Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/50 tal-21 ta’ Jannar 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919 dwar l-istandards armonizzati għall-inġenji li jintużaw għar-rikreazzjoni u għall-inġenji tal-ilma personali abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ inġenji żgħar, is-sistema ta’ kodifikazzjoni, il-kostruzzjoni tal-buq u d-dimensjonamenti għall-inġenji b’buq wieħed
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/50@2020-01-21/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
(1) Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-prodotti li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, huma preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva.
(2) Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2015) 8736, il-Kummissjoni talbet lis-CEN/Cenelec għall-abbozzar, għar-reviżjoni u għat-tlestija tax-xogħol fuq l-istandards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE li tindirizza rekwiżiti essenzjali aktar stretti stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE u fl-Anness I ta’ dik id-Direttiva meta mqabbla mad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li ġiet imħassra.
(3) B’mod speċifiku, is-CEN/Cenelec intalbu li jadottaw standard ġdid għall-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma li r-rekwiżiti essenzjali għalihom huma stipulati fil-punt 2.1 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2013/53/UE. Is-CEN/Cenelec intalbu wkoll li jqisu kif xieraq l-elementi li huma s-suġġett ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/53/UE, sabiex jiġi evitat trikkib fir-rekwiżiti.
(4) Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN/Cenelec abbozzaw l-istandard EN ISO 10087:2019 Small craft - Craft identification - Coding system.
(5) Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard EN ISO 10087:2019 abbozzat mis-CEN huwiex konformi mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, u jekk huwiex konsistenti mal-atti ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tal-Artikolu 49 tad-Direttiva 2013/53/UE.
(6) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1, adottat abbażi tal-Artikolu 49(1)(c) tad-Direttiva 2013/53/UE, jistipula regoli dwar l-identifikazzjoni tal-inġenji tal-ilma, b’mod partikulari r-regoli minimi rigward il-proċedura għall-assenjar u l-amministrazzjoni tal-kodiċi uniku tal-manifattur.
(7) L-istandard EN ISO 10087:2019 jistipula d-dettalji dwar in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ inġenju tal-ilma, fir-rigward tad-daqs u l-permanenza tal-immarkar, il-lokalizzazzjoni, id-duplikazzjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni, il-ħin tal-immarkar u l-format ta’ wiri. Dak l-istandard jikkomplementa l-kompożizzjoni tan-numru ta’ identifikazzjoni ta’ inġenju tal-ilma, kif stipulat fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1.
(8) Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN/Cenelec intalbu wkoll jirrevedu standards li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea C 87 tat-13 ta’ Marzu 2015.
(9) Abbażi tat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736, is-CEN/Cenelec abbozzaw l-istandard EN ISO 12215-5:2019 Small craft – Hull construction and scantlings, il-parti 5.
(10) Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN/Cenelec, ivvalutat jekk l-istandard EN ISO 12215-5:2019 abbozzat mis-CEN jikkonformax mat-talba stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni C(2015) 8736.
(11) L-istandard EN ISO 12215-5:2019 jindirizza r-rekwiżiti essenzjali stipulati fil-punt 3.1 tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2013/53/UE, u jistipula d-dettalji dwar il-pressjonijiet tad-disinn għall-inġenji b’buq wieħed, l-istress tad-disinn u d-determinazzjoni tad-dimensjonamenti.
(12) L-istandards EN ISO 10087:2019 u EN ISO 12215-5:2019 jissodisfaw ir-rekwiżiti li jimmiraw li jkopru, u li huma stipulati fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2013/53/UE, kif ukoll fil-punti 2.1 u 3.1 tal-Parti A tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva. Għaldaqstant, jixraq li jiġu ppubblikati r-referenzi għal dawk l-istandards f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(13) L-istandard EN ISO 12215-5:2019 se jissostitwixxi l-istandard EN 12215-5:2018. Għaldaqstant, jeħtieġ li r-referenza tal-istandard EN ISO 12215-5:2018 tiġi rtirata minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(14) Biex il-manifatturi jingħataw biżżejjed żmien biex iħejju għall-applikazzjoni tal-istandard EN ISO 12215-5:2019, jeħtieġ li sat-30 ta’ Ġunju 2021 jiġi pospost l-irtirar tar-referenza tal-istandard sostitwit.
(15) Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE huma ppubblikati fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/919. Sabiex jiġi żgurat li r-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2013/53/UE huma elenkati fl-istess att, ir-referenzi tal-istandards EN ISO 10087:2019 u EN ISO 12215-5:2019 jenħtieġ li jiġu inklużi fl-Anness I ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, u r-referenza għall-istandard EN ISO 12215-5:2018 jenħtieġ li titħassar mill-istess Anness.
(16) Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 tiġi emendata skont dan.
(17) Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-punt (1) tal-Anness għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.
Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Jannar 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS
L-Anness I tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/919 huwa emendat kif ġej:
(1) titħassar l-entrata 18;
(2) jiżdiedu l-entrati li ġejjin: Nru Referenza tal-istandard 32. EN ISO 10087:2019 Inġenji żgħar — Identifikazzjoni tal-inġenji żgħar — Sistema ta’ kodifikazzjoni 33. EN ISO 12215-5:2019 Inġenji żgħar — Kostruzzjoni tal-buq u dimensjonamenti, Parti 5: Pressjonijiet tad-disinn għall-inġenji b’buq wieħed, stress tad-disinn u determinazzjoni tad-dimensjonamenti.