Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/646 tat-13 ta’ Mejju 2020 li japprova s-sustanza attiva Lavandulyl senecioate, bħala sustanza b’risku baxx f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2020/646@2020-05-13/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(2) flimkien mal-Artikolu 22(1) tiegħu,
Billi:
(1) F’konformità mal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, fis-17 ta’ Lulju 2015, Suterra Europe Biocontrol ippreżentat lill-Italja applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanza attiva Lavandulyl senecioate.
(2) F’konformità mal-Artikolu 9(3) ta’ dak ir-Regolament, l-Italja, bħala l-Istat Membru relatur, innotifikat lill-applikant, lill-Istati Membri l-oħra, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni fid-29 ta’ Diċembru 2016.
(3) Fit-22 ta’ Awwissu 2017, l-Istat Membru relatur ippreżenta abbozz tar-rapport ta’ valutazzjoni lill-Kummissjoni u bagħat kopja tiegħu lill-Awtorità, u fih ivvaluta jekk jistax jiġi mistenni li dik is-sustanza attiva tissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(4) L-Awtorità kkonformat mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. F’konformità mal-Artikolu 12(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, talbet li l-applikant jipprovdi informazzjoni addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità. Fid-9 ta’ Ottubru 2018 il-valutazzjoni tal-informazzjoni addizzjonali ġiet ippreżentata mill-Istat Membru relatur lill-Awtorità fil-format ta’ abbozz aġġornat tar-rapport ta’ valutazzjoni.
(5) Fl-4 ta’ Jannar 2019, l-Awtorità kkomunikat lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha dwar jekk is-sustanza attiva Lavandulyl senecioate jistax jiġi mistenni li tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. L-Awtorità ppubblikat il-konklużjoni tagħha.
(6) Fit-22 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf ir-rapport ta’ reviżjoni għal-Lavandulyl senecioate u fit-23 ta’ Marzu 2020 abbozz ta’ Regolament li jipprevedi li l-Lavandulyl senecioate huwa approvat.
(7) L-applikant ingħata l-opportunità li jressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-rapport ta’ reviżjoni.
(8) Ġie stabbilit li l-kriterji tal-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati fir-rigward ta’ użu rappreżentattiv wieħed jew aktar ta’ mill-inqas prodott għall-protezzjoni tal-pjanti wieħed li fih is-sustanza attiva, u b’mod partikolari l-użi li ġew eżaminati u spjegati fir-rapport ta’ reviżjoni.
(9) Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Lavandulyl senecioate huwa sustanza attiva b’riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-Lavandulyl senecioate mhuwiex sustanza ta’ tħassib, u jissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5.1.3 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
(10) Għalhekk huwa xieraq li l-Lavandulyl senecioate jiġi approvat bħala sustanza b’riskju baxx.
(11) Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 6 tiegħu, u fid-dawl tal-għarfien xjentifiku u tekniku attwali, jeħtieġ li jiddaħħlu ċerti kondizzjonijiet.
(12) F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 jiġi emendat skont dan.
(13) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Approvazzjoni tas-sustanza attiva
Is-sustanza attiva Lavandulyl senecioate, kif speċifikata fl-Anness I, hija approvata skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dak l-Anness.
Artikolu 2 Emendi għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 3 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2020. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
ANNESS I
Isem Komuni, Numri ta’ Identifikazzjoni Isem IUPAC Purità Data tal-approvazzjoni Skadenza tal-approvazzjoni Dispożizzjonijiet speċifiċi Lavandulyl senecioate Nru CAS: 23960-07-8 Nru CIPAC: mhux applikabbli (RS)-5-metil-2-(prop-1-en-2-il)eż-4-en-1-yl 3-metilbut-2-enoat ≥ 894 g/kg it-3 ta’ Ġunju 2020 it-3 ta’ Ġunju 2035 Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-Lavandulyl senecioate, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. L-Istat Membru għandu jivvaluta kwalunkwe estensjoni tad-disinn tal-użu lil hinn mid-dispensers passivi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-estensjonijiet proposti tal-użu jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tal-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 .
ANNESS II
Fil-Parti D tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja: 19 Lavandulyl senecioate Nru CAS: 23960-07-8 Nru CIPAC: mhux applikabbli (RS)-5-metil-2-(prop-1-en-2-il)eż-4-en-1-yl 3-metilbut-2-enoat ≥ 894 g/kg it-3 ta’ Ġunju 2020 it-3 ta’ Ġunju 2035 Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ reviżjoni dwar il-Lavandulyl senecioate, u b’mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu. L-Istat Membru għandu jivvaluta kwalunkwe estensjoni tad-disinn tal-użu lil hinn mid-dispensers passivi, sabiex jiġi stabbilit jekk l-estensjonijiet proposti tal-użu jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tal-prinċipji uniformi stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011.