Gelex

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2026 tal-4 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li teżenta ċertu xiri ta’ oġġetti tal-ikel mill-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni

In forceVersion 2020-12-04
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/2026@2020-12-04/mt

Contents
  1. Preamble

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tal-1994 (il-Ftehim tad-WTO) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE fit-22 ta’ Diċembru 1994 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1995.

(2) Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-Konferenza Ministerjali tad-WTO) għandha l-awtorità li tieħu deċiżjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu taħt kwalunkwe Ftehim Kummerċjali Multilaterali, jekk jiġi mitlub hekk minn Membru.

(3) Skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu IV tal-Ftehim tad-WTO, il-funzjonijiet tal-Konferenza Ministerjali għandhom jitmexxew mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-intervalli bejn laqgħa u oħra tal-Konferenza Ministerjali.

(4) Skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu IX tal-Ftehim tad-WTO, id-WTO tkompli, meta jkun possibbli, issegwi l-prassi li tieħu d-deċiżjonijiet b’konsensus.

(5) Il-Kunsill Ġenerali tad-WTO, fil-laqgħa tiegħu ta’ Diċembru 2020, jew f’laqgħa sussegwenti fl-2021, jista’ jintalab jikkunsidra u jadotta proposta mmirata lejn l-eżenzjoni ta’ oġġetti tal-ikel li jkunu nxtraw għal skopijiet umanitarji u mhux kummerċjali mill-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) mill-projbizzjonijiet u mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

(6) Il-paragrafu 2(a) tal-Artikolu XI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1947 (GATT tal-1947) jippermetti lill-membri tad-WTO japplikaw temporanjament projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, f’ċirkostanzi speċifiċi, biex jipprevjenu jew itaffu n-nuqqas kritiku ta’ oġġetti tal-ikel jew ta’ prodotti essenzjali oħra għalihom. L-Artikolu 12 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Agrikoltura, li jaqa’ taħt il-GATT 1994, jispeċifika kundizzjonijiet addizzjonali li għandhom jiġu osservati mill-Membri tad-WTO f’każijiet bħal dawn. Matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Membri tad-WTO rrikorrew għal miżuri restrittivi bħal dawn, li jistgħu jaffettwaw ukoll l-oġġetti tal-ikel li jkunu nxtraw għal skopijiet umanitarji u mhux kummerċjali.

(7) Ix-xiri umanitarju mill-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU jenħtieġ li jkun eżentat minn projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fid-dawl tal-bżonn kritiku ta’ appoġġ umanitarju pprovdut mill-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU, li sar saħansitra iktar kruċjali matul il-pandemija tal-COVID-19.

(8) Huwa opportun li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-laqgħa futura rilevanti tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq proposta mmirata lejn l-eżenzjoni ta’ oġġetti tal-ikel li jkunu nxtraw għal skopijiet umanitarji u mhux kummerċjali mill-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) mill-projbizzjonijiet u mir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni, minħabba li tali deċiżjoni tkun vinkolanti fuq l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), fil-laqgħa tiegħu f’Diċembru 2020, jew f’laqgħa sussegwenti fl-2021, għandha tkun din tingħaqad ma’ tali kunsens, fil-każ li dan jintlaħaq fost il-Membri tad-WTO, dwar deċiżjoni għall-eżenzjoni ta’ oġġetti tal-ikel li jkunu nxtraw mill-Programm Dinji tal-Ikel għal skopijiet umanitarji u mhux kummerċjali mill-applikazzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni.

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2020. Għall-Kunsill Il-President M. Roth

Versions

  1. 2020-12-04