Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1546 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi l-istruttura u l-arranġamenti dettaljati tal-inventarju tas-sorsi u l-metodi użati għall-produzzjoni tal-aggregati tal-introjtu nazzjonali gross u l-komponenti tagħhom skont is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/1546@2020-10-23/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Dan ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2019/516 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-armonizzazzjoni tad-dħul nazzjonali gross bi prezzijiet tas-suq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/130/KEE, Euratom u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1287/2003, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2),
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) 2019/516, l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) inventarju tas-sorsi u l-metodi li jridu jintużaw biex jiġu prodotti l-aggregati tal-introjtu nazzjonali gross (ING) skont il-prezzijiet tas-suq u l-komponenti tagħhom.
(2) Huwa essenzjali li l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom ikunu komparabbli bejn l-Istati Membri u li jkun hemm inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom li jkun konsistenti mad-definizzjonijiet rilevanti u r-regoli kontabilistiċi tal-ESA 2010.
(3) Huwa essenzjali li l-inventarji tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom jiġu ddokumentati u aġġornati regolarment mill-Istati Membri.
(4) Sabiex jiġu ffaċilitati analiżijiet komparabbli, l-Inventarji tal-ING jenħtieġ li jsegwu struttura komuni li tikkonsisti f’għadd predefinit ta’ kapitoli u t-tabelli tal-proċessi b’estimi numeriċi għas-sena ta’ referenza.
(5) Sabiex jiġu vverifikati s-sorsi, l-użi tagħhom u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Kummissjoni (Eurostat) bl-aktar verżjoni reċenti tal-Inventarji tal-ING skont skeda ta’ żmien miftiehma.
(6) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-istruttura tal-inventarju
1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inventarju tas-sorsi u l-metodi użati biex jiġu prodotti l-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom (Inventarju tal-ING). L-inventarju tal-ING għandu jikkonsisti f’10 kapitoli u fit-tabelli tal-proċessi tal-ING.
2. Il-kapitoli għandhom ikunu s-segwenti:
Kapitolu 1: Ħarsa ġenerali tas-sistema tal-kontijiet
Kapitolu 2: Il-politika ta’ reviżjoni u l-iskeda ta’ żmien għar-reviżjoni u l-finalizzar tal-istimi. Reviżjonijiet maġġuri mill-aħħar verżjoni tal-Inventarju tal-ING.
Kapitolu 3: L-approċċ tal-produzzjoni
Kapitolu 4: L-approċċ tal-introjtu
Kapitolu 5: L-approċċ tan-nefqa
Kapitolu 6: Il-proċedura ta’ bbilanċjar jew ta’ integrazzjoni, u l-validazzjoni tal-istimi
Kapitolu 7: Ħarsa ġenerali lejn l-aġġustamenti għall-eżawrjenza
Kapitolu 8: It-tranżizzjoni mill-prodott domestiku gross (PDG) għall-ING
Kapitolu 9: Klassifikazzjonijiet ewlenin użati
Kapitolu 10: Sorsi ta’ data ewlenin użati
3. It-tabelli tal-proċessi tal-ING għandhom jinkludu:
3.
(a) informazzjoni numerika dwar l-istimi magħmula fl-istadji konsekuttivi tal-proċess ta’ kumpilazzjoni tal-ING għat-tipi individwali ta’ sorsi użati u l-aġġustamenti magħmula;
(b) informazzjoni numerika dwar id-daqs relattiv tat-tipi individwali ta’ sorsi użati u l-aġġustamenti magħmula f’dak il-proċess ta’ kumpilazzjoni;
(c) referenzi għall-kapitoli rilevanti tal-Inventarju tal-ING.
Artikolu 2 Arranġamenti dettaljati
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
(a) id-deskrizzjoni tas-sorsi u tal-metodi użati fl-istima tal-ING ipprovduta fl-Inventarju tal-ING tuża termini u definizzjonijiet skont l-ESA 2010;
(b) id-deskrizzjoni tas-sorsi u l-metodi użati fl-istima tal-ING ipprovduta fl-Inventarju tal-ING tkun komprensiva u ċara, tirrifletti l-proċeduri fis-seħħ fiż-żmien tal-abbozzar tal-Inventarju tal-ING, u tinkludi informazzjoni dwar it-trasformazzjoni tad-data minn sorsi statistiċi u amministrattivi fi stimi tal-kontijiet nazzjonali, permezz tal-applikazzjoni ta’ aġġustamenti kunċettwali, eżawrjentali u bilanċjali, u ta’ proċeduri ta’ validazzjoni;
(c) l-evidenza numerika, li għandha tkun konsistenti mal-informazzjoni fit-tabelli tal-proċessi, tingħata għall-passi individwali tal-proċess ta’ kumpilazzjoni tal-ING fid-deskrizzjoni msemmija hawn fuq;
(d) l-evidenza numerika tkun ibbażata fuq sena riċenti li għaliha jkunu disponibbli stimi finali (sena ta’ referenza);
(e) is-sorsi u l-metodi użati għall-produzzjoni tal-aggregati tal-ING u l-komponenti tagħhom jiġu applikati fil-kumpilazzjoni tas-snin sussegwenti wara s-sena ta’ referenza.
Artikolu 3 Skeda ta’ żmien għall-aġġornament u t-trażmissjoni
1. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-Inventarju tal-ING lill-Kummissjoni (Eurostat) sal-31 ta’ Diċembru 2021.
2. L-aġġornamenti sussegwenti tal-Inventarju tal-ING għandhom isiru u jiġu trażmessi lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien 12-il xahar wara kwalunkwe bidla maġġuri ta’ sorsi jew metodi għall-kumpilazzjoni tal-ING. Fi kwalunkwe każ, l-Inventarju tal-ING għandu jiġi aġġornat tal-anqas kull ħames snin.
3. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-Inventarju tal-ING b’mezzi elettroniċi lill-punt ta’ dħul uniku għad-data fil-Kummissjoni (Eurostat).
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Ottubru 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen