tal-awtorizzazzjonijiet
L-awtorizzazzjonijiet għat-tidmil b’ammont ta’ demel tal-bhejjem li jirgħu f’azjendi tal-bwar, inkluż id-demel li jipproduċu l-bhejjem infushom, li jkun fih sa 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali u għall-ħamrija loess jew sa 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena għall-ħamrija l-oħra, għandhom jingħataw soġġetti għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8.
Artikolu 7 Kundizzjonijiet rigward l-użu tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra
1. L-ammont ta’ demel mill-bhejjem li jirgħu li jintuża għat-tidmil tal-art fis-sena fl-azjendi tal-bwar, inkluż id-demel prodott mill-bhejjem stess, ma għandux jaqbeż l-ammont ta’ demel li jkun fih 230 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fil-ħamrija ramlija tan-Nofsinhar u ċentrali u fil-ħamrija loess u 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena fil-ħamrija l-oħra, soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 8. L-inputs totali tan-nitroġenu u tal-fosfat għandhom ikunu konformi mad-domanda tan-nutrijenti tal-għalla u mal-provvista mill-ħamrija u ma għandhomx jaqbżu l-istandards massimi ta’ applikazzjoni stabbiliti fis-6 Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands.
2. Il-fosfati mill-fertilizzanti kimiċi ma għandhomx jintużaw.
3. Għandu jitħejja pjan tal-fertilizzazzjoni li għandu jinżamm fl-azjenda tal-bwar. Dan il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiddeskrivi n-newba tal-għelejjel tal-art agrikola u l-applikazzjoni ppjanata tad-demel u ta’ fertilizzanti oħra bin-nitroġenu u bil-fosfat.] Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għall-ewwel sena kalendarja għandu jkun disponibbli fl-azjenda tal-bwar sat-30 ta’ Ġunju. Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għas-snin kalendarji sussegwenti għandu jkun disponibbli fl-azjenda tal-bwar sat-28 ta’ Frar.
4. Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin: Il-pjan tal-fertilizzazzjoni għandu jiġi rivedut mhux aktar tard minn sebat ijiem wara kull bidla fil-prattiki agrikoli fl-azjenda tal-bwar.
4.
(a) l-għadd ta’ bhejjem fl-azjenda tal-bwar;
(b) deskrizzjoni tal-post fejn jinżamm id-demel u tas-sistema tal-ħżin tad-demel, inkluż il-volum tal-ħżin tad-demel disponibbli;
(c) kalkolu tan-nitroġenu (li minnu jitnaqqas it-telf fil-bini tal-bhejjem u fil-maħżen) u tal-fosfru li jiġu prodotti mid-demel fl-azjenda tal-bwar;
(d) il-pjan tan-newba tal-għelejjel, li jrid jispeċifika l-erja tal-għelieqi individwali bil-ħaxix u b’għelejjel oħra, inkluż tpinġija ta’ mappa li tkun tindika fejn ikunu jinsabu l-għelieqi individwali;
(e) ir-rekwiżiti prevedibbli tal-għelejjel f’termini tan-nitroġenu u tal-fosfru;
(f) l-ammont u t-tip ta’ demel li jingħata lill-kuntratturi u li għalhekk ma jintużax fl-azjenda tal-bwar;
(g) l-ammont ta’ demel impurtat użat fl-azjenda tal-bwar;
(h) kalkolu tal-kontribut mill-mineralizzazzjoni tal-materja organika, mill-għelejjel leguminużi u mid-depożizzjoni atmosferika u tal-ammont ta’ nitroġenu li jkun hemm fil-ħamrija meta l-għalla tibda tużah f’ammonti sinifikanti;
(i) kalkolu tal-użu tan-nitroġenu u tal-fosforu mid-demel għal kull roqgħa art;
(j) kalkolu tal-użu tan-nitroġenu mill-fertilizzanti kimiċi u minn fertilizzanti oħrajn għal kull roqgħa ta’ art;
(k) il-kalkoli għall-valutazzjoni tal-konformità mal-istandards tal-applikazzjoni massima għan-nitroġenu u għall-fosfru stabbiliti fis-Sitt Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands.
5. Kont tal-fertilizzazzjoni għal kull sena kalendarja għandu jitħejja u jinżamm għal kull azjenda tal-bwar. Dan għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità kompetenti sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja sussegwenti.
6. Il-kont tal-fertilizzazzjoni għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
6.
(a) l-erjas bl-għelejjel;
(b) l-għadd u t-tip ta’ bhejjem;
(c) il-produzzjoni tad-demel għal kull annimal;
(d) l-ammont ta’ fertilizzanti impurtati mill-azjenda tal-bwar;
(e) l-ammont ta’ demel li jingħata lill-kuntratturi u li għalhekk ma jintużax fl-azjenda tal-bwar u l-isem ta’ dawk il-kuntratturi.
7. L-analiżi perjodika tan-nitroġenu u tal-fosfru fil-ħamrija għandha ssir mill-inqas darba kull erba’ snin għal kull żona omoġenja tal-azjenda fir-rigward tan-newba tal-għelejjel u tal-karatteristiċi tal-ħamrija. Bħala minimu għandu jkun hemm analiżi waħda għal kull ħames ettari ta’ art. Fil-każ li l-bur jinħarat għat-tiġdid, l-istandard tal-applikazzjoni statutorju tan-nitroġenu stabbilit fis-6 Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands għandu jitnaqqas b’50 kg ta’ N/ha għall-ħamrija ramlija u għall-ħamrija loess wara l-31 ta’ Mejju ta’ kull sena kalendarja. Fil-każ li l-bur jinħarat għall-kultivazzjoni tal-qamħirrum fil-ħamrija ramlija jew fil-ħamrija loess, l-istandard tal-applikazzjoni statutorja tan-nitroġenu stabbilit fis-6 Programm ta’ Azzjoni tan-Netherlands għall-qamħirrum għandu jitnaqqas b’65 kg ta’ N/ha.
8. Ma għandux jingħata d-demel fil-ħarifa qabel il-kultivazzjoni tal-ħaxix.
Artikolu 8 Kundizzjonijiet rigward il-ġestjoni tal-art
1. Fil-ħamrija ramlija u fil-ħamrija loess, wara l-qamħirrum għandu jiġi kkultivat il-ħaxix jew għandhom jiġu kkultivati għelejjel oħra li jiżguraw il-kopertura tal-ħamrija fix-xitwa.
2. L-għelejjel tat-titwiq ma għandhomx jinħartu qabel l-1 ta’ Frar.
3. Il-ħaxix fil-ħamrija ramlija u fil-ħamrija loess għandu jinħarat biss fir-rebbiegħa, ħlief għall-ħrit tal-bwar għat-tiġdid, li jista’ jsir biss sal-31 ta’ Awwissu.
4. Il-ħrit tal-ħaxix f’kull tip ta’ ħamrija għandu jkun segwit minnufih b’għelejjel b’domanda għolja għan-nitroġenu u l-fertilizzazzjoni għandha tkun ibbażata fuq analiżi tal-ħamrija fir-rigward tan-nitroġenu minerali u fuq parametri oħra li jipprovdu referenzi għall-istima tar-rilaxx tan-nitroġenu mill-mineralizzazzjoni tal-materja organika fil-ħamrija.
5. Meta n-newba tal-għelejjel tkun tinkludi l-pjanti leguminużi jew pjanti oħrajn li jassorbu in-nitroġenu atmosferiku, iż-żieda tal-fertilizzant għandha titnaqqas kif xieraq.
6. B’deroga mill-paragrafu 3, il-ħrit tal-ħaxix huwa permess fil-ħarifa għat-tħawwil tal-basal tal-fjuri.
Artikolu 9 Kundizzjonijiet fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-ammonijaka biex jitnaqqsu d-depożiti tan-nutrijenti fl-ilma wkoll
1. Fl-azjendi tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 6 għandhom japplikaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
1.
(a) id-demel likwidu għandu jintuża fil-bwar b’ħamrija ramlija u b’ħamrija loess b’injezzjoni baxxa;
(b) id-demel likwidu għandu jiġi applikat fil-bwar b’ħamrija taflija u bil-pit b’injezzjoni baxxa, b’applikatur tad-demel semilikwidu bit-trailing shoe, b’dilwizzjoni ta’ 2:1 tad-demel likwidu bl-ilma jew b’injettur ta’ impuls intraċċat;
(c) id-demel likwidu ma għandux jiġi applikat b’applikatur tat-trailing shoe meta t-temperatura ta’ barra tkun ta’ 20 °C jew ogħla;
(d) id-demel likwidu għandu jiġi applikat fuq raba’ li jinħadem b’injezzjoni jew jiddaħħal fir-raba’ immedjatament wara li jiġi applikat f’pass wieħed;
(e) id-demel solidu għandu jiddaħħal fir-raba’ immedjatament wara li jiġi applikat f’mhux aktar minn żewġ passi.
