Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2211 tat-22 ta’ Diċembru 2020 li jemenda l-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 fir-rigward tar-Renju Unit
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/2211@2020-12-22/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 40(3) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2072 jipprevedi miżuri protettivi kontra l-pesti tal-pjanti, applikabbli fit-territorju tal-Unjoni.
(2) Id-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, huwa applikabbli għar-Renju Unit u fir-Renju Unit matul perjodu ta’ tranżizzjoni li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, f’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-Ftehim dwar il-Ħruġ), u b’mod partikolari l-Artikoli 126 u l-Artikolu 127(1) tiegħu.
(3) Skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-tuberi tal-ispeċi Solanum L., u l-ibridi tagħhom, minbarra dawk speċifikati fl-entrati 15 u 16 tal-Anness VI ta’ dak ir-Regolament (il-pjanti speċifikati), jistgħu jiġu introdotti fl-Unjoni mill-pajjiżi terzi elenkati fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 ta’ dak l-Anness.
(4) Fid-dawl tat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit issottometta talba lill-Kummissjoni għar-rikonoxximent tiegħu bħala ħieles mill-pest speċifikat, mill-1 ta’ Jannar 2021.
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 93/85/KEE tipprevedi miżuri li għandhom jittieħdu fl-Istati Membri, fost l-oħrajn, kontra l-pest Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al., li hija waħda mill-kawżi għall-marda tat-tħassir forma ta’ ċirku tal-patata.
(6) F’konformità mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 93/85/KEE, ir-Renju Unit wettaq stħarriġiet annwali, li r-riżultati tagħhom juru li t-territorju tiegħu kien ħieles mill-pest speċifikat f’dawn l-aħħar tliet snin. Ir-riżultati ta’ dawk l-istħarriġiet ġew innotifikati fl-2020 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
(7) Barra minn hekk, ma ġiet irreġistrata l-ebda interċettazzjoni tal-pest speċifikat matul il-moviment tal-pjanti speċifikati fir-Renju Unit, jew minn dak il-pajjiż lejn l-Unjoni.
(8) Ir-Renju Unit informa lill-Kummissjoni li l-leġiżlazzjoni rispettiva tiegħu, li ttrasponiet id-Direttiva 93/85/KEE, mhux se tinbidel u se tkompli tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
(9) Għalhekk jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi inkluż fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll.
(10) Sabiex jiġi żgurat li r-Renju Unit jibqa’ ħieles mill-pest speċifikat, jenħtieġ li huwa jissottometti lill-Kummissjoni, sal-28 ta’ Frar ta’ kull sena, ir-riżultati tal-istħarriġ li jikkonfermaw li Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. ma kienx preżenti fit-territorju tiegħu matul is-sena preċedenti.
(11) Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 jiġi emendat kif xieraq.
(12) Peress li l-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
(13) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta' Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Diċembru 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
Fir-raba’ kolonna tal-entrata 17 tal-Anness VI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2072, it-test jinbidel b’dan li ġej: Pajjiżi terzi għajr:
(a) l-Alġerija, l-Eġittu, Iżrael, il-Libja, il-Marokk, is-Sirja, l-Iżvizzera, it-Tuneżija u t-Turkija, jew
(b) dawk li jissodisfaw dan li ġejjin: jew
(b)
(i) ikunu wieħed minn dawn li ġejjin: l-Albanija, Andorra, l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Gżejjer Kanarji, il-Gżejjer Faeroe, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Moldova, Monaco, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, ir-Russja (il-partijiet li ġejjin biss: id-Distrett Federali Ċentrali (Tsentralny federalny okrug), id-Distrett Federali tal-Majjistral (Severo-Zapadny federalny okrug), id-Distrett Federali tan-Nofsinhar (Yuzhny federalny okrug), id-Distrett Federali Kawkasu tat-Tramuntana (Severo-Kavkazsky federalny okrug) u d-Distrett Federali ta’ Volga (Privolzhsky federalny okrug)), San Marino, is-Serbja, u l-Ukrajna, u
(ii) jissodisfaw waħda minn dawn li ġejjin:
ikunu rikonoxxuti bħala ħielsa mill-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al., f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) 2016/2031, jew
il-leġiżlazzjoni tagħhom tkun rikonoxxuta bħala ekwivalenti mar-regoli tal-Unjoni li jikkonċernaw protezzjoni kontra l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 2016/2031,
(c) ir-Renju Unit, sakemm tiġi ssodisfata l-kundizzjoni li ġejja: is-sottomissjoni mir-Renju Unit lill-Kummissjoni, sat-28 ta’ Frar ta’ kull sena, tar-riżultati tal-istħarriġ li jikkonfermaw li l-Clavibacter sepedonicus (Spieckermann u Kottho) Nouioui et al. ma kienx preżenti fit-territorju tiegħu matul is-sena preċedenti.