Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2016 tad-9 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 fir-rigward tal-entrati għar-Renju Unit, Guernsey, Isle of Man u Jersey (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/2016@2020-12-09/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 998/2003, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 576/2013 jistabbilixxi r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġo Stat Membru. B’mod partikolari, l-Artikolu 13 ta’ dak ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni jeħtieġ tadotta żewġ listi ta’ territorji u pajjiżi terzi, li minnhom l-annimali domestiċi elenkati fil-Parti A tal-Anness tiegħu, prinċipalment klieb, qtates u inmsa, jistgħu jiġu mċaqalqa għal finijiet mhux kummerċjali għal ġo Stat Membru.
(2) Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi għal ġo Stat Membru, ivarjaw skont is-sitwazzjoni tat-territorju jew tal-pajjiż terz ta’ oriġini. Meta titqies is-sitwazzjoni partikolari tagħhom, il-pajjiżi terzi jew it-territorji jistgħu jiġu elenkati f’konformità mal-Artikolu 13(1) jew (2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.
(3) Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tistabbilixxi l-lista ta’ territorji u pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013.
(4) Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-ħruġ) fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit ippreżenta applikazzjoni lill-Kummissjoni biex flimkien mad-Dipendenzi tal-Kuruna ta’ Guernsey, Isle of Man u Jersey, jiġi elenkat fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013. Il-Kummissjoni vvalutat dik l-applikazzjoni u vverifikat li fir-rigward tal-annimali domestiċi elenkati fil-Parti A tal-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, ir-Renju Unit, kif ukoll id-Dipendenzi tal-Kuruna ta’ Guernsey, Isle of Man u Jersey, jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, u jenħtieġ li jiġu elenkati fil-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 skont dan, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fih fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq, flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.
(5) Għalhekk, il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 577/2013 jenħtieġ li tiġi emendata skont dan.
(6) Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
(7) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Il-Parti 2 tal-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 hija sostitwita bit-test stabbilit fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
PARTI 2 Lista tat-territorji u tal-pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament (UE) Nru 576/2013
Kodiċi ISO Territorju jew pajjiż terz Territorji inklużi AC Il-Ġżira ta’ Ascension AE L-Emirati Għarab Magħquda AG Antigua u Barbuda AR L-Arġentina AU L-Awstralja AW Aruba BA Il-Bożnija-Ħerzegovina BB Barbados BH Il-Bahrain BM Il-Bermuda BQ Bonaire, Sint Eustatius u Saba (il-Gżejjer BES) BY Il-Belarussja CA Il-Kanada CL Iċ-Ċilì CW Curaçao FJ Fiġi FK Il-Gżejjer Falkland GB Ir-Renju Unit GG Guernsey HK Hong Kong IM Isle of Man JM Il-Ġamajka JP Il-Ġappun JE Jersey KN Saint Kitts u Nevis KY Il-Gżejjer Cayman LC Saint Lucia MS Montserrat MK Il-Maċedonja ta’ Fuq MU Mauritius MX Il-Messiku MY Il-Malasja NC New Caledonia NZ New Zealand PF Il-Polineżja Franċiża PM Saint Pierre u Miquelon RU Ir-Russja SG Singapore SH Saint Helena SX Sint Maarten TT Trinidad u Tobago TW It-Tajwan US L-Istati Uniti tal-Amerka AS – is-Samoa Amerikana GU – Guam MP – il-Gżejjer Mariana tat-Tramuntana PR – Puerto Rico VI – il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti VC Saint Vincent u l-Grenadini VG Il-Gżejjer Verġni Brittaniċi VU Vanuatu WF Wallis u Futuna