Gelex

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/48 tal-21 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2020-01-21
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/48@2020-01-21/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 1

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1) Fil-11 ta’ Jannar 2019, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 dwar l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(2) Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2019/476, il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, għall-ewwel estenda l-perijodu skont l-Artikolu 50(3) TUE sat-12 ta’ April 2019. Dak il-perijodu kien ġie estiż ulterjorment sal-31 ta’ Ottubru 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/584, meħuda bi qbil mar-Renju Unit, u mbagħad sal-31 ta’ Jannar 2020 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (UE) 2019/1810, meħuda bi qbil mar-Renju Unit.

(3) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kif aġġornat, jipprevedi li, meta ssir in-notifika bil-miktub li tkun lestiet il-proċeduri interni neċessarji tagħha, l-Unjoni, fir-rigward ta’ kwalunkwe Stat Membru li jkun qajjem raġunijiet marbuta mal-prinċipji fundamentali tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, tkun tista’ tiddikjara li, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni, b’żieda mar-raġunijiet ta’ non-eżekuzzjoni ta’ xi mandat ta’ arrest Ewropew imsemmi fid-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ta’ dak l-Istat Membru jkunu jistgħu jirrifjutaw li jikkonsenjaw ċittadini minn tagħhom lir-Renju Unit skont xi Mandat ta’ Arrest Ewropew. F’konformità mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/274, dawk l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan qabel il-15 ta’ Frar 2019.

(4) Meta jitqiesu d-diversi estensjonijiet tal-perijodu skont l-Artikolu 50(3) TUE jkun xieraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2019/274 biex jiġi stabbilit perijodu limitat ġdid li matulu l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw dik il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 jkun jenħtieġ li jinfurmaw b’dan lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. F’din l-okkażjoni, ikun xieraq li tiġi aġġornata r-referenza għall-paragrafu rilevanti tal-Artikolu 185 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(5) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/274 jenħtieġ għalhekk li tiġi emendata skont dan.

(6) Kif previst fl-Artikolu 50(4) tat-TUE, ir-Renju Unit ma ħa sehem la fid-diskussjonijiet tal-Kunsill li jikkonċernaw din id-deċiżjoni u lanqas fl-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1 L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/274 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 1

Artikolu 4 Dawk l-Istati Membri li jkollhom l-intenzjoni li jużaw il-possibbiltà prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 185 tal-Ftehim għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill bl-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan qabel it-28 ta’ Jannar 2020..

Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2020. Għall-Kunsill Il-President A. Metelko-Zgombić

Versions

  1. 2020-01-21