2. Il-paragrafu 1 għandu jkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021 għall-bdiewa li jibbenefikaw minn deroga u li għalihom id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma japplikawx għalissa skont il-liġi nazzjonali.
3. Il-bdiewa kollha tal-bwar li jibbenefikaw minn awtorizzazzjoni għandhom jiġu mħarrġa dwar il-miżuri li jnaqqsu l-emissjonijiet tan-nitroġenu qabel il-31 ta’ Diċembru 2020.
Artikolu 10 Monitoraġġ
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li jitfasslu mapep li juru dan li ġej: Dawk il-mapep għandhom jiġu aġġornati kull sena.
1.
(a) il-perċentwal tal-azjendi tal-bwar f’kull muniċipalità li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;
(b) il-perċentwal tal-bhejjem f’kull muniċipalità li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet;
(c) il-perċentwal tal-art agrikola f’kull muniċipalità li hija koperta mill-awtorizzazzjonijiet.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu netwerk ta’ monitoraġġ għat-teħid tal-kampjuni tal-ilma tal-ħamrija, tan-nixxigħat, tal-ilma ta’ taħt l-art li jkun qrib il-wiċċ u tal-ilma tad-drenaġġ fis-siti tal-monitoraġġ fl-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni. Dak in-netwerk ta’ monitoraġġ għandu jipprovdi d-data dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosfru fl-ilma li jħalli l-parti tal-ħamrija fiż-żona tal-għeruq u li jidħol fis-sistema tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ.
3. In-netwerk ta’ monitoraġġ għandu jinkludi mill-inqas 300 azjenda agrikola koperti mill-awtorizzazzjonijiet u għandu jkun jirrappreżenta kull tip ta’ ħamrija (il-ħamrija taflija, il-pit, il-ħamrija ramlija u l-ħamrija loess ramlija), il-prattiki tal-fertilizzazzjoni u n-newba tal-għelejjel. Il-kompożizzjoni tan-netwerk ta’ monitoraġġ ma għandhiex tiġi mmodifikata matul iż-żmien li fih tkun applikabbli din id-Deċiżjoni.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu stħarriġ u analiżi kontinwa tan-nutrijenti li jipprovdu data dwar l-użu lokali tal-art, dwar in-newbiet tal-għelejjel u dwar il-prattiki agrikoli fl-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet. Dik id-data tista’ tintuża biex tiġi kkalkulata, abbażi ta’ mudelli, il-lissija tan-nitrati u t-telf tal-fosfru mill-għelieqi li jiddemmlu b’massimu ta’ 230 kg jew 250 kg ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena b’demel minn bhejjem li jirgħu.
5. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma fil-baċiri agrikoli b’ħamrija ramlija.
Artikolu 11 Kontrolli u spezzjonijiet
1. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi tal-applikazzjonijiet kollha għal awtorizzazzjoni għall-valutazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8. Jekk jintwera li dawk il-kundizzjonijiet mhumiex issodisfati, l-applikazzjoni għandha tiġi rrifjutata u l-applikant għandu jiġi informat bir-raġunijiet għar-rifjut. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli amministrattivi għal mill-inqas 5 % mill-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet fir-rigward tal-użu tal-art, tal-għadd ta’ bhejjem u tal-produzzjoni tad-demel.
2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu programm ta’ spezzjonijiet fuq il-post tal-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet abbażi tar-riskju u bil-frekwenza x-xierqa, filwaqt li jqisu r-riżultati tal-kontrolli tas-snin ta’ qabel u r-riżultati tal-kontrolli aleatorji ġenerali tal-leġiżlazzjoni li tittrasponi d-Direttiva 91/676/KEE u kull informazzjoni oħra li tista’ tindika nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ din id-Deċiżjoni. L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom isiru f’mill-anqas 5 % mill-azjendi tal-bwar koperti mill-awtorizzazzjonijiet biex tiġi vvalutata l-konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8. Dawk l-ispezzjonijiet għandhom jiġu kkumplimentati mill-ispezzjonijiet u l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 4(2)(c).
