Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1704 tat-23 ta’ Ottubru 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2020

In forceVersion 2020-10-23
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/1704@2020-10-23/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Ftehim), li ġie approvat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1801/2006, daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Awwissu 2008.

(2) Il-Protokoll tal-Ftehim, li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim, li daħal fis-seħħ fl-istess jum għal perijodu ta’ sentejn, ġie sostitwit diversi drabi.

(3) Fit-8 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-Mauritania) għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli u Protokoll li jimplimenta dak il-Ftehim.

(4) Sabiex jiġi evitat li l-attivitajiet tas-sajd jitwaqqfu għal perijodu twil, il-Kunsill awtorizza wkoll lill-Kummissjoni biex tinnegozja estensjoni, għal perijodu massimu ta’ sena, tal-Protokoll għall-Ftehim attwali qabel jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2019 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-Protokoll). Fit-8 ta’ Novembru 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/1918 dwar dik l-estensjoni.

(5) Bejn Settembru 2019 u Frar 2020, saru erba’ sessjonijiet ta’ negozjati mal-Mauritania għall-konklużjoni ta’ ftehim u protokoll ġodda. Dawn in-negozjati ma kinux konklużivi.

(6) Minħabba s-sitwazzjoni attwali tas-saħħa kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 u minkejja l-ewwel estensjoni tal-protokoll, ġie kkonstatat li n-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim u protokoll ta’ sħubija ġodda mhumiex se jiġu konklużi fil-ħin u għalhekk mhux se jiġi evitat li l-attivitajiet tas-sajd jitwaqqfu. F’dan il-kuntest, fis-26 ta’ Ġunju 2020 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tinnegozja estensjoni ulterjuri tal-Protokoll għal perijodu massimu ta’ sena.

(7) Sa ma jitlestew in-negozjati għall-konklużjoni ta’ ftehim u ta’ protokoll ġodda, il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni, ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri dwar it-tieni estensjoni għal perijodu massimu ta’ sena, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri). Fi tmiem ta’ dawn in-negozjati, il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri ġie inizjalat fis-7 ta’ Lulju 2020.

(8) Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri għandu l-objettiv li jippermetti lill-Unjoni u lill-Mauritania jkomplu jaħdmu flimkien biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Mauritania u li jippermetti lill-bastimenti tal-Unjoni jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom f’dawn l-ilmijiet.

(9) Biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet tal-Mauritania, jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi applikat b’mod provviżorju mis-16 ta’ Novembru 2020 jew minn kwalunkwe data oħra ulterjuri mill-iffirmar tiegħu, f’konformità mal-punt (6) tiegħu.

(10) Jenħtieġ li l-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri jiġi ffirmat u applikat fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, li se jiskadi fil-15 ta’ Novembru 2020, huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Ftehim.

Artikolu 2 Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3 Il-Ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri għandu japplika b’mod provviżorju mis-16 ta’ Novembru 2020, jew minn kwalunkwe data oħra ulterjuri mill-iffirmar tiegħu, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020. Għall-Kunsill Il-President S. Schulze

Versions

  1. 2020-10-23