3. Meta jiġi stabbilit fi kwalunkwe sena li azjenda tal-bwar koperta minn awtorizzazzjoni ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8, id-detentur tal-awtorizzazzjoni għandu jiġi ssanzjonat skont ir-regoli nazzjonali u ma għandux ikun eliġibbli għal awtorizzazzjoni s-sena ta’ wara.
4. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat u l-mezzi meħtieġa biex jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet għal awtorizzazzjoni mogħtija skont din id-Deċiżjoni.
Artikolu 12 Rappurtar
1. Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-awtoritajiet kompetenti għandhom iressqu rapport lill-Kummissjoni li jkun fih l-informazzjoni li ġejja:
1.
(a) id-data marbuta mal-fertilizzazzjoni fl-azjendi tal-bwar kollha li huma koperti mill-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikolu 6, inkluża l-informazzjoni dwar il-produzzjoni u t-tipi ta’ ħamrija;
(b) ix-xejriet fl-għadd ta’ bhejjem għal kull kategorija ta’ bhejjem fin-Netherlands u fl-azjendi tal-bwar koperti minn awtorizzazzjoni;
(c) ix-xejriet fil-produzzjoni nazzjonali tad-demel f’dak li għandu x’jaqsam man-nitroġenu u mal-fosfat fid-demel;
(d) sommarju tar-riżultati tal-kontrolli marbuta mal-koeffiċjenti tal-eskrezzjoni għad-demel tal-ħnieżer u tal-pollam fil-livell nazzjonali;
(e) il-mapep li jissemmew fl-Artikolu 10(1);
(f) ir-riżultati tal-monitoraġġ tal-ilma, inkluża l-informazzjoni dwar ix-xejriet tal-kwalità tal-ilma għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ilma tal-wiċċ, kif ukoll l-impatt tad-deroga fuq il-kwalità tal-ilma;
(g) id-data dwar il-konċentrazzjoni tan-nitrati u tal-fosfru msemmija fl-Artikolu 10(2);
(h) ir-riżultati tal-monitoraġġ imsaħħaħ tal-ilma msemmi fl-Artikolu 10(5);
(i) ir-riżultati tal-istħarriġ dwar l-użu lokali tal-art, dwar in-newbiet tal-għelejjel u dwar il-prattiki agrikoli msemmi fl-Artikolu 10(4);
(j) ir-riżultati tal-kalkoli bbażati fuq il-mudelli msemmija fl-Artikolu 10(4);
(k) evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 abbażi tal-kontrolli mwettqin fil-livell tal-azjendi agrikoli, u informazzjoni dwar l-azjendi agrikoli li ma jkunux konformi, abbażi tar-riżultati tal-kontrolli amministrattivi u tal-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 11;
(l) aġġornament dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-infurzar imsaħħa msemmija fl-Artikolu 4, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:
l-implimentazzjoni sħiħa tal-infurzar fiż-żoni ta’ riskju għoli ta’ De Peel, Gelderse Vallei u Twente fir-rebbiegħa tal-2020;
ir-responsabbiltà f’ħin reali tat-trasport tad-demel permezz tal-awtomatizzazzjoni sa tmiem l-2020;
id-deċiżjoni dwar ir-reviżjoni tal-politika tas-sanzjonijiet sa tmiem Ġunju tal-2020;
l-impatt tal-miżuri għall-prevenzjoni tar-riskju tat-tixrid tal-virus tal-COVID-19 fuq l-implimentazzjoni tal-istrateġija;
(m) ir-riżultati tal-istrateġija tal-infurzar imsaħħa msemmija fl-Artikolu 4, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dan li ġej:
il-kontrolli fiżiċi għal kull tip ta’ azjenda agrikola;
kwalunkwe tnaqqis fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
is-sanzjonijiet amministrattivi;
(n) informazzjoni dwar is-sanzjonijiet ġudizzjarji li ġew applikati.
2. Id-data ġeografika li tingħata fir-rapport għandha tikkonforma, fejn applikabbli, mad-Direttiva 2007/2/KE. Huma u jiġbru d-data meħtieġa, in-Netherlands għandhom jużaw, meta jkun xieraq, l-informazzjoni ġġenerata bis-Sistema Integrata ta’ Amministrazzjoni u Kontroll stabbilita skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
Artikolu 13 Perjodu ta’ applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Artikolu 14 Destinatarju
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Lulju 2020. Għall-Kummissjoni Virginijus Sinkevičius Membru tal-Kummissjoni